Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1156

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1156 tat-12 ta’ April 2024 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra

    ST/16395/2011/REV/1

    ĠU L, 2024/1156, 17.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1156/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1156/oj

    Related international agreement
    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1156

    17.4.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1156

    tat-12 ta’ April 2024

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta’ April 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea mal-Amerika Ċentrali. Id-direttivi ta’ negozjati ġew emendati fl-10 ta’ Marzu 2010 biex jinkludu lill-Panama fil-proċess ta’ nnegozjar.

    (2)

    Dawn in-negozjati ġew konklużi fl-okkażjoni tas-Summit UE-Amerika Latina u Karibew f’Madrid f’Mejju 2010 u l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem jissejjaħ “il-Ftehim”) ġie inizjalat fit-22 ta’ Marzu 2011.

    (3)

    B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/734/UE (2), il-Ftehim ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fid-29 ta’ Ġunju 2012, suġġett għall-konklużjoni tiegħu u għall-applikazzjoni fuq bażi provviżorja tal-Parti IV tiegħu.

    (4)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

    (5)

    Il-Ftehim ma jaffettwax id-drittijiet ta’ investituri tal-Istati Membri li jibbenefikaw minn kwalunkwe trattament aktar favorevoli previst fi kwalunkwe ftehim relatat mal-investiment li għalih Stat Membru u Repubblika tal-Amerika Ċentrali firmatarju jkunu Partijiet.

    (6)

    B’konformità mal-Artikolu 218(7) tat-Trattat, huwa kunsiljabbli li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova l-modifiki fil-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li ġew rakkomandati mis-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni skont l-Artikoli 247 u 274.2(a) tal-Ftehim.

    (7)

    Huwa kunsiljabbli li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi b’konformità mal-Ftehim.

    (8)

    B’konformità mal-Artikolu 356 tal-Ftehim, huwa kunsiljabbli li jiġi ċċarat li l-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala wieħed li jagħti xi drittijiet jew li jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament fil-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

    (9)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala parti mill-Unjoni Ewropea, sakemm l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jinnotifikawx b’mod konġunt lill-Parti tal-Amerika Ċentrali li r-Renju Unit jew l-Irlanda jintrabtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (10)

    Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 4a ta’ dak il-Protokoll (Nru 21), l-Unjoni Ewropea flmkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda għandhom jinfurmaw minnufih lill-Parti tal-Amerika Ċentrali bi kwalunkwe bidla fil-pożizzjoni tagħhom. F’dak il-każ, huma għandhom jibqgħu marbutin bid-diżpozzjonijiet tal-Ftehim f’isimhom stess. L-istess japplika għad-Danimarka f’konformità mal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness ma’ dawk it-Trattati,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (3), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jipproċedu, f’isem l-Unjoni, sabiex jagħtu n-notifika prevista fil-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 353 tal-Ftehim, sabiex din tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    Għall-finijiet tal-Artikolu 247 tal-Ftehim, il-modifiki li jsiru lill-Ftehim permezz tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, kif propost mis-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni Ewropea. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu ftehim wara li jsiru oġġezzjonijiet relatati mal-indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni fuq il-bażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (4).

    Artikolu 4

    1.   Isem protett taħt l-Anness XVIII tal-Ftehim (Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) jista’ jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, oġġetti tal-ikel, inbejjed, inbejjed u spirti aromatiċi li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.

    2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jinfurzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 246 tal-Ftehim, anke fuq talba ta’ parti interessata.

    Artikolu 5

    Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala wieħed li jagħti xi drittijiet jew li jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament fil-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ April 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. VAN PETEGHEM


    (1)  Kunsens tal-11 ta’ Diċembru 2012 (għadu mhuwiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/734/UE tal-25 ta’ Ġunju 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Parti IV tiegħu dwar kwistjonijiet kummerċjali (ĠU L 346, 15.12.2012, p. 1).

    (3)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3, flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1156/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top