Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2633

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2633 tal-20 ta’ Novembru 2023 li jistabbilixxi t-trajettorja għall-mili b’miri intermedjarji għall-2024 għal kull Stat Membru b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tiegħu u interkonnessi direttament maż-żona tas-suq tiegħu

    C/2023/7890

    ĠU L, 2023/2633, 23.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2633/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2633/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2633

    23.11.2023

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2633

    tal-20 ta’ Novembru 2023

    li jistabbilixxi t-trajettorja għall-mili b’miri intermedjarji għall-2024 għal kull Stat Membru b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tiegħu u interkonnessi direttament maż-żona tas-suq tiegħu

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1032 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6a(7), it-tielet subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Wara l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u fid-dawl tal-possibbiltà ta’ interruzzjoni fit-tul jew saħansitra waqfien tal-provvisti tal-gass mir-Russja, l-Unjoni Ewropea ħadet inizjattivi biex iżżid it-tħejjija tagħha kontra tali interruzzjonijiet sabiex tipproteġi liċ-ċittadini u lill-ekonomija tagħha.

    (2)

    F’dan il-kuntest, ir-Regolament (UE) 2022/1032 ġie adottat bil-ħsieb li jiġi żgurat il-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art tal-Istati Membri għall-perjodu tax-xitwa tal-2022–2023 u lil hinn.

    (3)

    Għall-2023 u lil hinn, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6a(7) tar-Regolament (UE) 2017/1938 jipprevedi li kull Stat Membru b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art irid jibgħat lill-Kummissjoni, sal-15 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel, abbozz ta’ trajettorja għall-mili b’miri intermedjarji għal Frar, Mejju, Lulju u Settembru, inkluż informazzjoni teknika, għal tali faċilitajiet fit-territorju tiegħu u interkonnessi direttament maż-żona tas-suq tiegħu f’forma aggregata. It-trajettorja għall-mili u l-miri intermedji għandhom ikunu bbażati fuq ir-rata medja tal-mili matul il-ħames snin preċedenti.

    (4)

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6a(7) tar-Regolament (UE) 2017/1938 jistipula li, abbażi tal-informazzjoni teknika pprovduta minn kull Stat Membru u filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass (il-“GCG”), il-Kummissjoni trid tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu t-trajettorja għall-mili għal kull Stat Membru sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ qabel f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18a(2) tar-Regolament imsemmi hawn fuq. Il-Kummissjoni hija assistita minn kumitat tal-komitoloġija msemmi fl-Artikolu 18a(1) tar-Regolament (UE) 2017/1938, il-“Kumitat għall-Ħżin tal-Gass”.

    (5)

    Sal-15 ta’ Novembru 2023 il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu t-trajettorji għall-mili għal kull Stat Membru b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għall-2024. Minħabba l-limiti ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, jenħtieġ li jiġi adottat att ta’ implimentazzjoni uniku għall-Istati Membri kollha kkonċernati.

    (6)

    Fid-dawl tal-inċertezza kbira fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u l-iżvilupp tad-domanda u tal-provvista tal-gass fl-Unjoni u fl-Istati Membri individwali, ix-xenarji ta’ konsum differenti skont it-temperaturi tax-xitwa, u l-livell ta’ miżuri volontarji għal tnaqqis fid-domanda implimentati mill-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 (3), kif imbagħad ġew estiżi bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706 (4), it-trajettorji għall-mili stabbiliti f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jinkludu miri intermedji minimi teknikament fattibbli li jippermettu li l-Istati Membri jilħqu l-mira għall-mili ta’ 90 % sal-1 ta’ Novembru 2024.

    (7)

    It-trajettorji għall-mili jenħtieġ li jqisu, sa fejn ikun possibbli, dawk ippreżentati mill-Istati Membri u jenħtieġ li jqisu r-rata medja tal-mili tal-Istati Membri matul il-ħames snin ta’ qabel. Il-fattibbiltà teknika tal-miri intermedji stabbiliti f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li tqis ukoll il-kurva tal-kapaċità ta’ injezzjoni aggregata tas-siti tal-ħżin ta’ kull Stat Membru. Dawk il-miri jenħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod li jissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jiġu evitati piżijiet bla bżonn fuq l-Istati Membri, il-parteċipanti fis-suq tal-gass, l-operaturi jew il-klijenti tas-sistema tal-ħżin, u mingħajr distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni bejn il-faċilitajiet tal-ħżin li jinsabu fl-Istati Membri ġirien.

    (8)

    Il-miri intermedji tal-1 ta’ Frar u l-1 ta’ Mejju 2024 huma miri importanti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass matul is-sena li ġejja. L-iffissar tal-mira ta’ Frar biex il-medja minima tal-Unjoni tkun 45 % huwa maħsub biex isaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-gass billi jiżgura kapaċità għolja tat-twassil mill-ħażniet f’Diċembru 2023 u f’Jannar 2024 meta d-domanda għall-gass tkun għolja, filwaqt li jiġi evitat l-eżawriment tal-ħżin fi Frar u f’Marzu 2024. B’mod partikolari, jenħtieġ li tiġi pprovduta flessibbiltà fix-xhur bikrin tax-xitwa f’każ ta’ xitwa li tkun iktar kiesħa mill-medja. Madankollu, meta titqies il-Prospettiva tal-Provvista għax-xitwa ta’ ENTSOG, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex kollettivament jilħqu l-mili ta’ 55 % tal-kapaċità tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fl-Unjoni biex jipprevjenu sitwazzjoni ta’ sigurtà tal-provvista li tista’ twassal biex tiġi ddikjarata Twissija tal-UE skont ir-Regolament (UE) 2023/706 u b’konsegwenza jiġu adottati miżuri marbuta mad-domanda. Il-mira intermedjarja li l-livell tal-ħżin tal-UE jkun 45 % fl-1 ta’ Mejju 2024 hija ġġustifikata biex tiffaċilita l-mili mill-ġdid tal-ħżin f’każ ta’ domanda ogħla u/jew tnaqqis fil-provvista matul is-sajf tal-2024 u jekk din ma tintlaħaqx tista’ toħloq riskju serju li l-mira tal-ħżin ta’ 90 % tal-1 ta’ Novembru 2024 ma tintlaħaqx. F’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1938, il-livelli tal-mili li jibqgħu sa ħames punti perċentwali taħt il-mira, jitqiesu bħala konformi mal-miri tar-Regolament (UE) 2017/1938. Meta l-livell tal-mili ta’ Stat Membru jkun aktar minn ħames punti perċentwali taħt il-livell tat-trajettorja għall-mili tiegħu, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tieħu miżuri effettivi minnufih biex iżżidu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-GCG b’tali miżuri.

    (9)

    It-trajettorji għall-mili ppreżentati mill-Istati Membri jistgħu jvarjaw minn xulxin peress li dawn jirriflettu sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Barra minn hekk, il-miri tal-ħżin għall-1 ta’ Mejju huma ġeneralment aktar baxxi mill-miri tal-1 ta’ Frar peress li l-irtirar tal-ħażna huwa marbut mad-domanda għat-tisħin u l-ħażniet jilħqu l-minimu tagħhom fil-livell tal-UE madwar April ta’ kull sena.

    (10)

    Għall-Istati Membri li jaqgħu taħt l-Artikolu 6a(3) tar-Regolament (UE) 2017/1938, jenħtieġ li l-mira għall-mili titnaqqas bil-volum li ġie pprovdut lil pajjiżi terzi matul il-perjodu ta’ referenza mill-2016 sal-2021 jekk il-volum medju ipprovdut kien iktar minn 15 TWh fis-sena matul il-perjodu tal-irtirar mill-ħażna tal-gass (Ottubru – April).

    (11)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jilħqu l-mira għall-mili ta’ 90 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2017/1938, inkluż, b’mod partikolari, billi jaggregaw id-domanda u jieħdu sehem fil-mekkaniżmu ta’ xiri konġunt, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2022 (5) u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 (6) relatat, jekk jiġi estiż.

    (12)

    Fil-mili tal-ħżin, u fid-dawl tal-isfidi għall-istaġun tal-mili fl-2024, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-aqwa użu mill-għodod ta’ koordinazzjoni kollha disponibbli fil-livell tal-UE. Jekk l-użu tal-Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija għall-aggregazzjoni tad-domanda bil-ħsieb ta’ xiri konġunt tal-gass jiġi estiż, jista’ jikkontribwixxi għal koordinazzjoni aħjar tal-mili tal-ħżin. Pereżempju, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu lesti jipparteċipaw fl-aggregazzjoni tad-domanda b’volumi sostanzjali biex jgħinu fil-kisba tal-mira ta’ 90 %.

    (13)

    It-trajettorji għall-mili jqisu wkoll il-valutazzjoni tal-GCG, li ġie kkonsultat matul il-laqgħat tiegħu tal-20 ta’ Settembru 2023 u fl-20 ta’ Ottubru 2023.

    (14)

    Dan ir-Regolament qed jirrifletti t-trajettorji tal-ħżin tal-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art, filwaqt li l-Artikolu 6c tar-Regolament (UE) 2017/1938 jipprevedi obbligi oħra għall-Istati Membri li ma għandhomx faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art.

    (15)

    Meta titqies il-ħtieġa li sal-15 ta’ Novembru 2023 jiġu stabbiliti t-trajettorji għall-mili għall-2024, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (16)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Ħżin tal-Gass.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Trajettorji għall-mili għall-2024

    It-trajettorji għall-mili b’miri intermedji għall-2024 għall-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art fit-territorju tagħhom u interkonnessi direttament maż-żona tas-suq tagħhom huma stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706 tat-30 ta’ Marzu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/1369 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda tal-gass, u t-tisħiħ tar-rapportar u tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom (ĠU L 93, 31.3.2023, p. 1).

    (5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM/2022/553 final tat-18 ta’ Ottubru 2022 – L-Emerġenza tal-Enerġija — inħejju, nixtru u nipproteġu lill-UE flimkien.

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u skambji transfruntieri tal-gass (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 1).


    ANNESS

    Trajettorja għall-mili b’miri intermedji u b’mira ta’ mili għall-2024 għall-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art (1)

    Stat Membru

    Mira intermedja tal-1 ta’ Frar

    Mira intermedja tal-1 ta’ Mejju

    Mira intermedja tal-1 ta’ Lulju

    Mira intermedja tal-1 ta’ Settembru

    Mira tal-mili tal-1 ta’ Novembru

    AT

    50  %

    40  %

    58  %

    72  %

    90  %

    BE

    30  %

    5  %

    40  %

    78  %

    90  %

    BG

    52  %

    33  %

    55  %

    77  %

    90  %

    CZ

    40  %

    25  %

    30  %

    60  %

    90  %

    DE

    45  %

    10  %

    30  %

    65  %

    90  %

    DK

    45  %

    40  %

    60  %

    80  %

    90  %

    ES

    59  %

    60  %

    66  %

    80  %

    90  %

    FR

    41  %

    11  %

    39  %

    81  %

    90  %

    HR

    46  %

    29  %

    51  %

    83  %

    90  %

    HU

    51  %

    37  %

    65  %

    86  %

    90  %

    IT

    45  %

    36  %

    54  %

    72  %

    90  %

    LV

    45  %

    41  %

    63  %

    90  %

    90  %

    NL

    43  %

    30  %

    50  %

    68  %

    90  %

    PL

    50  %

    35  %

    60  %

    80  %

    90  %

    PT

    70  %

    70  %

    80  %

    80  %

    90  %

    RO

    40  %

    41  %

    65  %

    85  %

    90  %

    SE

    59  %

    30  %

    61  %

    79  %

    90  %

    SK

    45  %

    20  %

    27  %

    67  %

    90  %


    (1)  L-Anness huwa soġġett għall-obbligi pro rata ta’ kull Stat Membru skont ir-Regolament (UE) 2017/1938, b’mod partikolari l-Artikoli 6a, 6b u 6c tiegħu. Għall-Istati Membri li jaqgħu taħt l-Artikolu 6a(2), il-mira intermedja pro rata għandha tiġi kkalkolata billi l-valur indikat fit-tabella jiġi mmultiplikat bil-limitu ta’ 35 % u billi r-riżultat jiġi diviż b’90 %.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2633/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top