Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0394

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/394 tas-16 ta’ Jannar 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/869

    ST/13479/2023/INIT

    ĠU L, 2024/394, 24.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/394/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/394/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/394

    24.1.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/394

    tas-16 ta’ Jannar 2024

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/869

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE (1) l-Unjoni aderiet mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“Ftehim GFCM”). Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja huma wkoll Partijiet Kontraenti għall-Ftehim GFCM.

    (2)

    Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) tadotta miżuri biex tiġi żgurata l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fuq terminu twil tar-riżorsi tas-sajd u l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fiż-Żona ta’ Applikazzjoni tal-GFCM. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li l-Unjoni tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin jirrestawra u jmantni l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada ’l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġa l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, telimina gradwalment l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, u trażżan l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marina u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

    (4)

    F’konformità mal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”, “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u “Strateġija Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent”, huwa essenzjali li tiġi protetta n-natura u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi. It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità ma għandhomx jippreġudikaw id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi li ekosistemi marini f’saħħithom jipprovdu lis-sajjieda, lill-komunitajiet kostali u lill-umanità inġenerali.

    (5)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari”, tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastiks u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll it-telf jew l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd fil-baħar. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” timmira li tnaqqas b’50 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar u bi 30 % tal-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent.

    (6)

    Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli”- tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità marina taħt l-azzjoni esterna tal-Unjoni. L-Unjoni hija l-aktar attur prominenti fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u fil-korpi tas-sajd madwar id-dinja. Hemmhekk, l-Unjoni tippromwovi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, tippromwovi t-teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti abbażi ta’ parir xjentifiku sod, ittejjeb ir-riċerka xjentifika, u ssaħħaħ il-konformità.

    (7)

    Kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali dwar is-Sostenibbiltà tas-Sajd fil-Mediterran, li adottat id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Malta MedFish4Ever fit-30 ta’ Marzu 2017 u tal-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar is-Sajd u l-Akkwakultura fil-Baħar l-Iswed, li adottat id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Sofija fis-7 ta’ Ġunju 2018, il-promozzjoni ta’ miżuri li jappoġġaw u jtejbu l-ġbir tad-data u l-evalwazzjoni xjentifika, il-ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, il-kultura ta’ konformità biex jiġi eliminat is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, is-sajd u l-akkwakultura fuq skala żgħira sostenibbli u aktar solidarjetà u koordinazzjoni, huma ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni fil-GFCM.

    (8)

    L-Istrateġija għall-2030 tal-GFCM għas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, adottata fl-2021, tintegra u tiżviluppa aktar l-impenji u l-prijoritajiet tad-Dikjarazzjonijiet Ministerjali preċedenti, filwaqt li tiffoka wkoll fuq azzjonijiet biex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi li qed jiżdiedu, bħat-tibdil fil-klima, l-ispeċijiet mhux indiġeni, it-tniġġis fil-forom kollha tiegħu u l-ħtieġa li jitnaqqas u jittaffa r-rimi u l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet vulnerabbli.

    (9)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-GFCM għall-perjodu 2024-2028, minħabba li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tal-GFCM jistgħu jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw deċiżament il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (3) u (KE) Nru 1224/2009 (4), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (10)

    Bħalissa, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-GFCM hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/869 (6). Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perjodu 2024-2028.

    (11)

    Fid-dawl tan-natura li dejjem qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona ta’ Applikazzjoni tal-GFCM u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-GFCM, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi speċifikata minn sena għal sena għall-perjodu 2024-2028,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija stabbilita fl-Anness I.

    Artikolu 2

    L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-GFCM għandha ssir f’konformità mal-Anness II.

    Artikolu 3

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard għal-laqgħa annwali tal-GFCM fl-2029.

    Artikolu 4

    Id-Deċiżjoni (UE) 2019/869 hija b’dan imħassra.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Jannar 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. VAN PETEGHEM


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE tas-16 ta’ Ġunju 1998 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (ĠU L 190, 4.7.1998, p. 34).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/869 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), u li tħassar id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-GFCM (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 84).


    ANNESS I

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM)

    1.   PRINĊIPJI

    Fil-qafas tal-GFCM, l-Unjoni għandha:

    (a)

    tiżgura li l-miżuri adottati fil-GFCM ikunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, mal-Ftehim tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni ta’ Ħażniet ta’ Ħut li Jpassi f’Żona Limitata u Ħażniet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna, mal-Ftehim tal-1993 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) biex jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f’ibħra internazzjonali, u mal-Ftehim tal-2009 tal-FAO dwar Miżuri tal-Istat Portwarju;

    (b)

    timmira li timplimenta l-azzjonijiet u l-impenji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever iffirmata f’Malta fit-30 ta’ Marzu 2017 u fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Sofija ffirmata fis-7 ta’ Ġunju 2018, li huma maħsuba partikolarment biex itejbu l-ġbir tad-data u l-evalwazzjoni xjentifika, jistabbilixxu qafas ta’ ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, jiżviluppaw kultura ta’ konformità u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, jappoġġaw is-sajd u l-akkwakultura fuq skala żgħira u sostenibbli u jiżguraw aktar solidarjetà u koordinazzjoni fil-Mediterran;

    (c)

    tippromwovi l-objettivi tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali u fil-15-il Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, partikolarment fir-rigward taż-żieda fil-protezzjoni tal-bijodiversità marina u l-protezzjoni ta’ 30 % tal-oċean tad-dinja permezz ta’ żoni marini protetti;

    (d)

    tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Bijodiversità – il-ħtieġa għal azzjoni urġenti, mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2021 dwar Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tan-natura, u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, u Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja;

    (e)

    taġixxi f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd, notevolment permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta’ approċċ abbażi tal-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex kemm jista’ jkun jiġu evitati jew jitnaqqsu qabdiet mhux mixtieqa, u biex jiġu eliminati gradwalment il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta’ sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

    (f)

    tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd;

    (g)

    tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani għal oċeani u ibħra sikuri, siguri, nodfa, f’saħħithom u ġestiti b’mod sostenibbli fir-rigward tal-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar;

    (h)

    taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet konċernati fil-fażi tal-preparazzjoni għall-miżuri GFCM u tiżgura li l-miżuri adottati fil-GFCM jkunu skont l-objettivi tal-Ftehim GFCM;

    (i)

    tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs);

    (j)

    tara li jkun hemm konsistenza u sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tagħha tas-sajd ma’ pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha notevolment fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

    (k)

    timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fiż-Żona ta’ Applikazzjoni tal-GFCM abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta’ dawk il-prinċipji u ta’ dawk l-istandards;

    (l)

    tippromwovi l-koordinazzjoni bejn il-GFCM, RFMOs eżistenti oħra u konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli, skont il-mandati tagħhom, fejn xieraq;

    (m)

    tippromwovi l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fost RFMOs mhux tat-tonn bħalma hu l-proċess Kobe għal RFMOs tat-tonn.

    2.   ORJENTAZZJONIJIET

    L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tfittex li tappoġġa l-adozzjoni mill-GFCM tal-azzjonijiet li ġejjin bi qbil mal-Istrateġija 2030 tagħha:

    (a)

    miżuri li jippromwovu l-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u li jippromwovu s-sostenibbiltà tal-istokkijiet, u l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima u l-ispeċijiet mhux indiġeni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż bl-integrazzjoni ta’ miżuri adegwati ta’ mitigazzjoni u adattament fil-pjanijiet ta’ ġestjoni;

    (b)

    miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona ta’ Applikazzjoni tal-GFCM abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, inkluż il-qabdiet totali permissibbli u l-kwoti jew ir-regolazzjoni tal-isforz fis-sajd li jistad riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin regolati mill-GFCM, li jiksbu r-rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li huma soġġetti għal sajd żejjed biex l-isforz u l-kapaċità tas-sajd jinżamm konformi mal-opportunitajiet ta’ sajd disponibbli; fid-dawl tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fil-każ li pjanijiet pluriennali għal xi stokk jew grupp ta’ stokkijiet fil-Mediterran ikunu ġew adottati fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li dawn jitqiesu meta jkunu relatati mal-implimentazzjoni tal-objettiv li jintlaħaq rendiment massimu sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (c)

    miżuri li jippromwovu l-ġbir tad-data, ir-riċerka xjentifika u d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni abbażi tax-xjenza, it-tisħiħ tal-kumitat tal-konformità tagħha, kultura ta’ konformità u rieżamijiet perjodiċi indipendenti tal-prestazzjoni; kif ukoll li jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-industrija u x-xjentisti;

    (d)

    miżuri għall-prevenzjoni, id-deterrent u l-eliminazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) fiż-Żona ta’ Applikazzjoni tal-GFCM, inkluż l-elenkar tal-bastimenti IUU u l-elenkar komuni ma’ RFMOs oħra, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali tal-GFCM biex jiġi miġġieled is-sajd IUU, u miżuri li jippromwovu t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd abbażi tal-Linji Gwida Volontarji għall-Iskemi ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid;

    (e)

    miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-Żona ta’ Applikazzjoni tal-GFCM, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali tal-GFCM biex jiġi miġġieled is-sajd IUU, bl-għan li jiġi eliminat is-sajd IUU billi jissaħħu l-konformità u l-infurzar fil-GFCM;

    (f)

    il-promozzjoni ta’ miżuri mmirati lejn kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni permezz ta’ operaturi ta’ pajjiżi terzi fil-livell tal-GFCM, fir-rigward tar-regoli l-ġodda ta’ kontroll li ser jiġu implimentati skont is-sistema riveduta ta’ kontroll tas-sajd tal-Unjoni, bħall-monitoraġġ elettroniku remot u l-kontroll tas-sajd fuq skala żgħira u rikreattiv;

    (g)

    miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd u akkwakultura fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, inkluż miżuri protettivi għal ekosistemi marini vulnerabbli u abitati essenzjali tal-ħut fiż-Żona ta’ Applikazzjoni tal-GFCM f’konformità mal-Ftehim GFCM u l-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista’ jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż partikolarment l-ispeċijiet marini vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat;

    (h)

    miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u jiġi prevenut l-iskariku tal-plastik fil-baħar u jitnaqqas l-impatt tal-plastik fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini, inkluż miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta’ Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew Skartat Mod Ieħor fl-oċean u biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-irkupru ta’ tali rkaptu abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Markar tal-Irkaptu tas-Sajd;

    (i)

    miżuri mmirati lejn il-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tas-sajd għall-pinen tal-klieb il-baħar u li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art bil-pinen kollha mwaħħla kif tipprovdi n-natura;

    (j)

    azzjonijiet li jippromwovu l-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli f’konformità mad-dritt tal-Unjoni rilevanti;

    (k)

    rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sa fejn hu permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

    (l)

    approċċi komuni ma’ RFMOs oħrajn, fejn xieraq, partikolarment dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun;

    (m)

    miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-pariri tal-korpi sussidjarji u tal-gruppi ta’ ħidma tal-GFCM;

    (n)

    miżuri f’konformità mal-impenji tad-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever u tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Sofija.

    (o)

    miżuri konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel.


    ANNESS II

    L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM)

    Qabel kull laqgħa tal-GFCM, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti ġuridiċi fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika reċenti u informazzjoni rilevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

    B’konsegwenza ta’ dan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-GFCM, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.

    Jekk matul laqgħa tal-GFCM ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, inkluż f’dak il-waqt, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/394/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top