EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1697

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1697 tad-19 ta’ Ġunju 2023 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar il-mazzola griża

C/2023/3812

ĠU L 220, 7.9.2023, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1697/oj

7.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1697

tad-19 ta’ Ġunju 2023

dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar il-mazzola griża

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ April 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/689 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il- Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) (2). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

(2)

L-Artikolu 498(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-Partijiet għandhom jorganizzaw konsultazzjonijiet annwali biex jaqblu, sal-10 ta’ Diċembru ta’ kull sena, dwar il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għas-sena ta’ wara għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jkopru wkoll il-kwistjonijiet addizzjonali msemmija fl-Artikolu 498(4) tal-Ftehim inkluża lista ta’ stokkijiet li għalihom huwa pprojbit is-sajd, id-determinazzjoni tat-TAC għal kwalunkwe stokk li ma huwiex elenkat fl-Anness 35 jew fl-Anness 36 u l-ishma rispettivi tal-Partijiet ta’ dawk l-istokkijiet, miżuri għall-ġestjoni tas-sajd.

(3)

L-Unjoni twettaq il-konsultazzjonijiet annwali f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 3, 28 u 33 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Artikoli 4 u 5 tal-pjanijiet pluriennali tal-Ilmijiet tal-Punent (3) u tal-Baħar tat-Tramuntana (4), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 (5).

(4)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni matul il-konsultazzjonijiet annwali hija bbażata fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, jiġifieri prinċipalment dak mogħti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) f’konformità mal-Artikolu 494(3)(c) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(5)

Ir-Rekord bil-Miktub li jiddokumenta l-arranġamenti magħmula bejn il-Partijiet bħala riżultat ta’ dawk il-konsultazzjonijiet għandu jiġi prodott u ffirmat mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni tal-Partijiet f’konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 498(6) ta’ dak il-Ftehim.

(6)

Fis-16 ta’ Diċembru 2022, l-Unjoni qablet mar-Renju Unit dwar l-istabbiliment ta’ għadd sostanzjali ta’ TACs għall-2022 għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat fir-Rekord bil-Miktub (6), li ġie approvat mill-Kunsill fl-20 ta’ Diċembru 2022 u ffirmat mill-Kap tad-Delegazzjoni tar-Renju Unit u mir-rappreżentant tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 498(6) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2021/1875.

(7)

Il-mazzola griża (Squalus acanthias) hija stokk taħt ġestjoni kondiviża mill-Unjoni u mir-Renju Unit. Matul il-konsultazzjonijiet annwali, l-Unjoni u r-Renju Unit qablu li, minħabba t-titjib ivvalutat tal-istatus tal-istokk tal-mazzola griża, jenħtieġ li l-mazzola griża ma tibqax speċi pprojbita. Il-livelli rilevanti tat-TAC stabbiliti f’dak ir-Rekord bil-Miktub ġew sussegwentement implimentati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/194 (7).

(8)

L-Unjoni u r-Renju Unit qablu wkoll li, sabiex jiġi protett komponent ta’ dan l-istokk li huwa partikolarment vulnerabbli għall-mortalità mis-sajd, huwa xieraq li jiġi skoraġġut is-sajd dirett immirat lejn aggregazzjonijiet ta’ ħut nisa maturi. Għal dan il-għan, l-Unjoni u r-Renju Unit qablu li d-daqs massimu tal-qbid ta’ 100 cm jenħtieġ li jiġi rrispettat.

(9)

Sakemm jiġi adottat tali daqs massimu tal-qbid fid-dritt tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-miżura miftiehma mar-Renju Unit ġiet stabbilita fl-Anness IA tar-Regolament (UE) 2023/194. Il-miżura kienet marbuta b’mod funzjonali mat-TAC għall-mazzola griża, peress li mingħajr miżura bħal din, il-livell tat-TAC waħdu ma jiżgurax protezzjoni suffiċjenti għall-ħut nisa li jbid, li jikkostitwixxi grupp partikolarment vulnerabbli tal-popolazzjoni.

(10)

Ir-Regolament attwali għandu l-għan li jeskludi mazzola griża akbar minn 100 cm mill-obbligu ta’ ħatt l-art, u b’hekk jiżgura li meta jinqabad b’mod aċċidentali, dan il-kampjun jenħtieġ li ma ssirlux ħsara u li jinħeles minnufih lura fil-baħar.

(11)

Ir-Regolament jipprovdi qafas legali aktar stabbli, minħabba n-natura temporanja tal-miżuri adottati mill-Kunsill li, f’konformità mal-Artikolu 59(k) tar-Regolament (UE) 2023/194, mhux se jibqa’ japplika fid-data li fiha jsir applikabbli att delegat li jintroduċi miżuri korrispondenti u li jirregola t-trattament tal-qabdiet ta’ dawk l-istokkijiet ta’ aktar minn 100 cm.

(12)

Ir-Regolament attwali jiżgura l-konformità mill-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha u joħloq ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda tal-Unjoni.

(13)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq il-konservazzjoni tal-istokk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(14)

Peress li l-miżuri maqbula fir-Rekord bil-Miktub bejn l-Unjoni u r-Renju Unit jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2023, dan ir-Regolament jenħtieġ li jieqaf japplika wkoll f’dik id-data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi deroga mill-obbligu ta’ ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-fini tal-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fir-rigward ta’ stokkijiet kondiviżi soġġetti għall-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

Dan ir-Regolament japplika għal attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f’ilmijiet li ma humiex soġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Mazzola griża ( Squalus acanthias)

B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li jiġu mmirati, li jinżammu abbord jew li jiġu ttrasbordati, li jinħattu l-art, li jiġu ttrasportati, li jinħażnu, li jintwerew jew li jiġu offruti għall-bejgħ, li jinbiegħu jew li jitqiegħdu fis-suq mazzoli griżi ta’ aktar minn 100 cm.

Kwalunkwe mazzola griża ta’ aktar minn dak id-daqs meta tinqabad b’mod aċċidentali ma għandhiex issirilha ħsara u l-kampjuni għandhom jinħelsu minnufih lura fil-baħar.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli (ĠU L 378, 26.10.2021, p. 6).

(6)  Written Record of fisheries consultations between the United Kingdom and the European Union for 2023: EU-UK for 2023 (europa.eu).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/194 tat-30 ta’ Jannar 2023 li jistabbilixxi għall-2023 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, kif ukoll li jistabbilixxi għall-2023 u għall-2024 tali opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond (ĠU L 28, 31.1.2023, p. 1).


Top