Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0857

    Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/72/2022/REV/1

    ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/857/oj

    26.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 111/1


    REGOLAMENT (UE) 2023/857 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ April 2023

    li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta’ Pariġi (4), adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), (il-“Ftehim ta’ Pariġi”) daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016. Il-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt iż-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, u li jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Dak l-impenn ssaħħaħ bl-adozzjoni fil-kuntest tal-UNFCCC tal-Patt Klimatiku ta’ Glasgow fit-13 ta’ Novembru 2021, li fih il-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC, li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi, tirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima ser ikunu ħafna aktar baxxi b’żieda fit-temperatura ta’ 1,5 °C meta mqabbla ma’ 2 °C, u tiddeċiedi li tkompli bl-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C.

    (2)

    Il-ħtieġa ta’ azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra qed issir dejjem aktar urġenti, kif iddikjarat mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) fir-rapporti tiegħu tas-7 ta’ Awwissu 2021 bit-titolu “Climate Change 2021: The Physical Science Basis” (It-Tibdil fil-Klima 2021: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika), tat-28 ta’ Frar 2022 bit-titolu “Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability” (Tibdil fil-Klima 2022: Impatti, Adattament u Vulnerabbiltà) u tal-4 ta’ April 2022 bit-titolu “Climate Change 2022: Mitigation of Climate Change” (Tibdil fil-Klima 2022: Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima). Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Unjoni tindirizza dik l-urġenza billi żżid l-isforzi tagħha.

    (3)

    L-Unjoni stabbiliet qafas regolatorju għall-kisba tal-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 ta’ mill-inqas 40 % li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew fl-2014, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dak il-qafas regolatorju jikkonsisti, fost l-oħrajn, mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (EU ETS), mir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li jirrikjedi li l-Istati Membri jibbilanċjaw l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra mill-użu tal-art, mit-tibdil fl-użu tal-art u mill-forestrija (LULUCF), u mir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jistabbilixxi miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 fis-setturi li la huma koperti mid-Direttiva 2003/87/KE u lanqas mir-Regolament (UE) 2018/841.

    (4)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” tipprevedi punt tat-tluq biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolamen(UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta’ tisħiħ reċiproku mmirati lejn il-kisba tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050 u jistabbilixxi strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Din l-istrateġija għandha wkoll l-għan li tipproteġi, tikkonserva u ssaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u tipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent. Fl-istess ħin, dik it-tranżizzjoni għandha aspetti fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll impatt partikolari fuq xi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, bħall-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju. Għalhekk, irid jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva, u li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

    (5)

    Fis-16 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (9), li fiha enfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu appoġġati dawk ir-reġjuni, l-industriji, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema, l-unitajiet domestiċi u l-konsumaturi li ser jiffaċċjaw l-akbar sfidi. Dik ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw sett ta’ miżuri fl-oqsma tat-tranżizzjonijiet tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol, il-ħolqien tal-impjiegi u l-intraprenditorija, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-akkwist pubbliku, is-sistemi ta’ tassazzjoni u ta’ protezzjoni soċjali, is-servizzi essenzjali u l-akkomodazzjoni, kif ukoll, fost l-oħrajn, bil-ħsieb li jissaħħu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

    (6)

    Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1119, l-Unjoni naqqxet fil-leġiżlazzjoni objettiv vinkolanti ta’ newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050, biex b’hekk, sa dik id-data jitnaqqsu l-emissjonijiet għal żero netti, u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030. Barra minn hekk, jistabbilixxi li l-kontribut tal-assorbimenti netti għall-mira klimatika tal-Unjoni 2030 irid ikun limitat għal 225 miljun tunnelata ta’ CO2 ekwivalenti.

    (7)

    Sabiex jiġu implimentati l-impenji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 kif ukoll il-kontributi tal-Unjoni skont il-Ftehim ta’ Pariġi, jenħtieġ li jiġi adattat il-qafas regolatorju tal-Unjoni biex tintlaħaq il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030.

    (8)

    Ir-Regolament (UE) 2018/842 jistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-kontributi minimi tagħhom għall-perjodu mill-2021 sal-2030 biex tintlaħaq il-mira attwali tal-Unjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-gassijiet serra bi 30 % taħt il-livelli tal-2005 fl-2030 fis-setturi koperti mill-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament. Huwa jistabbilixxi wkoll regoli dwar id-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u għall-evalwazzjoni tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri biex jonoraw il-kontributi minimi tagħhom.

    (9)

    Filwaqt li l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ser japplika wkoll għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu kif ukoll mill-bini, it-trasport bit-triq u setturi addizzjonali, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/842 jenħtieġ li jinżamm. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/842 ikompli japplika għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra min-navigazzjoni domestika, iżda mhux għal dawk min-navigazzjoni internazzjonali. L-inklużjoni ta’ installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni ta’ skart muniċipali fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, għall-finijiet tal-Artikoli 14 u 15 ta’ dik id-Direttiva, jenħtieġ li ma tbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/842 lanqas. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ Stat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/842 li jitqiesu għall-kontrolli tal-konformità, ser ikomplu jiġu ddeterminati mat-tlestija tar-rieżamijiet tal-inventarju f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    (10)

    F’konformità mal-linji gwida tal-2006 tal-IPCC għall-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra, l-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-bijomassa għall-enerġija jiġu rraportati taħt il-kategoriji tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija li jintużaw fl-inventarji skont ir-Regolament (UE) 2018/841. Sabiex jiġi evitat l-għadd doppju, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-fjuwils tal-bijomassa huma kklassifikati bħala żero għall-fini tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont ir-Regolament (UE) 2018/842. Sabiex jitqiesu l-effetti tat-tibdil indirett fl-użu tal-art u biex tiġi promossa s-sostenibbiltà ta’ fjuwils bħal dawn, huwa importanti li l-Istati Membri kollha jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), inkluż il-kriterji tagħha dwar is-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal fjuwils bħal dawn.

    (11)

    F’xi setturi, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew żdiedu jew baqgħu stabbli. Fil-komunikazzjoni tagħha tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 - Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”, il-Kummissjoni indikat li l-mira globali miżjuda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 tista’ tinkiseb biss bil-kontribut tas-setturi kollha.

    (12)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill Ewropew ddikjara li l-mira l-ġdida għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 ser titwettaq b’mod kollettiv mill-Unjoni bl-aktar mod kosteffettiv possibbli, li l-Istati Membri kollha ser jipparteċipaw f’dak l-isforz, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja u solidarjetà u ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, u li l-mira l-ġdida għall-2030 jeħtieġ li tinkiseb b’mod li tiġi ppreservata l-kompetittività tal-Unjoni u li jitqiesu l-punti tat-tluq differenti tal-Istati Membri u ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi u l-potenzjal speċifiku għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inkluż dawk tal-Istati Membri gżejjer u tal-gżejjer, kif ukoll l-isforzi li saru.

    (13)

    Sabiex tintlaħaq il-mira l-ġdida tal-Unjoni għall-2030 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, is-setturi koperti mir-Regolament (UE) 2018/842 ser ikollhom inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom b’mod progressiv sakemm jilħqu -40 % fl-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Ir-Regolament (UE) 2018/842 jikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll l-objettiv tal-Unjoni tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 skont ir-Regolament (UE) 2021/1119, li l-kisba tagħha tirrikjedi konverġenza tal-isforzi tal-Istati Membri kollha tul iż-żmien, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi.

    (14)

    Il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 stabbilita fir-Regolament (UE) 2018/842 jeħtieġ li tiġi riveduta għal kull Stat Membru. Jenħtieġ li l-metodoloġija wżata għar-reviżjoni tal-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 tkun l-istess bħal dik li ntużat meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2018/842, fejn il-kontributi nazzjonali ġew iddeterminati b’kunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet u l-opportunitajiet ta’ kosteffiċjenza differenti fl-Istati Membri sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta u bbilanċjata tal-isforz. Għalhekk, jenħtieġ li l-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal kull Stat Membru fl-2030 tiġi ddeterminata b’rabta mal-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu fl-2005 kopert b’dak ir-Regolament, kif rivedut skont l-Artikolu 4(3) tiegħu, bl-esklużjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra vverifikati minn installazzjonijiet li kienu qegħdin jaħdmu fl-2005 u li ġew inklużi biss fl-EU ETS wara l-2005.

    (15)

    B’konsegwenza ta’ dan, mis-sena tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, huma meħtieġa limiti nazzjonali vinkolanti ġodda, espressi f’allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet. Dawk il-limiti ser iwasslu progressivament għall-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 ta’ kull Stat Membru. Il-limiti annwali għas-snin ta’ qabel is-sena tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2126 (12) jinżammu.

    (16)

    Il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qed ikollhom impatt fuq l-ekonomija tal-Unjoni u l-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħha sal-punt li għadu ma jistax jiġi kkwantifikat bis-sħiħ. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni qed tiskjera l-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt kellha u qed tħaffef it-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili, li wkoll għandu impatt potenzjali fuq il-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Minħabba dawk l-inċertezzi u avvenimenti oħra mhux previsti li għandhom impatt fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, huwa xieraq li tiġi rieżaminata d-data dwar l-emissjonijiet fl-2025 u, jekk ikun meħtieġ, li jiġu aġġornati l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet fl-2025 għas-snin 2026 sa 2030. Dak l-aġġornament jenħtieġ li jkun ibbażat fuq rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali mwettqa mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet medji tal-gassijiet serra ta’ kull Stat Membru matul is-snin 2021, 2022 u 2023.

    (17)

    F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1119, jenħtieġ li tingħata prijorità lit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra diretti, li ser ikollu jiġi kkomplementat minn żieda fl-assorbimenti tal-karbonju sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika. Ir-Regolament (UE) 2021/1119 jirrikonoxxi li l-bjar tal-karbonju jinkludu soluzzjonijiet naturali u teknoloġiċi. Huwa importanti li tiġi stabbilita skema tal-Unjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju maħżun b’mod sikur u permanenti miksuba permezz ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi, li toffri ċarezza għall-Istati Membri u għall-operaturi tas-suq biex itejbu tali assorbimenti tal-karbonju. Meta tali skema ta’ ċertifikazzjoni tkun fis-seħħ, tista’ ssir analiżi dwar kontabbiltà għal tali assorbimenti tal-karbonju skont il-liġi tal-Unjoni.

    (18)

    Sabiex tiġi inċentivata azzjoni aktar bikrija u tiġi żgurata aktar l-integrità ambjentali, huwa meħtieġ u xieraq li jitnaqqsu l-limiti massimi għas-self u l-ikkreditar tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu kollu mill-2021 sal-2030. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jnaqqsu b’mod progressiv l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom, u jilħqu l-miri nazzjonali miżjuda tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 b’mod kosteffettiv. Fid-dawl tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ġodda u aktar stretti meħtieġa minn dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiżdiedu l-limiti massimi eżistenti fuq it-trasferimenti tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet bejn l-Istati Membri. Il-possibbiltà tat-trasferiment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tippermettilhom jiksbu l-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod kosteffettiv, filwaqt li tippreserva l-integrità ambjentali. It-trasparenza ta’ tali trasferimenti jenħtieġ li tiġi żgurata, sabiex dawn jitwettqu b’mod li jkun konvenjenti għal kull parti, inkluż permezz ta’ rkantar, bl-użu ta’ intermedjarji tas-suq li jaġixxu fuq bażi ta’ aġenzija, permezz ta’ arranġamenti bilaterali jew bl-użu ta’ interfaċċa elettronika li għandha l-għan li tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar trasferimenti maħsuba u li tnaqqas il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet.

    L-Istati Membri diġà huma meħtieġa jirrapportaw informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti konklużi f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1208 (13). Wara l-kompilazzjoni mill-Kummissjoni, l-informazzjoni fil-qosor ipprovduta ssir disponibbli fi żmien tliet xhur mill-wasla tar-rapporti mill-Istati Membri, f’forma elettronika, li tipprovdi l-firxa ta’ prezzijiet imħallsa għal kull tranżazzjoni tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, fiż-żewġ perjodi bejn il-pubblikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) 2018/1999 u l-bidu tal-proċedura ta’ kontroll tal-konformità, l-Istati Membri jistgħu jirrapportaw lill-Kummissjoni fil-15-il jum ta’ kull xahar dwar it-trasferimenti konklużi. Barra minn hekk, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-trasferimenti maħsuba, l-Istati Membri huma mistiedna jaġġornaw kontinwament l-informazzjoni rilevanti. L-informazzjoni fil-qosor riċevuta tiġi kkompilata mill-Kummissjoni u ssir disponibbli fil-ħin f’forma elettronika. Sabiex tittejjeb it-trasparenza, qabel kwalunkwe trasferiment effettiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1999 bl-intenzjoni tagħhom li jipproċedu bi trasferiment ta’ parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tagħhom għal sena partikolari. Huwa għalhekk xieraq li r-Regolament (UE) 2018/1999 jiġi emendat.

    (19)

    Għal ċerti Stati Membri, huwa possibbli li titqies il-kanċellazzjoni ta’ kwantità limitata ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-EU ETS għall-finijiet ta’ konformità mar-Regolament (UE) 2018/842 (il-“flessibbiltà tal-EU ETS”). Minn dawk l-Istati Membri li huma eliġibbli, tnejn ma għamlux użu mill-flessibbiltà tal-EU ETS u wieħed ma għamilx użu sħiħ minnha. Fid-dawl taż-żieda fil-livell ta’ ambizzjoni stabbilit b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jingħataw opportunità ġdida biex jagħmlu użu jew użu ulterjuri ta’ dik il-flessibbiltà. Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita skadenza ġdida li permezz tagħha jkun possibbli għal dawk l-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni li jagħmlu użu jew użu ulterjuri ta’ dik il-flessibbiltà. Barra minn hekk, minħabba l-istruttura partikolari tal-ekonomija ta’ Malta, il-mira nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ dak l-Istat Membru abbażi tal-prodott domestiku gross per capita hija ferm ogħla mill-potenzjal ta’ tnaqqis kosteffettiv tiegħu. Għalhekk huwa xieraq li jiżdied l-aċċess ta’ Malta għal dik il-flessibbiltà, mingħajr ma tiġi kompromessa l-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030.

    (20)

    Minbarra l-flessibbiltà tal-EU ETS, huwa possibbli li titqies kwantità limitata ta’ assorbimenti netti u emissjonijiet netti mil-LULUCF għall-konformità tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/842 (il-“flessibbiltà tal-LULUCF”). Sabiex jiġi żgurat li huma skjerati biżżejjed sforzi ta’ mitigazzjoni sal-2030, huwa xieraq li l-użu tal-flessibbiltà tal-LULUCF jiġi limitat billi l-użu tal-flessibbiltà tal-LULUCF jiġi sseparat f’żewġ perjodi ta’ żmien separati, kull wieħed limitat b’limitu li jikkorrispondi għal nofs l-ammont massimu tal-assorbimenti netti totali stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/842. Huwa xieraq ukoll li t-titolu ta’ dak l-Anness ikun konformi mar- Regolament (UE) 2018/841 wara l-emendar tiegħu mwettaq mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/268 (14). B’konsegwenza ta’ dan, ma għadx hemm il-ħtieġa li r-Regolament (UE) 2018/842 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati biex temenda t-titolu tal-Anness III tagħha. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 jitħassar.

    (21)

    Meta l-Kummissjoni ssib li Stat Membru ma jkunx qed jagħmel biżżejjed progress biex jilħaq il-livelli annwali tal-emissjonijiet tiegħu skont ir-Regolament (UE) 2018/842, jenħtieġ li l-mekkaniżmi ta’ azzjoni korrettiva skont dak ir-Regolament jissaħħu sabiex jippermettu azzjoni rapida u effettiva. Huwa għalhekk xieraq li jiġu riveduti r-rekwiżiti li japplikaw għall-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva li jridu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri f’każ ta’ nuqqas ta’ progress suffiċjenti.

    (22)

    L-Unjoni u l-Istati Membri huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (15) (il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”). L-iskrutinju pubbliku u l-aċċess għall-ġustizzja huma elementi essenzjali mill-valuri demokratiċi tal-Unjoni u għodod biex jiġi ssalvagwardjat l-istat tad-dritt.

    (23)

    Jenħtieġ li l-azzjoni klimatika tal-Unjoni tagħmel użu mix-xjenza l-aktar reċenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-parir tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima, stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), jitqies fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2018/842.

    (24)

    Fid-dawl tal-introduzzjoni ta’ reġim ta’ konformità msaħħaħ fir-Regolament (UE) 2018/841 mill-2026, huwa xieraq li jiġi abolit it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati minn kull Stat Membru fil-perjodu ta’ bejn l-2026 u l-2030 fis-settur tal-LULUCF li jaqbżu l-assorbimenti tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 jiġi emendat skont dan.

    (25)

    Huwa xieraq li r-rieżami tar-Regolament (UE) 2018/842 fl-2024 iqis il-miri tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont ir-Regolament (UE) 2021/1119, l-impenn tal-Unjoni għall-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u kwalunkwe impenn rilevanti li jirriżulta mill-Konferenzi tal-Partijiet għall-UNFCCC. Barra minn hekk, jenħtieġ li dak ir-rieżami jinkludi perkors ta’ tnaqqis għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jkun kompatibbli mal-objettiv vinkolanti tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050 skont ir-Regolament (UE) 2021/1119.

    (26)

    L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mhux tas-CO2, bħal metan, l-ossidu nitruż u l-gassijiet fluworurati, jammontaw għal aktar minn 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni. L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mhux tas-CO2 huma koperti mir-Regolament (UE) 2018/842 u għalhekk neċessarjament ser ikunu parti mill-miżuri li l-Istati Membri ser iqiegħdu fis-seħħ sabiex jikkonformaw mal-miri miżjuda tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 skont dan ir-Regolament. Sat-30 ta’ Ġunju 2023, l-Istati Membri jridu jissottomettu abbozz ta’ aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ser toħroġ gwida f’dak ir-rigward, inkluż biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u politiki biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan. Bl-istess mod, l-Istati Membri jridu jivvalutaw jekk il-pjanijiet strateġiċi tagħhom skont il-politika agrikola komuni jenħtieġx li jiġu riveduti biex jirriflettu l-ambizzjoni akbar fir-Regolament (UE) 2018/842 introdotta mill-emendi tiegħu permezz ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni ser tinkludi informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba mill-kombinazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni u dawk nazzjonali fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mhux tas-CO2 fir-rapporti annwali skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament (UE) 2018/1999. Il-Kummissjoni trid tivvaluta wkoll l-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima u tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri li ma jagħmlux biżżejjed progress. Fil-kuntest tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2018/841, il-Kummissjoni ser tivvaluta x-xejriet attwali u l-projezzjonijiet futuri tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura kif ukoll l-għażliet regolatorji biex tiżgura l-konsistenza tagħhom mal-objettiv li jinkiseb tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi kollha tal-ekonomija f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-miri klimatiċi intermedjarji tal-Unjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119. Meta tkun qed tirrieżamina r-Regolament (UE) 2018/842, il-Kummissjoni ser tivvaluta kif is-setturi kollha koperti minn dak ir-Regolament jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inkluż b’mod partikolari t-tnaqqis miksub fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mhux tas-CO2, anki f’setturi oħra għajr l-agrikoltura.

    (27)

    Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu aġġustati, fid-dawl tar-Regolament (UE) 2021/1119, l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontributi minimi tagħhom għall-perjodu mill-2021 sal-2030 għall-issodisfar tal-mira tal-Unjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għall-kontribut lejn il-ksib tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (28)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) 2018/842 u (UE) 2018/1999 jiġu emendati skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) 2018/842

    Ir-Regolament (UE) 2018/842 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-kontributi minimi tagħhom għall-perjodu mill-2021 sal-2030 biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni li fl-2030 l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra jitnaqqsu b’ 40 % taħt il-livelli fl-2005 fis-setturi koperti mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. Jikkontribwixxi għall-mira fit-tul tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, bil-għan li jintlaħqu emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem. B’hekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) u l-Ftehim ta’ Pariġi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar id-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u għall-evalwazzjoni tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri biex jonoraw il-kontributi minimi tagħhom.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).”;"

    (2)

    fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Dan ir-Regolament japplika għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn kategoriji ta’ sorsi tal-IPCC tal-enerġija, il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodott, l-agrikoltura u l-iskart kif iddeterminati skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), minbarra l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, għajr l-attività “trasport marittimu” u attivitajiet elenkati biss fih għall-finijiet tal-Artikoli 14 u 15 ta’ dik id-Direttiva.

    (*2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).”;"

    (3)

    l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 1 sa 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Fl-2030, kull Stat Membru għandu jillimita l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu tal-inqas bil-perċentwal stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu fl-2005, iddeterminati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Soġġett għall-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament u għall-aġġustament skont l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament, u filwaqt li jitqies kwalunkwe tnaqqis li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiegħu:

    (a)

    ma jaqbżux, fis-snin 2021 u 2022, il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari, li tibda fuq il-medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ dak l-Istat Membru fl-2016, l-2017 u l-2018, kif stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u li tispiċċa fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 1 tal-Anness I għal dan ir-Regolament; it-trajettorja lineari ta’ Stat Membru għandha tibda jew mill-ħames parti minn kull tnax tad-distanza mill-2019 sal-2020 jew fl-2020, skont liema tkun l-anqas allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet għal dak l-Istat Membru;

    (b)

    ma jaqbżux, fis-snin 2023, 2024 u 2025, il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari li tibda fl-2022 fl-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet għal dak l-Istat Membru, kif stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għal dik is-sena, u li tintemm fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

    (c)

    ma jaqbżux, fis-snin 2026 sal-2030, il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari li tibda fuq il-medja tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dak l-Istat Membru fl-2021, 2022 u 2023, kif ippreżentat minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u li tintemm fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament; it-trajettorja lineari ta’ Stat Membru għandha tibda mid- disa’ parti minn kull tnax tad-distanza mill-2023 sal-2024.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru għas-snin mill-2021 sal-2030 f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2 f’konformità mat-trajettorji lineari stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    Għas-snin 2021 u 2022, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet abbażi ta’ rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali l-aktar reċenti għas-snin 2005, 2016, 2017 u 2018 ippreżentata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 u għandha tindika l-valur għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2005 ta’ kull Stat Membru użati biex jiġu ddeterminati dawk l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet.

    Għas-snin 2023, 2024 u 2025, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet abbażi tal-valur għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-2005 ta’ kull Stat Membru indikat skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tal-valuri rieżaminati tad-data tal-inventarju nazzjonali għas-snin 2016, 2017 u 2018 imsemmija f’dak it-tieni subparagrafu.

    Għas-snin 2026 sa 2030, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet abbażi tal-valur għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-2005 ta’ kull Stat Membru indikat skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u abbażi ta’ rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali l-aktar reċenti għas-snin 2021, 2022 u 2023 ippreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

    4.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jispeċifikaw ukoll, abbażi tal-perċentwali nnotifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(3), (3a) u (3b), il-kwantitajiet totali li jistgħu jitqiesu għall-konformità ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 9 bejn l-2021 u l-2030. Jekk is-somma tal-kwantitajiet totali tal-Istati Membri kollha taqbeż it-total kollettiv ta’ 100 miljun, il-kwantitajiet totali għal kull Stat Membru għandhom jitnaqqsu fuq bażi pro rata sabiex ma jinqabiżx it-total kollettiv.”

    ;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “6.   Meta jwettqu l-azzjonijiet biex jillimitaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont il-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa li jiżguraw tranżizzjoni ġusta u soċjalment ġusta għal kulħadd. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida biex tappoġġa lill-Istati Membri f’dak ir-rigward.”

    ;

    (4)

    l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, Stat Membru jista’ jissellef kwantità li ma taqbiżx is-7,5 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena sussegwenti.”

    ;

    (b)

    il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “3.   Stat Membru li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, b’kont meħud tal-użu ta’ flessibbiltajiet skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, jista’:

    (a)

    fir-rigward tas-sena 2021, ifaddal il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa livell ta’ 75 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għall-2021 u għas-snin sussegwenti sal-2030; u

    (b)

    fir-rigward tas-snin mill-2022 sal-2029, ifaddal dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa mhux aktar mil-livell ta’ 25 % tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa dik is-sena għas-snin sussegwenti sal-2030.

    4.   Stat Membru jista’ jittrasferixxi sa mhux aktar minn 10 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu ta’ sena partikolari lil Stati Membri oħra fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, u sa mhux aktar minn 15 % fir-rigward tas-snin mill-2026 sal-2030. L-Istat Membru riċeventi jista’ juża dik il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għas-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.”

    ;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “5a.   Qabel kwalunkwe trasferiment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5, Stat Membru għandu jinforma, f’format elettroniku, lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1999 bl-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal sena partikolari.”

    ;

    (d)

    il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   L-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul, jew l-ekwivalenti tiegħu f’valur finanzjarju, iġġenerat permezz ta’ trasferimenti ta’ allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5 biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni meħuda skont dan il-paragrafu u għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni pubblika f’forma faċilment aċċessibbli.”

    ;

    (5)

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri elenkati fl-Anness II jistgħu jiddeċiedu li jirrevedu l-perċentwal notifikat darba fl-2024 u darba fl-2027. F’tali każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan sal-31 ta’ Diċembru 2024 jew sal-31 ta’ Diċembru 2027, rispettivament.”;

    (b)

    jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “3a.   Malta għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023 jekk tkunx beħsiebha tagħmel użu mill-kanċellazzjoni limitata tal-kwoti tal-EU ETS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sal-perċentwal elenkat fl-Anness II għal kull sena mill-2025 sal-2030, għall-konformità tagħha skont l-Artikolu 9.

    3b.   Minkejja l-paragrafu 3, l-Istati Membri elenkati fl-Anness II li ma jkunux innotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 dwar intenzjoni li jagħmlu użu jew użu sħiħ mill-kanċellazzjoni limitata ta’ kwoti tal-EU ETS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023 jekk għandhomx l-intenzjoni li jagħmlu użu jew użu ulterjuri minn dik il-kanċellazzjoni limitata ta’ kwoti tal-EU ETS, sal-perċentwal elenkat fl-Anness II għal kull sena tal-perjodu mill-2025 sal-2030 għal kull Stat Membru kkonċernat, għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9.”

    ;

    (c)

    il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “4.   Fuq talba ta’ Stat Membru, l-Amministratur Ċentrali maħtur skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/87/KE (l-“Amministratur Ċentrali”) għandu jqis ammont li ma jaqbiżx it-total tal-kwantità ddeterminata skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għall-konformità ta’ dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament. Parti minn kull għaxra tal-kwantità totali tal-kwoti tal-EU ETS iddeterminati skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għal kull sena mill-2021 sal-2030 għal dak l-Istat Membru. Parti minn kull sitta tal-kwantità totali tal-kwoti tal-EU ETS iddeterminati skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għal kull sena mill-2025 sal-2030 għal Stati Membri li jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni skont il-paragrafi 3a u 3b ta’ dan l-Artikolu.

    5.   Meta Stat Membru, f’konformità mal-paragrafu 3, ikun innotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li jirrevedi l-perċentwal innotifikat preċedentement, kwantità ta’ kwoti tal-EU ETS korrispondentement aktar baxxa jew aktar għolja għandha tiġi kkanċellata għal dak l-Istat Membru fir-rigward ta’ kull sena mill-2026 sal-2030 jew mill-2028 sal-2030, rispettivament. ”

    ;

    (6)

    l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Użu addizzjonali tal-assorbimenti netti mil-LULUCF”;

    (b)

    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    is-sentenza ta’ introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:

    “1.   Sal-punt li emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru jaqbżu l-allokazzjonijiet annwali ta’ emissjonijiet tiegħu għal sena partikolari, inkluż kwalunkwe allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet mfaddla skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament, kwantità ta’ mhux aktar mis-somma ta’ assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali mill-kategoriji kombinati tal-kontabbiltà tal-art inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/841, tista’ titqies għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għal dik is-sena, sakemm:”

    ;

    (ii)

    il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin mill-2021 sal-2025 ma taqbiżx nofs l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament għal dak l-Istat Membru;

    (aa)

    il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin mill-2026 sal-2030 ma taqbiżx nofs l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament għal dak l-Istat Membru;”;

    (c)

    il-paragrafu 2 jitħassar;

    (7)

    l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Azzjoni korrettiva

    1.   Jekk il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni annwali tagħha ssib skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u waqt li tqis l-użu maħsub tal-flessibbiltajiet imsemmi fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, li Stat Membru ma jkunx qed jagħmel progress suffiċjenti biex jonora l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru għandu, fi żmien tliet xhur, jippreżenta pjan ta’ azzjoni korrettiva lill-Kummissjoni li jinkludi:

    (a)

    spjegazzjoni dettaljata dwar għaliex dak l-Istat Membru mhuwiex qed jagħmel progress suffiċjenti biex jonora dawk l-obbligi;

    (b)

    valutazzjoni ta’ kif il-finanzjament tal-Unjoni appoġġa l-isforzi ta’ dak l-Istat Membru biex jonora dawk l-obbligi u ta’ kif biħsiebu juża tali finanzjament biex jagħmel progress biex jonorahahom;

    (c)

    azzjonijiet addizzjonali, li jikkomplementaw il-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima ta’ dak l-Istat Membru skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 jew li jsaħħu l-implimentazzjoni tiegħu, li jrid jimplimenta sabiex jwettaq dawk l-obbligi, permezz ta’ politiki u miżuri domestiċi u l-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-Unjoni, akkumpanjati minn valutazzjoni dettaljata, li tkun mirfuda minn data kwantitattiva, fejn disponibbli, tat-tnaqqis previst tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżulta minn dawk l-azzjonijiet;

    (d)

    skeda stretta ta’ implimentazzjoni ta’ tali azzjonijiet, li tippermetti l-valutazzjoni tal-progress annwali fl-implimentazzjoni.

    Meta Stat Membru jkun stabbilixxa korp konsultattiv nazzjonali dwar il-klima, dan jista’ jfittex il-parir tiegħu biex jidentifika l-azzjonijiet meħtieġa msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu.

    2.   F’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha biex tivvaluta kwalunkwe pjan ta’ azzjoni korrettiva.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni dwar kemm huma b’saħħithom il-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva ppreżentati f’konformità mal-paragrafu 1 u f’dak il-każ għandha tagħmel dan fi żmien erba’ xhur mill-wasla ta’ dawk il-pjanijiet. L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni bir-reqqa u jista’ jirrevedi l-pjan tiegħu skont dan. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jindirizzax l-opinjoni tal-Kummissjoni jew parti sostanzjali minnha, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi ġustifikazzjoni lill-Kummissjoni.

    4.   Kull Stat Membru għandu jagħmel il-pjan ta’ azzjoni korrettiva tiegħu kif imsemmi fil-paragrafu 1 u kwalunkwe ġustifikazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3 disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-opinjoni tagħha kif msemmija fil-paragrafu 3 disponibbli għall-pubbliku.”

    ;

    (8)

    fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Jekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru fil-perjodu mill-2021 sal-2025 imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/841 jaqbżu l-assorbimenti tiegħu, kif iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament, l-Amministratur Ċentrali għandu jnaqqas mill-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta’ dak l-Istat Membru ammont ugwali għal dawk l-emissjonijiet ta’gassijiet serra żejda f’tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2 għas-snin rilevanti.”

    ;

    (9)

    l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 15

    Rieżami

    1.   Dan ir-Regolament għandu jinżamm taħt rieżami filwaqt li jqis fost l-oħrajn l-evoluzzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali, tal-modi li bihom is-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, tal-iżviluppi internazzjonali, u tal-isforzi mwettqa għall-kisba tal-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi u tar-Regolament (UE) 2021/1119.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien sitt xhur minn kull analiżi globali maqbula skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, dwar l-operat ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet, kif ukoll dwar l-adegwatezza tal-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jinsabu fl-Anness I għal dan ir-Regolament fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-objettivi klimatiċi tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 u għall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dak ir-rapport għandu jinkludi b’mod partikolari valutazzjoni tal-ħtieġa għal politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni minħabba t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f’qafas ta’ wara l-2030. Għandu jinkludi wkoll valutazzjoni ta’ perkors ta’ tnaqqis għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti minn dan ir-Regolament li jkun kompatibbli mal-objettiv tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li jitqies il-baġit indikattiv projettat tal-Unjoni għall-gassijiet serra msemmi fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2021/1119 kif ukoll l-importanza li jiġu promossi kemm il-ġustizzja kif ukoll is-solidarjetà fost l-Istati Membri u l-kosteffettività fil-kisba ta’ dak l-objettiv. Dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

    Ir-rapport msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu iqis l-istrateġiji fit-tul tal-Istati Membri mħejjija u ppreżentati skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999 u l-valutazzjoni tagħhom magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(9) ta’ dak ir-Regolament.”

    ;

    (10)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 15a

    Parir xjentifiku

    Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima, stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), (il-“Bord Konsultattiv”) jista’, fuq inizjattiva proprja, jipprovdi pariri xjentifiċi jew joħroġ rapporti dwar il-miżuri, il-miri klimatiċi, il-livelli annwali tal-emissjonijiet u l-flessibbiltajiet tal-Unjoni skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-pariri u r-rapporti rilevanti tal-Bord Konsultattiv, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri futuri li jimmiraw lejn aktar tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament.

    (*3)  Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Network Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).”;"

    (11)

    l-Annessi I, II u III huma emendati f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1999

    Ir-Regolament (UE) 2018/1999 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 26, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Mill-2023, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw u jirrapportaw lill-Kummissjoni d-data tal-inventarju finali tal-gassijiet serra sal-15 ta’ Marzu kull sena (is-sena X) u d-data tal-inventarju preliminari tal-gassijiet serra sal-15 ta’ Jannar kull sena, inkluż l-informazzjoni dwar il-gassijiet serra u l-inventarji elenkati fl-Anness V. Ir-rapport dwar id-data tal-inventarju finali tal-gassijiet serra għandu jinkludi wkoll rapport komplut u aġġornat dwar l-inventarju nazzjonali. Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi r-rapporti, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni msemmija fil-punt (n) tal-ewwel paragrafu tal-Parti 1 tal-Anness V disponibbli f’format elettroniku għall-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 44(1).”

    ;

    (2)

    fl-Anness V, il-Parti 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (n) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(n)

    informazzjoni dwar:

    (i)

    l-intenzjonijiet tal-Istat Membru li jagħmel użu mill-flessibbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 5(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2018/842 inkluż, fejn possibbli, informazzjoni dwar il-kwantitajiet, it-tip ta’ trasferiment u l-firxa stmata ta’ prezzijiet;

    (ii)

    l-użu tad-dħul skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) 2018/842;

    (iii)

    l-intenzjonijiet tal-Istat Membru li jagħmel użu mill-flessibbiltà msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2018/842.”.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ April 2023.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 189.

    (2)  ĠU C 301, 5.8.2022, p. 221.

    (3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2023. (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Marzu 2023.

    (4)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

    (5)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

    (9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 35).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

    (11)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

    (12)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2126 tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istabbiliment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2021 sal-2030 skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 426, 17.12.2020, p. 58).

    (13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1208 tas-7 ta’ Awwissu 2020 dwar l-istruttura, il-format u l-proċessi tal-preżentazzjoni u r-rieżami tal-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 (ĠU L 278, 26.8.2020, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/268 tat-28 ta’ Ottubru 2020 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli ta’ referenza għall-foresti li jeħtieġ jiġu applikati mill-Istati Membri għall-perjodu 2021-2025 (ĠU L 60, 22.2.2021, p. 21).

    (15)  ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4.

    (16)  Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Network Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).


    ANNESS

    L-Annessi I, II u III għar-Regolament (UE) 2018/842 huma emendati kif ġej:

    (1)

    l-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS I

    TNAQQIS FL-EMISSJONIJIET TAL-GASSIJIET SERRA TAL-ISTATI MEMBRI SKONT L-ARTIKOLU 4(1)

     

    It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istati Membri fl-2030 fir-rigward tal-livelli tagħhom fl-2005 iddeterminati skont l-Artikolu 4(3)

     

    Kolonna 1

    Kolonna 2

    Belġju

    -35  %

    -47  %

    Bulgarija

    -0  %

    -10  %

    Ċekja

    -14  %

    -26  %

    Danimarka

    -39  %

    -50  %

    Ġermanja

    -38  %

    -50  %

    Estonja

    -13  %

    -24  %

    Irlanda

    -30  %

    -42  %

    Greċja

    -16  %

    -22,7  %

    Spanja

    -26  %

    -37,7  %

    Franza

    -37  %

    -47,5  %

    Kroazja

    -7  %

    -16,7  %

    Italja

    -33  %

    -43,7  %

    Ċipru

    -24  %

    -32  %

    Latvja

    -6  %

    -17  %

    Litwanja

    -9  %

    -21  %

    Lussemburgu

    -40  %

    -50  %

    Ungerija

    -7  %

    -18,7  %

    Malta

    -19  %

    -19  %

    Netherlands

    -36  %

    -48  %

    Awstrija

    -36  %

    -48  %

    Polonja

    -7  %

    -17,7  %

    Portugall

    -17  %

    -28,7  %

    Rumanija

    -2  %

    -12,7  %

    Slovenja

    -15  %

    -27  %

    Slovakkja

    -12  %

    -22,7  %

    Finlandja

    -39  %

    -50  %

    Żvezja

    -40  %

    -50  %

    ”;

    (2)

    fl-Anness II, l-entrata għal Malta hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Malta

    7 %”;

    (3)

    l-Anness III huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu tal-Anness III huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-ASSORBIMENTI NETTI TOTALI MILL-KATEGORIJI TA’ ART KOPERTI MIR-REGOLAMENT (UE) 2018/841 LI L-ISTATI MEMBRI JISTGĦU JQISU GĦALL-KONFORMITÀ GĦALL-PERJODU MILL-2021 SAL-2030 SKONT IL-PUNTI (a) U (aa) TAL-ARTIKOLU 7(1) TA’ DAN IR-REGOLAMENT”;

    (b)

    l-entrata għar-Renju Unit titħassar;

    (c)

    fl-aħħar ringiela tat-tabella, “280” huwa sostitwit b’“262,2”.


    Top