EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1174

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1174 tal-15 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Crataegus monogyna, li joriġinaw mir-Renju Unit

C/2023/3837

ĠU L 155, 16.6.2023, p. 33–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1174/oj

16.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/33


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1174

tal-15 ta’ Ġunju 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Crataegus monogyna, li joriġinaw mir-Renju Unit

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskji, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

(2)

Wara valutazzjoni preliminari, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 ġew elenkati b’mod proviżorju 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Dik il-lista tinkludi l-ġeneru Crataegus L.

(3)

Fit-3 ta’ Mejju 2022, ir-Renju Unit (3) ressaq talba lill-Kummissjoni biex jesporta lejn l-Unjoni pjanti għat-tħawwil tal-Crataegus monogyna inattivi, bl-għeruq mikxufin u bla weraq li m’għandhomx aktar minn seba’ snin u b’dijametru massimu ta’ 6,5 cm fil-bażi taz-zokk, u pjanti għat-tħawwil tal-Crataegus monogyna f’materjal għat-tkabbir li għandhom mhux aktar minn 15-il sena u b’dijametru massimu ta’ 13-il cm fil-bażi taz-zokk (“il-pjanti rilevanti”). Dik it-talba kienet sostnuta mid-dossier tekniku rilevanti.

(4)

Fit-30 ta’ Marzu 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti rilevanti, li joriġinaw mir-Renju Unit (4). Identifikat l-Erwinia amylovora bħala l-pest rilevanti għal dawk il-pjanti.

(5)

Fir-rigward tal-Erwinia amylovora, l-Awtorità evalwat jekk humiex issodisfati r-rekwiżiti speċjali għall-introduzzjoni u l-moviment tal-pjanti Crataegus L., għajr il-frott u ż-żrieragħ, fiż-żoni protetti speċifikati, elenkati fil-punt 9 tal-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (5).

(6)

Abbażi ta’ din l-opinjoni, ir-riskju fitosanitarju li jirriżulta mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti rilevanti mir-Renju Unit jitqies li huwa mnaqqas għal livell aċċettabbli.

(7)

Il-pjanti rilevanti li għandhom sa seba’ snin u l-għeruq mikxufin, kif inkluż fid-dossier ippreżentat mir-Renju Unit, għandhom riskju fitosanitarju aktar baxx minħabba l-karatteristiċi tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pjanti rilevanti kollha li għandhom sa 15-il sena u li għandhom dijametru massimu ta’ 13-il cm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit, ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti b’riskju għoli.

(8)

Għalhekk, il-pjanti rilevanti kollha li għandhom sa 15-il sena u li għandhom dijametru massimu ta’ 13-il cm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit jenħtieġ li jitneħħew mil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat kif xieraq.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

(3)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-att, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

(4)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Crataegus monogyna plants from the UK. EFSA Journal 2023;21(4):8003.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tabella tal-punt 1, fit-tieni kolonna “Deskrizzjoni”, l-entrata “Crataegus L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

Crataegus L., għajr il-pjanti għat-tħawwil ta’ Crataegus monogyna li għandhom 15-il sena b’dijametru massimu ta’ 13-il cm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit”.


Top