EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2455

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2455 tas-7 ta’ Novembru 2023 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva metiram, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

C/2023/7407

ĠU L, 2023/2455, 8.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2455/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2455/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2455

8.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2455

tas-7 ta’ Novembru 2023

li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva metiram, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/72/KE (2) inkludiet il-metiram bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Skont l-Artikolu 78(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva metiram, kif stabbilita fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiskadi fil-31 ta’ Jannar 2024.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) u fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak l-Artikolu, tressqu applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-metiram lill-Italja, l-Istat Membru relatur, u lir-Renju Unit, l-Istat Membru korelatur.

(5)

L-applikanti ressqu l-fajls supplimentari meħtieġa lill-Istat Membru relatur, lill-Istat Membru korelatur, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjonijiet kienu ammissibbli.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid b’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur, u bagħtu lill-Awtorità u lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Novembru 2017.

(7)

L-Awtorità kkomunikat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikanti u lill-Istati Membri għall-kummenti u nediet konsultazzjoni pubblika dwaru. L-Awtorità għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità għamlet il-fajl sommarju supplimentari disponibbli għall-pubbliku.

(8)

Fl-20 ta’ Marzu 2023, l-Awtorità kkomunikat lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (6) dwar jekk jistax ikun mistenni li l-metiram jissodisfa l-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità identifikat diversi oqsma kritiċi ta’ tħassib. B’mod partikolari, hija kkonkludiet li l-valuri ta’ referenza tal-metiram u tal-metaboliti rilevanti tagħha attivi bħala fungiċidi għall-esponimenti tal-operaturi, tal-persuni fil-qrib u tar-residenti jinqabżu fl-użi rappreżentattivi kollha. Barra minn hekk, l-Awtorità identifikat riskju għoli għall-organiżmi akkwatiċi u riskju għoli fuq il-post għall-artropodi mhux fil-mira għall-użi rappreżentattivi kollha. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-metiram jissodisfa l-kriterji biex jiġi identifikat bħala interferent endokrinali għall-bnedmin għall-modalità T.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 13(3a), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, l-applikant ingħata l-opportunità li jippreżenta informazzjoni addizzjonali biex jindirizza l-kriterji għall-approvazzjoni dwar il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali stabbiliti fil-punt 3.6.5 u fil-punt 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(10)

Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta’ rapport tat-tiġdid, u abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(11)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikanti jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-konklużjonijiet tal-Awtorità. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 14(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex jissottometti l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport tat-tiġdid. L-applikanti ppreżentaw il-kummenti tagħhom, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa.

(12)

Minkejja l-argumenti li ressqu l-applikanti, it-tħassib rigward il-metiram ma setax jiġi eliminat.

(13)

B’konsegwenza ta’ dan, fir-rigward ta’ użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-metiram, ma ġiex stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għalhekk, jixraq li l-approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva ma tiġġeddidx.

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(15)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw żmien biżżejjed biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metiram.

(16)

Fir-rigward tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metiram, meta l-Istati Membru jagħtu perjodu ta’ grazzja f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dak il-perjodu jenħtieġ li ma jaqbiżx 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(17)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/114 (7) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tal-metiram sal-31 ta’ Jannar 2024 sabiex il-proċess tat-tiġdid ikun jista’ jitlesta qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ approvazzjoni ta’ dik is-sustanza. Madankollu, peress li ttieħdet deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni qabel dak il-perjodu ta’ approvazzjoni estiż, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika qabel dik id-data.

(18)

Ir-Regolament ma jipprevjenix is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tal-metiram skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(19)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva metiram mhijiex imġedda.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, titħassar ir-ringiela 115 dwar il-metiram.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metiram bħala sustanza attiva sat-28 ta’ Mejju 2024.

Artikolu 4

Perjodu ta’ grazzja

Kull perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jiskadi sat-28 ta’ Novembru 2024.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/72/KE tal-21 ta’ Ottubru 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-chlorpyriphos, il-chlorpyrifos-methyl, il-mancozeb, il-maneb u l-metiram bħala sustanzi attivi (ĠU L 279, 22.10.2005, p. 63).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26), li jkompli japplika għall-proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ dawk is-sustanzi attivi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1740 tal-20 ta’ Novembru 2020 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (ĠU L 392, 23.11.2020, p. 20).

(6)  Evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva metiram. EFSA Journal 2023;21(4):7937.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/114 tas-16 ta’ Jannar 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi benżovindiflupir, buprofeżin, ċiflufenammid, fluważinam, flutolanil, lambda-ċjalotrina, mekoprop-P, mepikwat, metiram, metsulfuron-metil, fosfan u piraklostrobin (ĠU L 15, 17.1.2023, p. 9).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2455/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top