This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D0732
Commission Implementing Decision (EU) 2024/732 of 28 February 2024 postponing the expiry date of the approval of aluminium phosphide for use in biocidal products of product-types 14 and 18 in accordance with Regulation (EU) No 528/2012 of the European Parliament and of the Council
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/732 tat-28 ta’ Frar 2024 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/732 tat-28 ta’ Frar 2024 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
C/2024/1178
ĠU L, 2024/732, 1.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/732/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/732 |
1.3.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/732
tat-28 ta’ Frar 2024
li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
(1) |
Il-fosfur tal-aluminju ddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, huwa għalhekk meqjus bħala approvat skont dak ir-Regolament soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE. |
(2) |
Fis-26 ta’ Frar 2020, ġew sottomessi applikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 (“l-applikazzjonijiet”). |
(3) |
Fil-25 ta’ Mejju 2020, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjonijiet kienet meħtieġa. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha. |
(4) |
L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’, skont kif ikun xieraq, tirrikjedi lill-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal min-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. |
(5) |
Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) għandha tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tissottomettiha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
(6) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1284 (3) pposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 sal-31 ta’ Lulju 2024, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjonijiet. |
(7) |
Fl-20 ta’ Settembru 2023, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni infurmat lill-Kummissjoni li hija meħtieġa estensjoni addizzjonali tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 biex tiġi ffinalizzata l-evalwazzjoni tagħha. L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tistenna li se tissottometti r-rapporti ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-Aġenzija fit-tieni trimestru tal-2024. |
(8) |
Konsegwentement, minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta ulterjorment għal perjodu ta’ żmien biżżejjed biex ikun jista’ jiġi finalizzat l-eżami tal-applikazzjonijiet. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, u għat-tħejjija u għas-sottomissjoni mill-Aġenzija tal-opinjonijiet tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Jannar 2026. |
(9) |
Wara l-posponiment ulterjuri tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-fosfur tal-aluminju jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1284 hija posposta għall-31 ta’ Jannar 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/2022-04-15.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/2013-08-20).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1284 tat-2 ta’ Awwissu 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fosfur tal-aluminju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 14 u 18 (ĠU L 279, 3.8.2021, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1284/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/732/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)