EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2606

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2606 tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jsostni investimenti għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ ċerti Stati Membri

C/2023/7833

ĠU L, 2023/2606, 23.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2606/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2606/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2606

23.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2606

tat-22 ta’ Novembru 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jsostni investimenti għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ ċerti Stati Membri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10d(12) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE stabbiliet fond biex jappoġġa l-investimenti għall-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika f’ċerti Stati Membri (il-“Fond għall-Modernizzazzjoni”). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1001 (2) jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emendat l-Artikolu 10d tad-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi l-Fond għall-Modernizzazzjoni f’għadd ta’ aspetti. Fost l-oħrajn, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investimenti ta’ prijorità ġie estiż għall-infrastruttura għall-mobilità mingħajr emissjonijiet, u l-appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni ġie estiż għall-Greċja, għall-Portugall u għas-Slovenja. Għalhekk, ir-regoli dettaljati dwar l-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1001 jenħtieġ li jiġu allinjati mad-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata bid-Direttiva(UE) 2023/959.

(3)

Id-Direttiva 2003/87/KE tispeċifika liema dħul mill-Fond għall-Modernizzazzjoni jista’ jintuża għal investimenti li jinvolvu fjuwils fossili gassużi. Barra minn hekk, dik id-Direttiva tispeċifika liema dħul għandu jintuża f’konformità mal-kriterji “la tagħmilx ħsara sinifikanti” stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), meta tali dħul jintuża għal attività ekonomika li għaliha jkunu ġew stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar biex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil objettiv ambjentali rilevanti wieħed jew aktar skont l-Artikolu 10(3), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat li dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati, huwa xieraq li tiġi stabbilita distinzjoni, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1001, bejn diversi kategoriji u subkategoriji ta’ dħul mill-Fond għall-Modernizzazzjoni fil-proċeduri għas-sottomissjoni u l-valutazzjoni tal-proposti ta’ investiment.

(4)

Biex tissaħħaħ it-tmexxija finanzjarja tajba tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, il-proġetti li għalihom l-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni mitlub jaqbeż is-somma ta’ EUR 70 000 000 (“proġetti fuq skala kbira”), u li għalhekk x’aktarx jiġu implimentati fuq perjodu itwal ta’ żmien jew fi stadji, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal żborż gradwali bbażat fuq skeda proposta mill-Istat Membru benefiċjarju. Ir-regoli dwar l-ewwel żborżi u dawk sussegwenti li japplikaw għall-iskemi jenħtieġ li japplikaw għal tali proġetti fuq skala kbira. Meta jitlob żborżi sussegwenti, l-Istat Membru benefiċjarju jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proġett fuq skala kbira.

(5)

Sabiex tittejjeb it-trasparenza tal-finanzjament fl-ambitu tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, il-partijiet ikkonċernati rilevanti jenħtieġ li jiġu kkonsultati dwar proposti ta’ investiment li jikkonċernaw proġetti u skemi fuq skala kbira li għalihom l-appoġġ totali mitlub jaqbeż is-somma ta’ EUR 100 000 000 (“skemi fuq skala kbira”) qabel ma dawk il-proġetti u l-iskemi jiġu sottomessi lill-Bank Ewropew tal-Investiment (il-“BEI”) u lill-Kumitat tal-Investiment. L-Istati Membri benefiċjarji jenħtieġ li jiddeċiedu dwar il-proċedura għal tali konsultazzjoni.

(6)

L-Istat Membru benefiċjarju jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk l-iskemi meta jitlob żborżi sussegwenti biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni għal skemi li jistgħu jinvolvu għadd kbir ta’ investimenti żgħar implimentati fuq perjodu ta’ diversi snin. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-iskemi fit-tul ikomplu jilħqu l-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, jixraq li d-durata tagħhom tiġi limitata għal massimu ta’ 5 snin, u wara dan l-Istat Membru benefiċjarju li jkun jixtieq ikompli l-iskema jista’ jissottometti proposta ġdida ta’ investiment li jenħtieġ li ssirilha valutazzjoni sħiħa.

(7)

Fl-interess taċ-ċertezza legali għall-iskemi kkonfermati mill-BEI jew rakkomandati għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment qabel il-5 ta’ Ġunju 2023 (jiġifieri, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2023/959, li daħħlet l-Artikolu 10f fid-Direttiva 2003/87/KE), jenħtieġ li jiġi previst li l-iżborżi sussegwenti għal dawk l-iskemi ma jiddependux mill-konformità tal-iskema mal-Artikolu 10f tad-Direttiva 2003/87/KE. Min-naħa l-oħra, l-iżborżi għal kwalunkwe investiment ikkonfermat mill-BEI jew irrakkomandat għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment fil-5 ta’ Ġunju 2023 jew wara għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 10f tad-Direttiva 2003/87/KE.

(8)

Sabiex jiġi promoss l-użu effiċjenti tar-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni u jiġi evitat li jinżammu f’investimenti li ma jiġux implimentati, jenħtieġ li jittejbu r-regoli applikabbli għal investimenti li ma jitkomplewx. L-investimenti jenħtieġ li jitqiesu li ma tkomplewx jekk, wara ċertu perjodu ta’ żmien, ma jkunux wasslu għal impenn legali vinkolanti bejn l-Istat Membru jew l-awtorità maniġerjali tal-iskema u l-benefiċjarju finali tar-riżorsi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jew jekk ma jkun ingħata l-ebda appoġġ lill-investiment, sakemm l-Istat Membru benefiċjarju ma jkunx jista’ juri li l-investiment ikun qed jiġi implimentat.

(9)

Ir-regoli li jirregolaw l-operat tal-Kumitat tal-Investiment jenħtieġ li jiġu aġġornati biex jirriflettu s-sħubija estiża tal-Kumitat li jinkludi rappreżentanti ta’ Stati Membri benefiċjarji ġodda.

(10)

Sabiex tittejjeb il-koerenza tal-investimenti ffinanzjati fl-ambitu tal-Fond għall-Modernizzazzjoni u sabiex tiġi żgurata l-kontribuzzjoni tagħhom għall-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija, l-Istati Membri benefiċjarji jenħtieġ li jibagħtu l-ħarsa ġenerali lejn l-investimenti ppjanati tagħhom fl-istess ħin tar-rapport annwali tagħhom. Ir-rapport annwali jenħtieġ li jispjega r-relazzjoni bejn l-investimenti ppjanati u l-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-partijiet ikkonċernati rilevanti jenħtieġ li jiġu kkonsultati dwar l-abbozz tal-ħarsa ġenerali lejn l-investimenti ppjanati. L-Istati Membri benefiċjarji jenħtieġ li jiddeċiedu dwar il-proċedura għal tali konsultazzjoni.

(11)

Sabiex tittejjeb il-valutazzjoni tal-proposti ta’ investiment u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-investimenti li għaddejjin, jenħtieġ li tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar tali proposti u investimenti. B’mod partikolari, biex tiġi pprovduta informazzjoni komprensiva dwar il-potenzjal ta’ dekarbonizzazzjoni ta’ kull investiment, il-proposti kollha ta’ investiment jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar il-potenzjal tagħhom ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kostijiet relatati tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, il-ħarsiet ġenerali lejn l-investimenti ppjanati u l-proposti ta’ investiment jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar jekk l-investiment ikunx ingħata siġill jew kwalunkwe tikketta ta’ kwalità pprovduta mid-dritt tal-Unjoni wara li jkun ġie evalwat b’mod pożittiv fi programm ta’ finanzjament immaniġġjat direttament.

(12)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/1001 jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1001

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1001 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(6)

“skema fuq skala kbira” tfisser skema li għaliha l-appoġġ totali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni mitlub jaqbeż is-somma ta’ EUR 100 000 000;

(7)

“proġett fuq skala kbira” tfisser investiment minbarra skema, li għalih l-appoġġ totali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni mitlub jaqbeż is-somma ta’ EUR 70 000 000;

(8)

“kategorija ta’ fondi” tfisser kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta’ fondi li ġejjin disponibbli għal Stat Membru benefiċjarju:

(a)

fondi ġġenerati mill-irkant tal-kwoti skont l-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE;

(b)

fondi ġġenerati mill-irkant tal-kwoti skont l-Artikolu 10(1), ir-raba’ subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE;

(c)

fondi ġġenerati mill-irkant tal-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(9)

“subkategorija ta’ fondi” tfisser kwalunkwe waħda mis-subkategoriji ta’ fondi li ġejjin iġġenerati mill-irkant tal-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE:

(a)

fondi ġġenerati qabel il-31 ta’ Diċembru 2027;

(b)

fondi ġġenerati bejn il-31 ta’ Diċembru 2027 u t-30 ta’ Diċembru 2028;

(c)

fondi ġġenerati wara t-30 ta’ Diċembru 2028.”;

(2)

L-Artikolu 3 jitħassar;

(3)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, “il-BEI” hija sostitwita b’dan li ġej: “il-Bank Ewropew tal-Investiment (il-‘BEI’)”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   Meta investiment ikun jikkonċerna proġett fuq skala kbira, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jissottometti proposta f’konformità mal-paragrafu 1.

Meta jissottometti dik il-proposta, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jispeċifika l-ammont mitlub bħala l-ewwel żborż għall-proġett fuq skala kbira u jissottometti skeda ta’ implimentazzjoni tal-proġett u skeda ta’ żborż korrispondenti.

Wara li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet dwar l-ewwel żborż għall-proġett fuq skala kbira skont l-Artikolu 8(1), kwalunkwe żborż sussegwenti għandu jirrikjedi proposta separata mill-Istat Membru benefiċjarju li tispeċifika l-ammont li għandu jitħallas u li jkun fiha informazzjoni aġġornata dwar il-proġett fuq skala kbira, kif xieraq. Barra minn hekk, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proġett meta mqabbel mal-iskeda ta’ implimentazzjoni sottomessa.

2b.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-abbozzi tal-proposti ta’ investiment għal proġetti fuq skala kbira u skemi fuq skala kbira, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jistabbilixxu perjodi ta’ żmien raġonevoli biex il-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu infurmati u jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel is-sottomissjoni tal-proposti ta’ investiment lill-BEI.”

;

(4)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Id-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli għandha tispeċifika l-kategoriji u s-subkategoriji ta’ fondi disponibbli għall-Istat Membru benefiċjarju, kif xieraq.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għal kull kategorija u subkategorija ta’ fondi, id-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli għandha tispeċifika dan li ġej:”;

(5)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 7 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-Istat Membru benefiċjarju jkollu biżżejjed fondi fil-kategorija jew sottokategorija rilevanti ta’ fondi disponibbli skont id-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli msemmija fl-Artikolu 5(1) u wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe ammont li għandu jiġi żborżat għal investimenti diġà kkonfermati f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;”;

(ii)

fil-punt (c), it-tieni inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

huwa eżentat min-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat;”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

l-Istat Membru benefiċjarju jkun wera li l-investiment jikkonforma mal-Artikolu 10f tad-Direttiva 2003/87/KE, meta meħtieġ;”;

(iv)

jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

meta proposta tikkonċerna skema, id-durata tal-iskema ma taqbiżx il-5 snin. Din il-kundizzjoni ma għandhiex tipprevjeni lill-Istat Membru benefiċjarju milli jissottometti proposta ġdida ta’ investiment għall-kontinwazzjoni tal-iskema f’konformità mal-Artikolu 4.”;

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Meta proposta tikkonċerna żborż sussegwenti għal skema jew għal proġett fuq skala kbira kkonfermat mill-BEI f’konformità mal-paragrafu 9 qabel l-ewwel żborż u ma kien hemm l-ebda bidla fl-iskema jew fil-proġett fuq skala kbira, il-BEI jista’ jikkonferma l-proposta bħala investiment ta’ prijorità, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-investiment jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati fil-paragrafu 7, il-punti (b) u (c);

(b)

l-investiment jissodisfa r-rekwiżit speċifikat fil-paragrafu 7, il-punt (ca), ħlief għall-iskemi kkonfermati mill-BEI f’konformità mal-paragrafu 9 qabel il-5 ta’ Ġunju 2023;

(c)

l-Istat Membru benefiċjarju jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-iskema jew tal-proġett fuq skala kbira f’konformità mal-Anness I, il-punt 4.2.”

;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“11.   Proposta ta’ investiment li tiddupplika b’mod sostanzjali proposta preċedenti li ma tkunx ikkonfermata mill-BEI mhijiex ammissibbli.”

;

(6)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 7 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-Istat Membru benefiċjarju jkollu biżżejjed fondi disponibbli fil-kategorija jew fis-sottokategorija rilevanti tal-fondi skont id-dikjarazzjoni ta’ fondi disponibbli msemmija fl-Artikolu 5(1) u wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe ammont li għandu jiġi żborżat skont l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6(10) u abbażi tar-rakkomandazzjonijiet diġà maħruġa f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;”;

(ii)

fil-punt (c), il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“meta l-investiment propost għandu jiġi ffinanzjat minn dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, jew tal-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 10d(4) ta’ dik id-Direttiva, is-sehem tal-fondi allokati għall-investimenti ta’ prijorità jkun mill-inqas 80 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, u mill-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE użati mill-Istat Membru benefiċjarju, inkluż il-fondi li ġejjin:”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

meta l-investiment propost għandu jiġi ffinanzjat mid-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), ir-raba’ subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, is-sehem tal-fondi allokati għall-investimenti ta’ prijorità jkun mill-inqas 90 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), ir-raba’ subparagrafu, użati mill-Istat Membru benefiċjarju, inkluż il-fondi li ġejjin:

il-fondi diġà żborżati għal investimenti ta’ prijorità u mhux ta’ prijorità,

il-fondi li għad iridu jiġu żborżati skont l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6(10),

il-fondi li għad iridu jiġu żborżati skont rakkomandazzjoni diġà maħruġa skont il-paragrafu 9,

il-fondi mitluba għall-proposta ta’ investiment li qed tiġi vvalutata;”;

(iv)

fil-punt (e), it-tieni inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

tkun eżentata min-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat;”;

(v)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ea)

l-Istat Membru benefiċjarju jkun wera li l-investiment jikkonforma mal-Artikolu 10f tad-Direttiva 2003/87/KE, meta meħtieġ;”;

(vi)

jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

meta proposta tikkonċerna skema, id-durata tal-iskema ma taqbiżx il-5 snin. Din il-kundizzjoni ma għandhiex tipprevjeni lill-Istat Membru benefiċjarju milli jissottometti proposta ġdida ta’ investiment għall-kontinwazzjoni tal-iskema.”;

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Meta proposta tikkonċerna żborż sussegwenti għal skema jew għal proġett fuq skala kbira rrakkomandat għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment f’konformità mal-paragrafu 9 qabel l-ewwel żborż u ma kien hemm l-ebda bidla fl-iskema jew fil-proġett fuq skala kbira, il-Kumitat tal-Investiment jista’ jikkonferma l-proposta bħala investiment ta’ prijorità, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-investiment jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati fil-paragrafu 7, il-punti (b) sa (e);

(b)

l-investiment jissodisfa r-rekwiżit speċifikat fil-paragrafu 7, il-punt (ea), ħlief għall-iskemi rakkomandati għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment f’konformità mal-paragrafu 9 qabel il-5 ta’ Ġunju 2023;

(c)

l-Istat Membru benefiċjarju jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-iskema jew tal-proġett fuq skala kbira f’konformità mal-Anness I, il-punt 4.2.”

;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“11.   Proposta ta’ investiment li tiddupplika b’mod sostanzjali proposta preċedenti li ma tkunx irrakkomandata mill-Kumitat tal-Investiment mhijiex ammissibbli.”

;

(7)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni dwar l-iżborż lill-Istat Membru benefiċjarju kkonċernat u tinforma b’dan lill-BEI, lill-Kumitat tal-Investiment u, meta rilevanti, lill-Istat Membru mhux benefiċjarju li fih jinsab ir-reġjun kontigwu tal-fruntiera tal-Unjoni involut fl-investiment.”

;

(8)

l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Investimenti li ma jitkomplewx

1.   Soġġett għar-rapport annwali sottomess mill-Istat Membru benefiċjarju skont l-Artikolu 13, investiment għandu jitqies li ma tkompliex f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru benefiċjarju jew l-awtorità maniġerjali tal-iskema ma tkunx daħlet, fi żmien sentejn mill-aħħar trażmissjoni tal-fondi mill-BEI skont l-Artikolu 9, f’impenn legali mal-proponent tal-proġett jew kwalunkwe wieħed mir-riċevituri finali tal-iskema biex jiffinanzjaw l-investiment;

(b)

l-Istat Membru benefiċjarju jew l-awtorità maniġerjali tal-iskema ma tkun tat l-ebda appoġġ għall-investiment għal aktar minn sentejn minn meta daħlet fl-impenn legali biex tiffinanzja l-investiment mal-proponent tal-proġett jew ma’ kwalunkwe wieħed mir-riċevituri finali tal-iskema, sakemm l-Istat Membru benefiċjarju ma jkunx jista’ juri li l-investiment qed jiġi implimentat u li l-appoġġ se jingħata fi żmien raġonevoli.

2.   Fid-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha timmodifika l-ammont diġà żborżat għall-investiment li ma jitkompliex billi tnaqqas kwalunkwe ammont li għadu mhux impenjat legalment meta l-investiment ma jitkompliex skont il-paragrafu 1, il-punt (a), jew li jkun għadu ma ngħatax meta l-investiment ma jitkompliex skont il-paragrafu 1, il-punt (b). Kwalunkwe ammont bħal dan għandu jżid ir-riżorsi fil-Fond għall-Modernizzazzjoni disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 5(2)(b) u jiġi paċut ma’ kwalunkwe pagament futur mill-BEI lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 9. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-BEI dwar il-ħtieġa li dan l-ammont jiġi paċut.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, qabel id-data tal-għeluq tad-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli stabbilita fl-Artikolu 5(3), l-Istat Membru benefiċjarju jista’ jinforma lill-Kummissjoni dwar investiment li tkompliex u jitlob modifika tad-deċiżjoni dwar l-iżborż f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Din it-talba tista’ tikkonċerna l-ammonti li għadhom ma humiex koperti minn impenn legali jew li għadhom ma tħallsux lill-proponent tal-proġett jew lir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-ammonti diġà mħallsa lill-proponent tal-proġett jew lir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, iżda sussegwentement irkuprati mill-Istat Membru benefiċjarju. L-Istat Membru benefiċjarju għandu jipprovdi l-evidenza dokumentarja li tiġġustifika t-talba.

Il-paragrafu 2 għandu japplika għall-modifika tad-deċiżjoni dwar l-iżborż, għaż-żieda tar-riżorsi fil-Fond għall-Modernizzazzjoni disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat, u għat-tpaċija tal-ammont irritornat lill-Fond ma’ kwalunkwe pagament futur mill-BEI lill-Istat Membru.”

;

(9)

fl-Artikolu 11, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Meta proposta ta’ investiment għandha tiġi ffinanzjata mid-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jew tal-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 10d(4) ta’ dik id-Direttiva, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri benefiċjarji intitolati li jiddeliberaw u jitfgħu vot għandhom ikunu biss dawk speċifikati fil-Parti A tal-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87/KE.

3b.   Meta proposta ta’ investiment tinvolvi reġjun kontigwu tal-fruntiera tal-Unjoni li jinsab fi Stat Membru mhux benefiċjarju li jkun rappreżentat fil-Kumitat tal-Investiment, u r-rappreżentant tal-BEI ma japprovax il-finanzjament ta’ dik il-proposta ta’ investiment, ir-rappreżentant ta’ dak l-Istat Membru mhux benefiċjarju ma għandux ikun intitolat li jivvota dwar il-proposta.”

;

(10)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-BEI għandu jiżviluppa linji gwida għall-immaniġġjar tal-assi biex jimmaniġġja d-dħul mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, ħalli jiżgura li dak id-dħul jiġi mmaniġġjat f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva 2003/87/KE u r-regoli interni tal-BEI.”

;

(11)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

Il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-ippjanar bil-quddiem mill-Istati Membri benefiċjarji ;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn ħarsa ġenerali lejn l-investimenti li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru benefiċjarju beħsiebu jissottometti proposti ta’ investiment fis-sentejn kalendarji li jmiss, bi prospetti sal-2030, kif ukoll minn informazzjoni aġġornata dwar l-investimenti koperti minn kwalunkwe ħarsa ġenerali preċedenti.”

;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Il-ħarsa ġenerali u, sa fejn ikun possibbli, il-prospetti sal-2030 imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkun fihom l-informazzjoni speċifikata fl-Anness III.

4.   L-informazzjoni inkluża fil-ħarsa ġenerali msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tkun vinkolanti għall-Istat Membru benefiċjarju meta jissottometti l-proposti ta’ investiment skont l-Artikolu 4.

5.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati dwar l-abbozz tal-ħarsa ġenerali msemmija fil-paragrafu 2. L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jistabbilixxu perjodi ta’ żmien raġonevoli biex il-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu infurmati u jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel ma l-ħarsa ġenerali tiġi sottomessa lill-Kummissjoni.”

;

(12)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

Il-monitoraġġ u r-rapportar minn Stati Membri mhux benefiċjarji dwar investimenti li jinvolvu r-reġjuni kontigwi tal-fruntiera tal-Unjoni

Meta l-Istat Membru benefiċjarju juża r-riżorsi allokati lilu biex jiffinanzja investimenti li jinvolvu r-reġjun kontigwu tal-fruntiera tal-Unjoni, l-Istat Membru mhux benefiċjarju li fih jinsab dak ir-reġjun għandu jipprovdi lill-Istat Membru benefiċjarju kwalunkwe informazzjoni u evidenza dokumentarja li hija meħtieġa biex l-Istat Membru benefiċjarju jikkonforma mal-Artikolu 13.”

;

(13)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

l-għadd ta’ proposti ta’ investiment riċevuti u ta’ proposti ta’ investiment ikkonfermati, inkluża l-ispeċifikazzjoni tal-qasam ta’ investiment u l-ammonti korrispondenti;

(b)

l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet maħruġa, il-konklużjonijiet fil-qosor għal kull rakkomandazzjoni u l-ammonti ta’ investimenti rakkomandati;”;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

id-data u l-konklużjonijiet ewlenin dwar ir-rapporti annwali sottomessi mill-Istati Membri benefiċjarji f’konformità mal-Artikolu 13(1).”;

(b)

fil-paragrafu 2, id-data “15 ta’ Marzu” hija sostitwita bi “15 ta’ Novembru”;

(14)

fl-Artikolu 15(1) it-tieni subparagrafu jitħassar;

(15)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-BEI għandu jħejji kontijiet annwali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni għal kull sena finanzjarja, li għandhom jiddekorru mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jiżguraw li kull sentejn isir awditu tal-użu tal-ammonti mħallsa mill-Fond għall-Modernizzazzjoni mill-Istat Membru benefiċjarju jew mill-awtorità maniġerjali tal-iskema lill-proponent tal-proġett jew lir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. L-Istat Membru benefiċjarju għandu jipprovdi r-rapport tal-awditjar lill-Kummissjoni u lill-BEI mingħajr dewmien żejjed.”

;

(16)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli fuq is-siti web tad-dipartimenti rilevanti tal-amministrazzjonijiet tagħhom informazzjoni dwar l-investimenti sostnuti skont dan ir-Regolament, sabiex jinformaw lill-pubbliku dwar ir-rwol u l-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Tali informazzjoni għandha tinkludi tikketta xierqa f’konformità mal-Artikolu 30m, il-paragrafi 1 u 2, tad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jiżguraw li r-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar il-viżibbiltà tal-finanzjament mid-dħul mill-irkant tal-EU ETS stabbiliti fl-Artikolu 30m tad-Direttiva 2003/87/KE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri benefiċjarji jew l-awtoritajiet maniġerjali tal-iskema għandhom jinkludu l-obbligi rilevanti fil-ftehimiet mar-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni u għandhom jimmonitorjaw il-konformità ma’ dawk l-obbligi, inkluż billi jivverifikaw il-materjali ta’ pubbliċità li jużaw ir-riċevituri finali.”

;

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(17)

L-Anness I huwa sostitwit bit-test ippreżentat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(18)

L-Anness II huwa sostitwit bit-test indikat fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(19)

it-test indikat fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala Anness III.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1001 tad-9 ta’ Lulju 2020 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jsostni investimenti għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ ċerti Stati Membri (ĠU L 221, 10.7.2020, p. 107).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).


ANNESS I

“ANNESS I

Informazzjoni dwar il-proposti ta’ investiment li għandha tiġi sottomessa lill-BEI u lill-Kumitat tal-Investiment

1.   Fil-każ tal-proposti kollha tal-investiment

1.1.

speċifikazzjoni tal-qasam ta’ investiment f’konformità mal-Artikolu 10d(1) jew (2) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif xieraq;

1.2.

deskrizzjoni ġenerali tal-investiment, inklużi l-objettivi u l-benefiċjarju/i fil-mira, it-teknoloġija (jekk rilevanti), il-kapaċità (jekk rilevanti) u d-durata stmata tal-investiment;

1.3.

informazzjoni dwar jekk l-investiment ikunx ingħata siġill jew kwalunkwe tikketta ta’ kwalità pprovduta skont id-dritt tal-Unjoni wara li jkun ġie evalwat b’mod pożittiv fi programmi ta’ finanzjament immaniġġjati direttament;

1.4.

ġustifikazzjoni għall-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, inkluża l-konferma tal-konformità ta’ investiment mal-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE;

1.5.

speċifikazzjoni tal-kostijiet li għandhom jiġu koperti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni u konferma li l-kostijiet huma meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni;

1.6.

deskrizzjoni tal-istrument(i) ta’ appoġġ użat(i);

1.7.

l-ammont mitlub tal-finanzjament mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, inkluż l-indikazzjoni tal-kategorija/i u tas-sottokategorija/i tal-fondi maħsuba għall-finanzjament tal-investiment propost, kif xieraq;

1.8.

kontribuzzjoni(jiet) minn strumenti oħra nazzjonali u tal-Unjoni;

1.9.

l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), u l-indikazzjoni ta’ dan li ġej, kif applikabbli:

(a)

ir-referenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-miżura nazzjonali ta’ għajnuna;

(b)

ir-referenza li l-miżura ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ġiet irreġistrata taħtha (in-numru tal-għajnuna mill-Istat attribwit mis-sistema elettronika ta’ notifika tal-Kummissjoni);

(c)

id-data mistennija għan-notifika tal-miżura ta’ għajnuna lill-Kummissjoni;

1.10.

dikjarazzjoni tal-konformità tal-Istat Membru mad-drittijiet applikabbli nazzjonali u tal-Unjoni;

1.11.

meta l-investiment jikkonċerna t-tranżizzjoni ġusta f’reġjuni dipendenti fuq il-karbonju fl-Istat Membru benefiċjarju, l-informazzjoni dwar il-konsistenza mal-azzjonijiet rilevanti inklużi mill-Istat Membru fil-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tiegħu, u l-kontribuzzjoni għalihom, f’konformità mal-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), fejn rilevanti;

1.12.

stima tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’tCO2 u s-suppożizzjonijiet sottostanti għall-istima;

1.13.

stima tal-kostijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’Eur/tCO2, u s-suppożizzjonijiet sottostanti għall-istima;

1.14.

informazzjoni dwar jekk l-investiment kienx inkluż fi kwalunkwe ħarsa ġenerali preċedenti tal-investimenti f’konformità mal-Artikolu 13(3), u jekk iva, liema waħda;

1.15.

għall-proġetti fuq skala kbira u għall-iskemi fuq skala kbira: informazzjoni dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

1.16.

Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istat Membru se jkollu juri li l-investiment jikkonforma mal-Artikolu 10f tad-Direttiva 2003/87/KE, fejn meħtieġ.

2.   Informazzjoni addizzjonali dwar l-iskemi

2.1.

isem l-awtorità maniġerjali;

2.2.

indikazzjoni dwar jekk il-proposta tikkonċernax skema eżistenti;

2.3.

il-volum totali tal-iskema.

3.   Informazzjoni addizzjonali dwar proposti li mhumiex skemi

3.1.

isem il-proponent tal-proġett;

3.2.

il-post fejn se jsir il-proġett;

3.3.

il-kostijiet totali tal-investiment;

3.4.

l-istadju tal-iżvilupp tal-proġett (mill-fattibbiltà sal-operazzjoni);

3.5.

l-iskeda ta’ żmien u d-deskrizzjoni tal-istadji importanti mistennija sat-tlestija tal-proġett;

3.6.

lista tal-permessi mandatorji li nkisbu jew li jridu jinkisbu;

3.7.

id-data mistennija tad-dħul fis-seħħ tal-proġett.

4.   Informazzjoni addizzjonali dwar proġetti fuq skala kbira jew dwar skemi eżistenti

4.1.

l-ewwel sottomissjoni ta’ proġett fuq skala kbira: skeda ta’ implimentazzjoni u skeda ta’ żborż korrispondenti;

4.2.

żborżi sussegwenti — informazzjoni dwar l-istatus tal-implimentazzjoni:

(a)

għall-iskemi: informazzjoni dwar is-sejħiet għal proposti, l-għażla tal-proġetti, il-ftehimiet konklużi mar-riċevituri finali tal-appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, it-trasferimenti li jsiru lir-riċevituri finali, kif ikun rilevanti. Meta ma jkun sar l-ebda progress jew ikun hemm dewmien sinifikanti mid-deċiżjoni ta’ żborż preċedenti, l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għal tali nuqqas ta’ progress jew tali dewmien sinifikanti u kwalunkwe azzjoni korrettiva u skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni;

(b)

għall-proġetti fuq skala kbira: l-informazzjoni dwar l-istadji importanti miksuba mid-deċiżjoni ta’ żborż preċedenti. Meta rilevanti: il-bidliet identifikati jew mistennija fil-kostijiet eliġibbli, fit-teknoloġija applikata jew fir-riżultati tal-investiment. Meta ma jkun sar l-ebda progress jew ikun hemm dewmien sinifikanti mid-deċiżjoni ta’ żborż preċedenti, l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għal tali nuqqas ta’ progress jew tali dewmien sinifikanti u kwalunkwe korrezzjoni u skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni.

5   . Informazzjoni addizzjonali dwar proposti mhux ta’ prijorità

5.1

data kwantitattiva dwar il-fażijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operazzjoni, inkluż il-kontribut tal-proposta għall-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, tal-qafas ta’ politika tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030 u tal-Ftehim ta’ Pariġi;

5.2.

tbassir finanzjarju ċċertifikat, inkluż il-kontribut finanzjarju maħsub minn sorsi privati;

5.3.

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe indikatur tal-prestazzjoni ieħor li jkun fil-mira, kif mitlub mill-BEI;

5.4.

informazzjoni oħra rilevanti relatata mal-proponent tal-proġett, mal-investiment, mal-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq u ma’ kwistjonijiet ambjentali;

5.5.

għall-iskemi: informazzjoni dwar proġett rappreżentattiv fil-qafas tal-iskema;

5.6.

studju tal-fattibbiltà.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).


ANNESS II

“ANNESS II

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istat Membru benefiċjarju fir-rapport annwali lill-Kummissjoni

1.   Ħarsa ġenerali lejn l-investimenti

1.1.

l-għadd ta’ investimenti ffinanzjati mill-Fond għall-Modernizzazzjoni sal-lum;

1.2.

l-għadd ta’ investimenti li għadhom għaddejjin, li tlestew u li ma tkomplewx;

1.3.

il-proporzjon globali tal-finanzjament ipprovdut għall-investimenti ta’ prijorità meta mqabbel ma’ dak ipprovdut għall-investimenti mhux ta’ prijorità, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru benefiċjarju.

2.   Informazzjoni dwar kull investiment

2.1.

il-kostijiet totali tal-investiment/il-volum totali tal-iskema (bil-VAT u mingħajrha) (EUR);

2.2.

l-appoġġ totali ppjanat mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għall-investiment (EUR);

2.3.

l-appoġġ totali kkonfermat/rakkomandat mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għall-investiment (EUR)

2.4.

l-ammont totali kopert minn impenn legali bejn l-Istat Membru benefiċjarju/l-awtorità maniġerjali u l-proponent tal-proġett/ir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni (data limitu: il-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport) (għall-iskemi: ċifra aggregata);

2.5.

l-ammont totali mħallas mill-Istat Membru benefiċjarju/mill-awtorità maniġerjali u l-proponent tal-proġett/ir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni (data limitu: il-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport) (għall-iskemi: ċifra aggregata);

2.6.

kwalunkwe ammont irkuprat mill-Istat Membru benefiċjarju mingħand il-proponent tal-proġett jew mingħand l-awtorità maniġerjali tal-iskema, u d-dati tal-irkupru;

2.7.

valutazzjoni tal-valur miżjud tal-investiment f’termini tal-effiċjenza enerġetika u tal-modernizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, inkluża informazzjoni dwar dan li ġej (għall-iskemi: ċifri aggregati):

(a)

l-enerġija ffrankata f’MWh:

sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport;

l-ammont kumulattiv mistenni sa tmiem il-ħajja tal-investiment;

(b)

l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ffrankati f’tCO2:

sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport;

l-ammont kumulattiv mistenni sa tmiem il-ħajja tal-investiment;

(c)

il-kapaċità addizzjonali ta’ enerġija rinnovabbli installata, jekk applikabbli:

sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport;

l-ammont kumulattiv mistenni sa tmiem il-ħajja tal-investiment;

(d)

il-kostijiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet f’EUR/tCO2 (jekk applikabbli, minħabba n-natura tal-investiment):

sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport;

l-ammont mistenni tul il-ħajja tal-investiment;

2.8.

konferma li l-investiment issemma f’ħarsa ġenerali preċedenti tal-investimenti f’konformità mal-Artikolu 13(2), u jekk iva, liema waħda.

3.   Informazzjoni addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-investimenti

3.1.

l-istadji importanti miksuba mir-rapport annwali preċedenti; (għall-iskemi, dan jista’ jinkludi, pereżempju, l-informazzjoni dwar is-sejħiet għal proposti, l-għażla tal-proġetti, il-ftehimiet konklużi mar-riċevituri finali tal-appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni);

3.2.

għall-investimenti minbarra l-skemi: id-dħul fis-seħħ mistenni;

3.3.

id-dewmien identifikat jew mistenni fl-implimentazzjoni;

3.4.

għall-investimenti minbarra l-iskemi: il-bidliet identifikati jew mistennija fil-kostijiet eliġibbli, fit-teknoloġija applikata jew fir-riżultati ta’ investiment.

4.   Informazzjoni addizzjonali dwar investimenti mhux ta’ prijorità

4.1.

konferma tal-kofinanzjament minn sorsi privati.

5.   Informazzjoni addizzjonali dwar l-awditjar u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Fond għall-Modernizzazzjoni

5.1.

sommarju tal-eżitu tal-awditi mwettqa fil-livell nazzjonali.

6.   Informazzjoni addizzjonali dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati

6.1.

għall-proġetti fuq skala kbira u għall-iskemi fuq skala kbira, meta jsir rapportar dwar il-proġett jew l-iskema għall-ewwel darba: ħarsa ġenerali lejn il-konsultazzjoni mwettqa.


ANNESS III

“ANNESS III

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istat Membru benefiċjarju fil-ħarsa ġenerali lejn l-investimenti ppjanati fis-sentejn kalendarji li ġejjin u, fejn possibbli, il-prospettiva sal-2030

1.   

Informazzjoni dwar kull investiment:

1.1

isem il-proponent tal-proġett jew tal-awtorità li tamministra l-iskema;

1.2

il-post speċifiku tal-investiment jew l-ambitu ġeografiku tal-iskema;

1.3

stima tal-kost totali tal-investiment;

1.4

il-qasam tal-investiment u deskrizzjoni fil-qosor tal-investiment;

1.5

l-istatus ta’ kwalunkwe valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li tikkonċerna l-investiment, fejn applikabbli;

1.6

stima tal-finanzjament mill-Fond għall-Modernizzazzjoni u deskrizzjoni tal-proposti ta’ finanzjament maħsuba;

1.7

informazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-investiment u l-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima nnotifikat skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999, b’mod partikolari fir-rigward tal-objettivi, il-miri, il-politiki u l-miżuri nazzjonali u l-investiment meħtieġ, kif speċifikat fl-Artikolu 3(2), il-punti (b) u (c) ta’ dak ir-Regolament;

1.8.

informazzjoni dwar jekk l-investiment ikunx ingħata siġill jew kwalunkwe tikketta ta’ kwalità previsti mid-dritt tal-Unjoni wara li jkun ġie evalwat b’mod pożittiv fi programm ta’ finanzjament immaniġġjat direttament;

2.   

Informazzjoni dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar l-abbozz tal-ħarsa ġenerali lejn l-investimenti skont l-Artikolu 13(5), inkluż l-informazzjoni dwar id-dati u l-forma tal-konsultazzjoni mwettqa, it-tipi ta’ partijiet ikkonċernati kkonsultati, l-għadd ta’ tweġibiet riċevuti u sommarju tat-tweġibiet.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2606/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top