EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2779

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2779 tas-6 ta’ Settembru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-entitajiet bankarji paralleli msemmija fl-Artikolu 394(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

C/2023/5912

ĠU L, 2023/2779, 12.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2779/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2779/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2779

12.12.2023

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2779

tas-6 ta’ Settembru 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-entitajiet bankarji paralleli msemmija fl-Artikolu 394(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 394(4), ir-raba’ subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sistema bankarja parallela tista’ twassal għal żieda fir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. L-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jtaffu dak ir-riskju. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit li l-entitajiet li huma soġġetti għal tali awtorizzazzjoni u superviżjoni ma għandhomx jitqiesu bħala entitajiet bankarji paralleli. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li dan id-dritt tal-Unjoni jiġi speċifikat.

(2)

Matul il-kriżi riċenti tal-COVID-19, il-fondi tas-suq monetarju ffaċċjaw kwistjonijiet ta’ likwidità severi. Dan enfasizza li r-riskji assoċjati mal-fondi tas-suq monetarju, b’mod partikolari f’kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq, mhumiex mitigati għalkollox mir-rekwiżiti prudenzjali eżistenti fl-Unjoni u għalhekk, jistgħu jwasslu għal riskju akbar għall-istabbiltà finanzjarja. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-iskoperturi għal fondi tas-suq monetarju jitqiesu bħala skoperturi għal entitajiet bankarji paralleli.

(3)

Il-fondi ta’ investiment alternattivi, li jużaw ingranaġġ fuq bażi sostanzjali, jinvolvu riskji addizzjonali, u mill-perspettiva prudenzjali, mhuwiex meqjus li r-rekwiżiti imposti fuq il-maniġers tal-assi tagħhom skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistgħu jimmitigaw dawn ir-riskji b’mod adegwat (2). Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet iqisu l-fondi ta’ investiment alternattivi bħala entitajiet bankarji paralleli meta dawn l-impriżi jużaw ingranaġġ fuq bażi sostanzjali, joriġinaw self matul il-perkors ordinarju tan-negozju tagħhom, jew jixtru skoperturi ta’ għoti ta’ self ta’ partijiet terzi għalihom stess.

(4)

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ma jikkunsidrawx bħala entitajiet bankarji paralleli istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu ttrattati bħala istituzzjonijiet għall-kalkolu ta’ assi ponderati għar-riskju skont l-approċċ standardizzat stabbilit fl-Artikolu 119(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, peress li dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji ikunu awtorizzati u ssorveljati mill-awtoritajiet kompetenti u soġġetti għal rekwiżiti prudenzjali komparabbli, f’termini ta’ robustezza, għal dawk applikati għall-istituzzjonijiet.

(5)

Minħabba n-natura pubblika jew semipubblika tagħhom jew l-istatus kooperattiv tagħhom, ċerti entitajiet huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ma jqisux dawk l-entitajiet bħala entitajiet bankarji paralleli.

(6)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jeskludi ċerti impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, minħabba d-daqs tagħhom. Peress li dawn l-impriżi huma żgħar, ma joħolqux riskju sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ma jqisux dawn l-impriżi bħala entitajiet bankarji paralleli.

(7)

L-attivitajiet ta’ intermedjazzjoni tal-kreditu ta’ entitajiet li huma parti minn grupp mhux finanzjarju, imwettqa f’isem entitajiet oħra fi ħdan dak il-grupp mhux finanzjarju, għandhom ambitu limitat. Għal dik ir-raġuni, dawn ma joħolqux riskju sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja u għalhekk jenħtieġ li ma jiġux identifikati bħala entitajiet bankarji paralleli.

(8)

Jenħtieġ li entitajiet li jkunu inklużi fis-superviżjoni fuq bażi konsolidata ta’ istituzzjonijiet li huma soġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jiġux identifikati bħala entitajiet bankarji paralleli, peress li r-riskji ta’ dawk l-entitajiet jinqabdu f’livell konsolidat.

(9)

Il-Prinċipji Fundamentali ta’ Basel għal kontroll bankarju effikaċi jirrappreżentaw prinċipji maqbula internazzjonalment u pedament sod għar-regolamentazzjoni, is-superviżjoni, il-governanza, u l-ġestjoni tar-riskju tas-settur bankarju ta’ pajjiż. Għalhekk, jenħtieġ li istituzzjoni ta’ pajjiż terz li tkun ġiet awtorizzata u ssorveljata minn awtorità superviżorja li tapplika dawk il-Prinċipji Ewlenin ta’ Basel ma toħloqx riskju sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja u jenħtieġ li ma tiġix identifikata bħala entità bankarja parallela.

(10)

Għall-istess raġuni, jenħtieġ li s-sussidjarji ta’ impriża prinċipali awtorizzata u ssorveljata f’konformità mal-Prinċipji Ewlenin ta’ Basel u li huma inklużi fil-konsolidazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali fuq bażi konsolidata ta’ dik l-impriża prinċipali ma jitqisux bħala entitajiet bankarji paralleli.

(11)

Il-punti 1, 2, 3, 6, 7, 8 u 10 tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE jelenkaw ċerti servizzi u attivitajiet bħala servizzi u attivitajiet bankarji. Madankollu, hemm servizzi u attivitajiet oħra mwettqa minn ċerti entitajiet li huma simili ħafna għal dawk is-servizzi u l-attivitajiet bankarji, meta dawn jinvolvu it-trasformazzjoni tal-maturità, it-trasformazzjoni tal-likwidità, l-ingranaġġ, jew it-trasferiment tar-riskju tal-kreditu. Jenħtieġ li dawk is-servizzi u l-attivitajiet, għal dik ir-raġuni, jitqiesu bħala servizzi bankarji u attivitajiet għall-identifikazzjoni ta’ entitajiet bankarji paralleli.

(12)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sottomess lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(13)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kriterji għall-identifikazzjoni ta’ entitajiet bankarji paralleli

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jidentifikaw bħala entità bankarja parallela:

(a)

kwalunkwe entità li toffri servizzi bankarji jew li twettaq attivitajiet bankarji kif stabbilit fl-Artikolu 2 u li ma tkunx awtorizzata u ssorveljata skont kwalunkwe wieħed mill-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(b)

kwalunkwe impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli kif definita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), meta dawk l-impriżi jkunu awtorizzati bħala fondi tas-suq monetarju kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(c)

kwalunkwe fond ta’ investiment alternattiv kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE, meta tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

il-fond ta’ investiment alternattiv ikun awtorizzat bħala fond tas-suq monetarju kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/1131;

(ii)

il-fond ta’ investiment alternattiv ikun juża ingranaġġ fuq bażi sostanzjali kif stabbilit fl-Artikolu 111(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 (9);

(iii)

il-fond ta’ investiment alternattiv ma jkunx ipprojbit milli joriġina self matul il-perkors ordinarju tan-negozju tiegħu jew milli jixtri skoperturi ta’ self ta’ partijiet terzi għalih stess abbażi tar-regoli jew tal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tiegħu.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet ma għandhomx jidentifikaw l-entitajiet li ġejjin bħala entitajiet bankarji paralleli:

(a)

istituzzjonijiet finanzjarji li l-iskoperturi tagħhom jkunu ttrattati skont l-Artikolu 119(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

kwalunkwe entità li tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

id-Direttiva 2013/36/UE;

(ii)

ir-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(iii)

id-Direttiva 2009/138/KE;

(iv)

ir-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

kwalunkwe entità li tkun eżentata mill-applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

id-Direttiva 2013/36/UE;

(ii)

ir-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(iii)

id-Direttiva 2009/138/KE;

(iv)

ir-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

kwalunkwe entità li tkun parti minn grupp mhux finanzjarju li l-attività prinċipali tagħha tkun li twettaq attivitajiet ta’ intermedjazzjoni tal-kreditu għall-impriża prinċipali tagħha jew għas-sussidjarji tagħha jew għal sussidjarji oħra tal-impriża prinċipali tagħha;

(e)

kwalunkwe entità li tkun inkluża fis-superviżjoni ta’ istituzzjoni fuq bażi konsolidata;

(f)

kwalunkwe entità stabbilita f’pajjiż terz li tkun tissodisfa kwalunkwe wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(i)

l-entità tkun ġiet awtorizzata u tkun issorveljata minn awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz skont il-Prinċipji Fundamentali ta’ Basel għal kontroll bankarju effikaċi;

(ii)

ir-reġim regolatorju tal-pajjiż terz, li f’konformità miegħu l-entità tkun ġiet awtorizzata u tkun issorveljata, ikun ġie rikonoxxut bħala ekwivalenti għal dak applikat fl-Unjoni għal tali entitajiet skont id-dispożizzjonijiet ta’ ekwivalenza tal-att legali applikabbli tal-Unjoni msemmi fl-Anness;

(iii)

l-entità tkun inkluża fis-superviżjoni fuq bażi konsolidata ta’ istituzzjoni li tkun ġiet awtorizzata u tkun issorveljata minn awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz li tapplika regolamentazzjoni u superviżjoni bankarja abbażi tal-Prinċipji Fundamentali ta’ Basel għal kontroll bankarju effikaċi.

Artikolu 2

Servizzi u attivitajiet bankarji

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 1, dawn li ġejjin għandhom jikkostitwixxu servizzi u attivitajiet bankarji:

(a)

l-attivitajiet imsemmija fil-punti 1, 2, 3, 6, 7, 8 u 10 tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE;

(b)

kwalunkwe servizz jew attività oħra li tkun tinvolvi trasformazzjoni tal-maturità, trasformazzjoni tal-likwidità, ingranaġġ jew trasferiment ta’ riskju tal-kreditu.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-attivitajiet u s-servizzi li jikkonsistu fl-ikklerjar kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma għandhomx jikkostitwixxu servizzi u attivitajiet bankarji.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(7)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 8).

(9)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).


ANNESS

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a) u l-Artikolu 1(2), il-punt (f)(ii)

1.

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

2.

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)

3.

Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)

4.

Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4)

5.

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)

6.

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)

7.

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)

8.

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)

9.

Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9)

10.

Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10)

11.

Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11)

12.

Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12)

13.

Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13)

14.

Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14)

15.

Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15)

16.

Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16)

17.

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17)


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176 27.6.2013, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(6)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(9)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(10)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

(12)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(13)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(14)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2779/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top