Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1343

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1343 tat-30 ta’ Ġunju 2023 li jipprevedi miżura ta’ appoġġ ta’ emerġenza għas-setturi taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja

    C/2023/4465

    ĠU L 168, 3.7.2023, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1343/oj

    3.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/22


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1343

    tat-30 ta’ Ġunju 2023

    li jipprevedi miżura ta’ appoġġ ta’ emerġenza għas-setturi taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 qed ikollha impatt fuq it-trasport tal-merkanzija fil-portijiet Ukreni tal-Baħar l-Iswed li jammontaw għal madwar 90 % tal-esportazzjonijiet Ukreni taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnija. Kienu meħtieġa b’mod urġenti rotot loġistiċi alternattivi biex jiġu appoġġati l-bdiewa Ukreni, u għas-sigurtà tal-ikel globali u tal-Unjoni, u l-Unjoni ħadet miżuri konkreti biex tiffaċilita l-esportazzjonijiet agrikoli u l-kummerċ ġenerali bilaterali tal-Ukrajna mal-Unjoni deskritti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni għall-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna biex jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet agrikoli tal-Ukrajna u l-kummerċ bilaterali mal-UE (‘Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna’)” (2).

    (2)

    B’riżultat tal-isforzi konġunti mill-Istati Membri, b’mod partikolari l-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja, kif ukoll l-Ukrajna, il-Moldova, is-sħab internazzjonali u l-Kummissjoni, il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna saru essenzjali għall-ekonomija tal-Ukrajna, u sawru konnettività ġdida mal-Unjoni, li sservi wkoll ta’ salvagwardja kontra kriżi tal-ikel globali.

    (3)

    Filwaqt li nkiseb ħafna titjib, għad fadal għadd ta’ ostakli loġistiċi sinifikanti. Għadha ma nbnietx biżżejjed l-infrastruttura biex tkun tiflaħ tittratta ż-żieda qawwija tat-traffiku, hemm nuqqas ta’ tagħmir għat-trażbordi u l-kapaċità hija skarsa, u r-riżultat ta’ dan kollu huwa spejjeż loġistiċi kbar. Il-konnettività tista’ tittejjeb permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tat-tranżitu, it-titjib tal-infrastruttura, u t-tnaqqis tal-ispejjeż ġenerali tal-loġistika, u b’hekk jiġi żgurat li ċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin mill-Ukrajna jkunu jistgħu jidħlu aktar lejn iċ-ċentru tal-Unjoni, kif ukoll lil hinn minnha skont il-bżonn.

    (4)

    B’riżultat tal-ispejjeż loġistiċi kbar u tal-konġestjoni deskritti hawn fuq, żdiedu l-importazzjonijiet taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin mill-Ukrajna lejn l-Istati Membri qrib l-Ukrajna.

    (5)

    Din is-sitwazzjoni tagħmel pressjoni fuq il-prezzijiet f’għadd ta’ reġjuni fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja. Barra minn hekk, dawn l-importazzjonijiet qegħdin jużaw il-kapaċità tal-ħżin kollha u jokkupaw il-ktajjen loġistiċi. Dawn iċ-ċirkostanzi jaffettwaw il-vijabbiltà ekonomika u l-perspettivi tas-suq tal-bdiewa f’xi reġjuni ta’ dawk l-Istati Membri. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jipperikola t-tħaddim normali tal-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna.

    (6)

    Sabiex is-sitwazzjoni ma tkomplix tiddeterjora b’mod rapidu, il-Kummissjoni adottat l-ewwel miżura ta’ appoġġ ta’ emerġenza mmirata lejn il-bdiewa affettwati fil-Bulgarija, fil-Polonja u fir-Rumanija permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/739 (3), li qieset b’mod partikolari s-sitwazzjoni tal-provvista domestika u l-isfidi loġistiċi f’dawk l-Istati Membri.

    (7)

    Minħabba l-impatt ekonomiku negattiv kbir fl-Istati Membri kkonċernati, jeħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura ta’ appoġġ adottata skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/739 jitwessa’ biex ikopri l-Ungerija u s-Slovakkja u li jingħata aktar finanzjament biex tiġi indirizzata aħjar din is-sitwazzjoni.

    (8)

    Is-sitwazzjoni tikkostitwixxi problema speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Din il-problema speċifika li nħolqot f’għadd limitat ta’ reġjuni f’xi Stati Membri tal-Unjoni mhijiex se tissolva billi jittieħdu l-miżuri skont l-Artikolu 219 jew l-Artikolu 220 ta’ dak ir-Regolament, minħabba li la hija marbuta b’mod speċifiku ma’ tfixkil eżistenti fis-suq jew ma’ theddida preċiża tiegħu, u lanqas ma hija marbuta ma’ miżuri biex jikkumbattu t-tixrid ta’ mard fl-annimali jew it-telf tal-fiduċja tal-konsumaturi minħabba riskji għas-saħħa pubblika, għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa tal-pjanti. Barra minn hekk, biex ma tkomplix tiggrava l-qagħda tal-vijabbiltà ekonomika tal-bdiewa f’xi reġjuni fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja, is-sitwazzjoni teħtieġ intervent urġenti.

    (9)

    Għaldaqstant jixraq li għall-perjodu strettament meħtieġ tiġi stabbilita miżura ta’ appoġġ ta’ emerġenza u li l-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jingħataw għotja finanzjarja biex jappoġġaw lill-bdiewa affettwati miż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ ċereali u ta’ żrieragħ żejtnin mill-Ukrajna.

    (10)

    Jenħtieġ li jiġi stabbilit l-ammont disponibbli għall-Bulgarija, għall-Ungerija, għall-Polonja, għar-Rumanija u għas-Slovakkja, filwaqt li jitqies b’mod partikolari l-piż rispettiv tagħhom fis-settur agrikolu tal-Unjoni, abbażi tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u t-tkabbir relattiv tal-kummerċ taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin f’dawk il-pajjiżi.

    (11)

    Jenħtieġ li l-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jqassmu l-għajnuna permezz tal-aktar mezzi effettivi abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jqisu d-diffikultajiet u l-ħsara ekonomika li qegħdin iġarrbu l-bdiewa li jkabbru ċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin fiż-żoni affettwati, filwaqt li jiżguraw li dawn il-bdiewa jkunu l-benefiċjarji aħħarija tal-għajnuna, u jevitaw li jagħtu lok għal xi distorsjoni fis-suq u fil-kompetizzjoni.

    (12)

    Billi l-ammont allokat lill-Bulgarija, lill-Ungerija, lill-Polonja, lir-Rumanija u lis-Slovakkja jikkumpensa biss parti mit-telf reali mġarrab mill-bdiewa fir-reġjuni affettwati, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jitħallew jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali lil dawk il-produtturi, skont il-kundizzjonijiet u fil-limitu ta’ żmien stabbilit minn dan ir-Regolament.

    (13)

    Sabiex il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jingħataw il-flessibbiltà biex iqassmu l-għajnuna skont il-ħtieġa taċ-ċirkustanzi biex jilqgħu għad-diffikultajiet tal-bdiewa, jenħtieġ li jkunu jistgħu jakkumulaw din l-għajnuna ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mingħajr ma jagħtu kumpens żejjed lill-bdiewa.

    (14)

    Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, jenħtieġ li l-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jqisu l-appoġġ li jingħata permezz ta’ strumenti ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni oħra, jew permezz ta’ skemi privati oħra biex jirrispondu għall-impatt taż-żieda tal-importazzjonijiet ta’ ċereali u żrieragħ żejtnin mill-Ukrajna fir-reġjuni affettwati.

    (15)

    Peress li l-għajnuna tal-Unjoni hija stabbilita bl-euro, u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi u simultanja, jeħtieġ li tiġi ffissata data għall-konverżjoni tal-ammont allokat lill-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom, kif inhu l-każ tal-Bulgarija, tal-Ungerija, tal-Polonja u tar-Rumanija. Billi dan ir-Regolament ma jipprevedix skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, jixraq li, għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (5), titqies id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament bħala l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (16)

    Għal raġunijiet baġitarji, jenħtieġ li l-Unjoni tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Bulgarija, mill-Ungerija, mill-Polonja, mir-Rumanija u mis-Slovakkja biss meta tali nefqa ssir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà.

    (17)

    L-appoġġ għal din il-miżura ta’ emerġenza jenħtieġ li jitħallas sat-31 ta’ Diċembru 2023. Peress li ma għandhomx isiru pagamenti wara t-31 ta’ Diċembru 2023, jenħtieġ li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127 ma jkunx applikabbli.

    (18)

    Sabiex l-Unjoni tkun tista’ timmonitorja l-effiċjenza ta’ din il-miżura ta’ emerġenza, jenħtieġ li l-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jibagħtu tagħrif dettaljat dwar l-implimentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni.

    (19)

    Sabiex ikun żgurat li l-bdiewa jirċievu l-għajnuna malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li l-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jkunu jistgħu jimplimentaw dan ir-Regolament mingħajr dewmien. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (20)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-għajnuna tal-Unjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 100 000 000 għandha tkun disponibbli għall-Bulgarija, għall-Ungerija, għall-Polonja, għar-Rumanija u għas-Slovakkja, biex jingħata appoġġ eċċezzjonali lill-bdiewa li jipproduċu ċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin imsemmija fl-Anness soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    2.   Il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja għandhom jużaw l-ammonti msemmija fl-Artikolu 2 għall-miżuri li għandhom l-għan li jikkumpensaw lill-bdiewa għat-telf ekonomiku minħabba żieda fl-importazzjonijiet ta’ ċereali u ta’ żrieragħ żejtnin mill-Ukrajna fir-reġjuni affettwati.

    3.   Il-miżuri għandhom jittieħdu abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jqisu t-telf ekonomiku mġarrab mill-bdiewa affettwati u jiżguraw li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw ebda distorsjoni fis-suq jew fil-kompetizzjoni.

    4.   In-nefqa mġarrba mill-Bulgarija, mill-Ungerija, mill-Polonja, mir-Rumanija u mis-Slovakkja fir-rigward tal-pagamenti għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sat-31 ta’ Diċembru 2023.

    5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju b’rabta mal-ammonti stipulati fl-Artikolu 2(1) għandu jkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    6.   Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jistgħu jiġu akkumulati ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

    Artikolu 2

    1.   In-nefqa tal-Unjoni li tiġġarrab f’konformità mal-Artikolu 1 ma għandhiex taqbeż l-ammont totali ta’:

    (a)

    EUR 9 770 000 għall-Bulgarija;

    (b)

    EUR 15 930 000 għall-Ungerija;

    (c)

    EUR 39 330 000 għall-Polonja;

    (d)

    EUR 29 730 000 għar-Rumanija;

    (e)

    EUR 5 240 000 għas-Slovakkja.

    2.   Il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jistgħu jagħtu għajnuna nazzjonali addizzjonali għall-miżuri meħuda skont l-Artikolu 1 sa massimu ta’ 200 % tal-ammont korrispondenti stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, dment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjonijiet fis-suq jew fil-kompetizzjoni.

    3.   Il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja għandhom iħallsu l-appoġġ addizzjonali msemmi fil-paragrafu 2 sat-31 ta’ Diċembru 2023.

    Artikolu 3

    Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, meta jingħata l-appoġġ skont dan ir-Regolament, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja għandhom iqisu l-appoġġ mogħti permezz ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni, jew permezz ta’ skemi privati, biex jirrispondu għall-impatt ta’ żieda fl-importazzjonijiet ta’ ċereali u ta’ żrieragħ żejtnin mill-Ukrajna fir-reġjuni affettwati.

    Artikolu 4

    1.   Mingħajr dewmien u mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2023, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

    (a)

    deskrizzjoni tal-miżuri li se jittieħdu;

    (b)

    il-kriterji li jkunu ntużaw biex jiġu ddeterminati l-metodi għall-kalkolu tal-għotja tal-għajnuna, u r-raġunamenti li ddeċidew it-tqassim tal-għajnuna fost il-bdiewa;

    (c)

    l-impatt maħsub tal-miżuri bil-għan li jiġu kkumpensati l-bdiewa minn telf ekonomiku kkawżat mill-importazzjonijiet ta’ ċereali u ta’ żrieragħ żejtnin mill-Ukrajna;

    (d)

    l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġi vverifikat li jinkiseb l-impatt mixtieq tal-miżuri;

    (e)

    l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu evitati d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kumpens żejjed;

    (f)

    il-previżjoni għall-pagamenti tan-nefqa tal-Unjoni mqassma fuq kull xahar sat-31 ta’ Diċembru 2023;

    (g)

    il-livell ta’ appoġġ addizzjonali mogħti skont l-Artikolu 2(2);

    (h)

    l-azzjonijiet meħuda biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-bdiewa u biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    2.   Sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju 2024, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-ammonti totali li jkunu ħallsu għal kull miżura, fejn japplika mqassma skont l-għajnuna tal-Unjoni u l-għajnuna nazzjonali addizzjonali, l-għadd u t-tip ta’ benefiċjarji u l-valutazzjoni tal-effettività tal-miżura.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  COM(2022) 217 final.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/739 tal-4 ta’ April 2023 li jipprevedi miżura ta’ appoġġ ta’ emerġenza għas-setturi taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin fil-Bulgarija, fil-Polonja u fir-Rumanija (ĠU L 96, 5.4.2023, p. 80).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95).


    ANNESS

    LISTA TAL-PRODOTTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(1)

    Kodiċi NM

    Deskrizzjoni

    1001

    Qamħ u meslin

    1002

    Segala

    1003

    Xgħir

    1004

    Ħafur

    1005

    Qamħirrum

    1008 60

    Tritikal

    Taħlitiet ta’ prodotti bil-kodiċijiet NM 1001 , 1002 , 1003 , 1004 , 1005 u 1008 60

    1205

    Żerriegħa tal-lift jew tal-kolza, kemm jekk imkissra u kemm jekk le

    1206

    Żerriegħa tal-ġirasol, kemm jekk imkissra u kemm jekk le


    Top