Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0383

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/383 tat-22 ta’ Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan

    ST/5036/2024/INIT

    ĠU L, 2024/383, 22.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/383/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/383/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/383

    22.1.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/383

    tat-22 ta’ Jannar 2024

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fid-9 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 (1).

    (2)

    Fis-27 ta’ Novembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan, li fiha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew il-kundanna qawwija tagħhom tal-ġlied kontinwu bejn il-Forzi Armati Sudaniżi u l-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu, u l-milizzji affiljati rispettivi tagħhom. L-Unjoni ddeplorat ukoll l-eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza u l-ħsara irreparabbli għall-ħajja tal-bniedem f’Darfur u fil-pajjiż kollu, kif ukoll il-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.

    (3)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li jiżdiedu sitt entitajiet fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135.

    (4)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2135 tad-9 ta’ Ottubru 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L 2023/2135, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2135/oj).


    ANNESS

    L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ““ANNESS

    A.   Lista ta’ persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2(1)

    […]

    B.   Lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    Defense Industries System

    magħruf ukoll bħala:

    Military Industry Corporation;

    Defense Industries Corporation

    Indirizz: Khartoum North, Khartoum 10783

    Tip ta’ entità: Entità pubblika

    Data tar-reġistrazzjoni: 1993

    Defense Industries System (DIS), li qabel kienet magħrufa bħala Military Industrial Corporation (MIC), hija konglomerat kbir li huwa proprjetà tal-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) li jimmaniġġa network ta’ kumpaniji kkontrollati mill-militar. Id-DIS tiġġenera dħul annwali sostanzjali, stmat għal USD 2 biljun fl-2020.

    Id-DIS timmanifattura u tipprovdi lill-SAF b’firxa ta’ tagħmir militari, inkluż armi, munizzjon, inġenji tal-ajru u vetturi militari, li huma wżati mill-forzi armati fil-kunflitt fis-Sudan.

    Id-DIS tikkontrolla flimkien mal-SMT Engineering (SMT), permezz ta’ network ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti u indiretti, bosta kumpaniji tal-konglomerat tal-GIAD ikkontrollat mill-SAF, li huwa involut ukoll fil-produzzjoni ta’ armi u vetturi għall-forzi armati, kif ukoll fil-forniment ta’ servizzi lill-SAF b’mod partikolari permezz ta’ sħubija bejn GIAD għall-Automotive Services u l-Korpi tal-Inġiniera.

    Id-Direttur Ġenerali tad-DIS akkumpanja lill-Kmandant Al-Burhan matul iż-żjarat uffiċjali tiegħu barra mill-pajjiż minn April 2023.

    Għalhekk, id-DIS tagħti appoġġ lill-azzjonijiet u l-politiki tal-SAF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan. Barra minn hekk, id-DIS hija assoċjata ma’ SMT li tipprovdi wkoll appoġġ għall-azzjonijiet u l-politiki tal-SAF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan.

    22.1.2024

    2.

    SMT Engineering

    magħruf ukoll bħala:

    Sudan Master Technology;

    SMT

    Indirizz: SMT Building Madani Road, KM 50 Khartoum, Giad Industrial Complex, Gamhuria Street Khartoum

    Tip ta’ entità: Kumpanija Kkontrollata mill-Istat

    SMT Engineering (SMT) hija kumpanija bbażata fis-Sudan li hija s-sid jew tikkontrolla, flimkien mad-DIS, bosta kumpaniji tal-konglomerat tal-GIAD ikkontrollat mill-SAF, permezz ta’ network ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti u indiretti. SMT hija l-azzjonist ewlieni ta’ tliet kumpaniji tal-GIAD li fihom id-DIS għandha l-bqija tal-ishma (GIAD for the automotive and truck industry, GIAD complex for heavy mechanism industries u GIAD metal industries complex). SMT hija s-sid jew tikkontrolla wkoll, direttament jew indirettament, ħafna kumpaniji oħra li huma parti mill-konglomerat tal-GIAD u li fih id-DIS għandha wkoll ishma, bħal GIAD għall-Automotive Services.

    Il-konglomerat tal-GIAD huwa involut fil-produzzjoni ta’ armi u vetturi għall-forzi armati, kif ukoll fil-forniment ta’ servizzi lill-SAF b’mod partikolari permezz ta’ sħubija bejn il-GIAD għall-Automotive Services u l-Korpi tal-Inġiniera.

    Id-DIS hija konglomerat kbir li huwa proprjetà tal-SAF li jipprovdi appoġġ għall-azzjonijiet u l-politiki tal-SAF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan, b’mod partikolari permezz tal-manifattura u l-forniment ta’ firxa ta’ tagħmir militari, inkluż armi, munizzjon, inġenji tal-ajru u vetturi militari, li huma wżati mill-forzi armati fil-kunflitt fis-Sudan.

    Għalhekk, SMT Engineering tagħti appoġġ lill-azzjonijiet u l-politiki tal-SAF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan. Hija wkoll assoċjata mad-DIS, li wkoll tipprovdi appoġġ lill-azzjonijiet u l-politiki tal-SAF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan.

    22.1.2024

    3.

    Zadna International Company for Investment Limited

    Indirizz: Doha Street Property 436, Manshia Doha Street, Khartoum, Sudan, 11429

    Tip ta’ entità: Kumpanija Kkontrollata mill-Istat

    Data tar-reġistrazzjoni: 1997

    Zadna International Company for Investment Limited (Zadna) hija kumpanija azzjonarja fl-agrikoltura u l-kostruzzjoni, li hija 99 % proprjetà tal-Fond Speċjali kkontrollat mill- SAF għas-Sigurtà Soċjali tal-Forzi Armati (SFSSAF), qabel magħrufa bħala l-Organizzazzjoni tal-Karità għall-Appoġġ tal-Forzi Armati).

    Il-mexxej tal-SAF, il-Kmandant Al-Burhan, f’Ottubru 2021 ħatar lill-Ġeneral El Mirghani Idris Suleiman bħala President ta’ Zadna, li huwa wieħed minn sħabu u Direttur tad-DIS.

    F’Mejju 2023, huwa ħatar ukoll lil Dr. Taha Hussein Yousef bħala Direttur Ġenerali ta’ Zadna.

    L-SFSSAF u Zadna huma parti min-network vast ta’ kumpaniji u organizzazzjonijiet li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati mill-SAF, li jintużaw biex isostnu s-setgħa tal-forzi armati fuq l-ekonomija Sudaniża.

    Zadna hija kumpanija ewlenija involuta fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali ta’ profil għoli u hija waħda mill-kumpaniji bl-akbar dħul fin-network ta’ kumpaniji tal-armata. Għalhekk, tiġġenera dħul sostanzjali għall-benefiċċju tal-SAF, li jippermetti lill-forzi armati jiffinanzjaw u jkomplu l-kunflitt fis-Sudan.

    Għalhekk, Zadna International Company for Investment Limited tagħti appoġġ għall-azzjonijiet u l-politiki tal-SAF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan.

    22.1.2024

    4.

    Al Junaid Multi Activities Co Ltd

    magħruf ukoll bħala

    Ajmac multi activities company;

    Al Gunade

    Indirizz: Street 3 Khartoum Block 17 Alryad, Sudan

    Industrial Area 13, Sharjah, UAE P.O. Box 61401, Sharjah

    Tip ta’ entità: Kumpanija Limitata

    Data tar-reġistrazzjoni: 2009

    Al Junaid Multi Activities Co Ltd (Al Junaid) hija kumpanija azzjonarja Sudaniża kkontrollata mill-Kmandant tal-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) Mohamed Hamdan Dagalo (Hemedti) u ħuh, il-Viċi Kmandant tal-RSF Abdul Rahim Dagalo. Il-kumpanija hija proprjetà ta’ Abdul Rahim Dagalo u ż-żewġ uliedu. Hemedti nnifsu huwa fuq il-bord tad-diretturi.

    Ibbażata f’Khartoum, Al Junaid topera sussidjarji f’diversi setturi ekonomiċi, inklużi l-estrazzjoni tad-deheb u l-kummerċ, u tkopri parti kbira mill-industrija tad-deheb tas-Sudan. Il-kumpanija għandha konċessjonijiet ta’ estrazzjoni f’Darfur, b’mod partikolari fil-viċinanza ta’ Jebel Amer (Tramuntana ta’ Darfur) u fiż-żona Singo (Darfur tan-Nofsinhar), u topera wkoll lil hinn minn dak ir-reġjun.

    Il-minjieri tad-deheb tad-Darfur, inkluż is-sit ta’ Jebel Amer, ilhom taħt il-kontroll tal-RSF mill-2017.

    L-estrazzjoni u l-kummerċ tad-deheb permezz ta’ Al-Junaid jiġġeneraw sors sostanzjali ta’ dħul għall-familja Dagalo u l-RSF, li jippermettilhom jiffinanzjaw u jkomplu l-kunflitt fis-Sudan.

    L-RSF qed tuża wkoll il-produzzjoni u l-esportazzjonijiet tad-deheb ta’ Al Junaid biex tiżgura appoġġ militari mill-Emirati Għarab Magħquda (UAE), fejn il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tad-deheb tas-Sudan tiddaħħal bil-kuntrabandu, u mill-Grupp Wagner, inkluż il-forniment ta’ armi użati mill-RSF fil-kunflitt fis-Sudan.

    Għalhekk, Al Junaid Multi Activities Co Ltd tagħti appoġġ għall-azzjonijiet tal-RSF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan.

    22.1.2024

    5.

    Tradive General Trading Co

    Indirizz: P.O. Box 86436, Dubai (UAE)

    Tip ta’ entità: Kumpanija Limitata

    Data tar-reġistrazzjoni: 2018

    Tradive General Trading Co (Tradive) hija kumpanija bbażata fl-Emirati Għarab Magħquda li d-direttur u s-sid benefiċjarju aħħari tagħha huwa l-Maġġur tal- RSF Algoney Hamdam Daglo, l-iżgħar minn ħut Mohammed Hamdan Dagalo (Hemedti).

    Tradive hija parti min-network kummerċjali tal-RSF li tiġġenera dħul stabbli għall-RSF li jgħinhom jiffinanzjaw u jkomplu l-kunfllitt fis-Sudan. Din tintuża bħala kumpanija faċċata tal-RSF, li tidderieġi somom sostanzjali lejn u mill-RSF, u tippermetti x-xiri ta’ materjal li jappoġġa l-operazzjonijiet tal-RSF.

    Pereżempju, Tradive xtrat vetturi għall-RSF, inkluż trakkijiet pick-up Toyota Hilux u Land Cruiser, li spiss jiġu kkonvertiti f’“tekniċi” mobbli ħafna, li huma vetturi tad-deżert armati. Fl-ewwel nofs tal-2019, ġew importati fis-Sudan aktar minn 1000 tali vettura mill-Emirati Għarab Magħquda. Dawn il-vetturi konvertiti ntużaw mill-RSF għal żmien twil u għadhom jintużaw minnhom fil-kunflitt fis-Sudan, b’mod partikolari biex jgħassu ż-żoni taħt il-kontroll tal-RSF.

    Għalhekk, Tradive General Trading Co tagħti appoġġ għall-azzjonijiet tal-RSF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan.

    22.1.2024

    6.

    GSK ADVANCE COMPANY LTD

    Indirizz: Ahmed Khair Street, Khartoum 11111, Sudan

    Tip ta’ entità: Kumpanija Limitata

    GSK hija kumpanija tat-teknoloġija tal-informazzjoni u s-sigurtà bbażata fis-Sudan, li 60 % tagħha hija proprjetà tal-Maġġur tal- RSF Algoney Hamdan Daglo, l-iżgħar fost l-aħwa ta’ Mohamed Hamdan Dagalo (Hemedti).

    GSK hija parti min-network kummerċjali tal-RSF li tiġġenera dħul stabbli għall-RSF li jgħinhom jiffinanzjaw u jkomplu l-kunfllitt fis-Sudan. Din tintuża mill-RSF bħala kumpanija faċċata li tiffaċilita l-flussi tal-flus lejn l-RSF u hija involuta fil-proċessi tal-akkwist tal-RSF.

    Barra minn hekk, mill-inqas mill-2019, GSK qed taħdem ma’ Aviatrade LLC, kumpanija ta’ forniment militari bbażata fir-Russja, għax-xiri u l-forniment ta’ materjal u tagħmir għall-benefiċċju tal-RSF, kif ukoll it-taħriġ korrispondenti, u x-xira u l-forniment ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, tagħmir ta’ monitoraġġ u spare parts. Droni ta’ rikonjizzjoni u armati jintużaw mill-RSF fil-kunflitt fis-Sudan.

    Għalhekk, GSK Advance Company LTD tagħti appoġġ għall-azzjonijiet tal-RSF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan.

    22.1.2024

    ” ”

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/383/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top