Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023L1544

    Direttiva (UE) 2023/1544 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali

    PE/3/2023/REV/1

    ĠU L 191, 28.7.2023, p. 181–190 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/1544/oj

    28.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 191/181


    DIRETTIVA (UE) 2023/1544 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Lulju 2023

    li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 53 u 62 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Is-servizzi bbażati fuq network jistgħu jiġu pprovduti minn kullimkien u ma jirrikjedux infrastruttura fiżika, bini jew persunal fil-pajjiż fejn jiġi offrut is-servizz rilevanti, jew fis-suq intern innifsu. Konsegwentement, jista' jkun diffiċli li jiġu applikati u infurzati obbligi stipulati fil-liġi nazzjonali u tal-Unjoni li japplikaw għall-fornituri ta' servizzi kkonċernati, b'mod partikolari l-obbligu li jikkonformaw ma' ordni jew deċiżjoni ta' awtorità ġudizzjarja. Dan huwa l-każ b'mod partikolari fir-rigward tal-liġi kriminali, fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiffaċċjaw diffikultajiet sabiex jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom, jiżguraw konformità magħhom u jinfurzawhom, b'mod partikolari meta servizzi rilevanti jiġu pprovduti minn post barra mit-territorju tagħhom. F'dan l-isfond, l-Istati Membri ħadu għadd ta' miżuri differenti ħafna sabiex japplikaw u jinfurzaw b'mod aktar effettiv il-leġiżlazzjoni tagħhom. Dan jinkludi miżuri biex il-fornituri ta' servizzi jintalbu jiksbu evidenza elettronika li tkun ta' rilevanza għall-proċedimenti kriminali. Għal dak il-għan, ċerti Stati Membri adottaw, jew qed jikkunsidraw li jadottaw, leġiżlazzjoni li timponi rappreżentanza legali obbligatorja fit-territorju tagħhom stess, għal għadd ta' fornituri ta' servizzi li joffru servizzi f'dak it-territorju. Tali rekwiżiti joħolqu ostakoli għall-forniment liberu tas-servizzi fis-suq intern.

    (2)

    Hemm riskju li, fin-nuqqas ta' approċċ għall-Unjoni kollha, l-Istati Membri se jippruvaw jegħlbu n-nuqqasijiet eżistenti relatati mal-ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali billi jimponu obbligi nazzjonali differenti. Tali obbligi nazzjonali differenti joħolqu aktar ostakoli għall-forniment liberu tas-servizzi fis-suq intern.

    (3)

    In-nuqqas ta' approċċ għall-Unjoni kollha jirriżulta f'inċertezza legali li taffettwa kemm lill-fornituri ta' servizzi kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali. Obbligi differenti u possibbilment kunfliġġenti japplikaw għall-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti jew li joffru servizzi fi Stati Membri differenti, u dan jirriżulta li l-fornituri ta' servizzi ta' dan it-tip ikunu soġġetti għal penali differenti f'każ ta' ksur. Tali diverġenzi fil-qafas għal proċedimenti kriminali x'aktarx li jkomplu jespandu minħabba l-importanza li qed tiżdied tas-servizzi tal-komunikazzjoni u tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-ħajja ta' kuljum u fis-soċjetajiet tagħna. Tali diverġenzi ma jirrappreżentawx biss ostakolu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, iżda jimplikaw ukoll problemi għall-istabbiliment u l-funzjonament korrett tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni.

    (4)

    Sabiex jiġu evitati diverġenzi fil-qafas legali u sabiex jiġi żgurat li l-impriżi attivi fis-suq intern ikunu soġġetti għall-istess obbligi jew għal obbligi simili, l-Unjoni adottat għadd ta' atti legali f'oqsma relatati bħall-protezzjoni tad-data, jiġifieri r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Sabiex jiżdied il-livell ta' protezzjoni għas-suġġetti tad-data, ir-Regolament (UE) 2016/679 jipprevedi d-deżinjazzjoni ta' rappreżentant legali fl-Unjoni minn kontrolluri jew proċessuri li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni iżda li joffru prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data fl-Unjoni jew jimmonitorjaw l-imġiba tas-suġġetti tad-data jekk l-imġiba tagħhom isseħħ fl-Unjoni, sakemm il-proċess ma jkunx okkażjonali, ma jinkludix proċessar, fuq skala kbira, ta' kategoriji speċjali ta' data personali jew l-ipproċessar ta' data personali marbuta ma' kundanni penali u reati kriminali, u ma jkunx probabbli li jirriżulta f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi, filwaqt li jitqiesu n-natura, il-kuntest, il-kamp ta' applikazzjoni u l-għanijiet tal-ipproċessar jew jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun awtorità jew korp pubbliku.

    (5)

    Bl-istabbiliment ta' regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali ta' ċerti fornituri ta' servizzi fl-Unjoni biex jirċievu deċiżjonijiet u ordnijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif ukoll biex jikkonformaw magħhom u jinfurzawhom, għall-finijiet ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, l-ostakoli eżistenti għall-forniment liberu tas-servizzi jenħtieġ li jitneħħew, u l-impożizzjoni ta' approċċi nazzjonali diverġenti f'dak ir-rigward, fil-futur, jenħtieġ li tiġi evitata. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta' servizzi. Skont jekk il-fornituri ta' servizzi jkunux stabbiliti fl-Unjoni jew le, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi jiddeżinjaw stabbiliment deżinjat jew jaħtru rappreżentant legali. Dawk ir-regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali jenħtieġ li ma jaffettwawx l-obbligi fuq il-fornituri ta' servizzi skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ffaċilitat infurzar aktar effettiv tal-liġi kriminali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni.

    (6)

    L-istabbilimenti deżinjati u r-rappreżentanti legali previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jservu bħala destinatarji għal deċiżjonijiet u ordnijiet għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika abbażi tar-Regolament (UE) 2023/1543 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (7), inkluż meta dawk id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet jiġu trażmessi fil-forma ta' ċertifikat.

    Ir-rikors għall-istabbiliment deżinjat jew għar-rappreżentant legali jenħtieġ li jkun f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-istrumenti u fil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-proċedimenti ġudizzjarji, inkluż meta l-istrumenti jippermettu n-notifika diretta ta' ordnijiet f'sitwazzjonijiet transfruntiera fuq l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali tal-fornitur ta' servizzi, jew ikunu bbażati fuq kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat jew jirrisjedi r-rappreżentant legali jenħtieġ li jaġixxu f'konformità mar-rwol stabbilit għalihom fl-istrument rispettiv fejn l-involviment ikun previst. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw ukoll deċiżjonijiet u ordnijiet għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika abbażi tal-liġi nazzjonali lil persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala rappreżentant legali jew bħala stabbiliment deżinjat ta' fornitur ta' servizzi fit-territorju tagħhom.

    (7)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni fit-18 ta’ Frar 2026 ikollhom l-obbligu li jiddeżinjaw tal-anqas stabbiliment deżinjat wieħed jew li jaħtru tal-anqas rappreżentant legali wieħed sat-18 ta’ Awwissu 2026 u li l-fornituri ta' servizzi li jibdew joffru servizzi fl-Unjoni wara dik id-data jiddeżinjaw tal-anqas stabbiliment deżinjat wieħed jew jaħtru tal-anqas rappreżentant legali wieħed fi żmien sitt xhur mid-data li jibdew joffru s-servizzi fl-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data, tali stabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali jista' jiġi kondiviż bejn diversi fornituri ta' servizzi, b'mod partikolari minn fornituri ta' servizzi li huma intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju.

    (8)

    L-obbligu li jiġi ddeżinjat stabbiliment deżinjat jew li jinħatar rappreżentant legali jenħtieġ li japplika għall-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni, jiġifieri fi Stat Membru wieħed jew aktar. Sitwazzjonijiet fejn il-fornitur ta' servizzi jkun stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru u joffri servizzi esklużivament fit-territorju ta' dak l-Istat Membru ma jenħtieġx li jkunu koperti minn din id-Direttiva.

    (9)

    Għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, l-Istati Membri jenħtieġ li jkun jistgħu jkomplu jindirizzaw lill-fornituri ta' servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom għal sitwazzjonijiet purament domestiċi f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali rispettiva tagħhom. Minkejja l-possibbiltajiet attwalment previsti fil-liġi domestika biex jiġu indirizzati l-fornituri ta' servizzi fit-territorju tagħhom stess, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jevitawx il-prinċipji li fuqhom huma bbażati din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) 2023/1543.

    (10)

    Li jiġi ddeterminat jekk fornitur ta' servizzi joffrix servizzi fl-Unjoni jirrikjedi valutazzjoni dwar jekk il-fornitur ta' servizzi jippermettix lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi tiegħu. Madankollu, is-sempliċi aċċessibbiltà ta' interfaċċa online fl-Unjoni, bħal pereżempju l-aċċessibbiltà ta' sit web jew ta' indirizz tal-posta elettronika jew ta' dettalji oħra ta' kuntatt ta' fornitur ta' servizzi jew ta' intermedjarju, meħuda f'iżolament, jenħtieġ li jitqiesu insuffiċjenti biex jiddeterminaw li fornitur ta' servizzi joffri servizzi fl-Unjoni skont it-tifsira ta' din id-Direttiva.

    (11)

    Li jiġi determinat jekk fornitur ta' servizzi joffrix servizzi fl-Unjoni jirrikjedi, minbarra valutazzjoni dwar jekk il-fornitur ta' servizzi jippermettix lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi tiegħu, li jiġi stabbilit jekk hemmx konnessjoni mal-Unjoni. Tali konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni jenħtieġ li titqies li teżisti meta l-fornitur ta' servizzi jkollu stabbiliment fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta' tali stabbiliment, il-kriterju ta' konnessjoni sostanzjali jenħtieġ li jiġi bbażat fuq kriterji fattwali speċifiċi bħall-eżistenza ta' għadd sinifikanti ta' utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew l-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar jenħtieġ li jiġi determinat abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi fatturi bħall-użu ta' lingwa jew ta' munita li ġeneralment tintuża f'dak l-Istat Membru, jew il-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti jew servizzi.

    L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru jista' jirriżulta wkoll mid-disponibbiltà ta' applikazzjoni ("app") fl-app store nazzjonali rilevanti, mill-forniment ta' riklamar lokali jew riklamar fil-lingwa użata ġeneralment f'dak l-Istat Membru, jew mill-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti, pereżempju bil-forniment ta' servizz għall-klijenti f'lingwa li ġeneralment tintuża f'dak l-Istat Membru. Konnessjoni sostanzjali jenħtieġ ukoll li titqies li teżisti meta fornitur ta' servizzi jiddirezzjona l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Min-naħa l-oħra, il-forniment ta' servizz għall-fini tas-sempliċi konformità mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni stipulata fir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ma jistax, mingħajr raġunijiet addizzjonali, jitqies li jiddirezzjona jew jimmira l-attivitajiet lejn territorju partikolari fl-Unjoni. L-istess kunsiderazzjonijiet jenħtieġ li japplikaw meta jiġi ddeterminat jekk fornitur ta' servizzi joffrix servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru.

    (12)

    Strumenti differenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V, il-Kapitolu 4, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri meta tkun qed tinġabar l-evidenza fil-proċedimenti kriminali. B'konsegwenza tal-ġeometrija varjabbli li teżisti fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni, teżisti l-ħtieġa li jiġi żgurat li din id-Direttiva ma tiffaċilitax il-ħolqien ta' aktar diskrepanzi jew ostakoli għall-forniment ta' servizzi fis-suq intern billi l-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fit-territorju tal-Istati Membri jitħallew jiddeżinjaw stabbilimenti deżinjati jew jaħtru rappreżentanti legali fl-Istati Membri li ma jkunux qed jieħdu parti fl-istrumenti legali rilevanti. Għaldaqstant, tal-anqas stabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali wieħed jenħtieġ li jiġi ddeżinjat jew maħtur fi Stat Membru li jipparteċipa fl-istrumenti legali rilevanti tal-Unjoni sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-effettività tad-deżinjazzjoni jew tal-ħatra prevista f’din id-Direttiva tiddgħajjef u sabiex jintużaw is-sinerġiji meta jkun hemm stabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali biex jirċievi, jikkonforma ma’ u jenforża d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż skont ir-Regolament (UE) 2023/1543, id-Direttiva 2014/41/UE u l-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-deżinjazzjoni ta’ stabbiliment deżinjat jew il-ħatra ta’ rappreżentant legali, li tista' tintuża wkoll biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi legali nazzjonali, toffri wkoll il-possibbiltà li wieħed jibbenefika mis-sinerġiji tad-disponibbiltà ta' punt ċar ta' aċċess biex jiġu indirizzati l-fornituri ta' servizzi għall-fini ta' ġbir ta' evidenza fi proċedimenti kriminali.

    (13)

    Il-fornituri ta' servizzi jenħtieġ li jkunu liberi jagħżlu f'liema Stat Membru jiddeżinjaw l-istabbiliment deżinjat tagħhom jew, meta applikabbli, jaħtru r-rappreżentant legali tagħhom, u jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jirrestrinġu dik il-libertà tal-għażla, pereżempju billi jimponu obbligu li jiddeżinjaw l-istabbiliment deżinjat jew li jaħtru rappreżentant legali fit-territorju tagħhom. Madankollu, id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi wkoll ċerti restrizzjonijiet fir-rigward ta' dik il-libertà tal-għażla tal-fornituri ta' servizzi, b'mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-istabbiliment deżinjat jenħtieġ li jkun stabbilit, jew meta applikabbli, ir-rappreżentant legali jenħtieġ li jkun jirrisjedi, fi Stat Membru fejn il-fornitur ta' servizzi jipprovdi servizzi jew ikun stabbilit, kif ukoll tipprovdi għall-obbligu li jiġi ddeżinjat stabbiliment deżinjat jew jinħatar rappreżentant legali f'wieħed mill-Istati Membri li jipparteċipaw fi strument legali msemmi f'din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-ħatra waħedha ta' rappreżentant legali ma titqiesx li tikkostitwixxi l-istabbiliment tal-fornitur ta' servizzi.

    (14)

    Il-fornituri ta' servizzi li jkunu l-aktar rilevanti għall-ġbir ta' evidenza fi proċedimenti kriminali huma l-fornituri ta' servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u fornituri speċifiċi tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn l-utenti. Għaldaqstant, iż-żewġ gruppi jenħtieġ li jkunu koperti b'din id-Direttiva. Is-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi huma definiti fid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u jinkludu servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bħal vuċi fuq IP, messaġġerija istantanja u servizzi ta' email. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun applikabbli wkoll għal fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) li ma jikkwalifikawx bħala fornituri ta' servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda joffru lill-utenti tagħhom il-kapaċità li jikkomunikaw ma' xulxin jew joffru lill-utenti tagħhom servizzi li jistgħu jintużaw biex jaħżnu jew jipproċessaw id-data mod ieħor f'isimhom. Dan ikun f'konformità mat-termini użati fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (ETS Nru 185), li saret f'Budapest fit-23 ta' Novembru 2001, imsejħa wkoll il-Konvenzjoni ta' Budapest. L-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jinftiehem f'sens tekniku, li jfisser il-ħolqien jew il-manipulazzjoni ta' data, jiġifieri operazzjonijiet tekniċi biex jipproduċu jew ibiddlu d-data permezz tal-qawwa tal-ipproċessar tal-kompjuters.

    Il-kategoriji tal-fornituri ta' servizzi koperti minn din id-Direttiva jenħtieġ li jinkludu, pereżempju, il-postijiet tas-suq online li jipprovdu lill-konsumaturi u lin-negozji bil-kapaċità li jikkomunikaw ma' xulxin u servizzi oħrajn ta' hosting, inkluż fejn is-servizz jingħata permezz tal-cloud computing, kif ukoll pjattaformi tal-gaming online u pjattaformi tal-logħob tal-azzard online. Meta fornitur ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ma jipprovdix lill-utenti tiegħu l-kapaċità li jikkomunikaw ma' xulxin, iżda mal-fornitur ta' servizzi biss, jew ma jipprovdix il-kapaċità li d-data tinħażen jew tiġi pproċessata mod ieħor, jew meta l-ħażna tad-data ma tkunx komponent determinanti, jiġifieri, parti essenzjali, mis-servizz ipprovdut lill-utenti, bħas-servizzi legali, ta' inġinerija arkitettonika u kontabilistiċi pprovduti online mill-bogħod, jenħtieġ li dan ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni ta' "fornitur ta' servizzi" stipulata f'din id-Direttiva, anki jekk is-servizzi ipprovduti minn dak il-fornitur ta' servizzi jkunu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fit-tifsira tad-Direttiva (UE) 2015/1535.

    (15)

    Il-fornituri ta' servizzi ta' infrastruttura tal-internet relatati mal-assenjazzjoni ta' ismijiet u numri, bħar-reġistri u r-reġistraturi ta' ismijiet ta' dominji u l-fornituri ta' servizzi ta' privatezza u proxy jew ir-reġistri reġjonali tal-internet għall-indirizzi tal-protokoll tal-internet ("IP"), huma ta' rilevanza partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-identifikazzjoni ta' atturi wara siti web malizzjużi jew kompromessi. Huma jkollhom fil-pussess tagħhom data li tista' tagħmel possibbli l-identifikazzjoni ta' individwu jew entità wara sit web użat f'attività kriminali, jew il-vittma ta' attività kriminali.

    (16)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti jew li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jipprovdu lill-istabbilimenti deżinjati u lir-rappreżentanti legali tagħhom bis-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jirċievu mingħand kwalunkwe Stat Membru. L-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw ukoll li l-istabbilimenti deżinjati jew ir-rappreżentanti legali li jirrisjedu fit-territorju tagħhom ikunu rċevew mill-fornituri ta' servizzi s-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet u mal-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li jirċievu minn kwalunkwe Stat Membru, u li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti meta jirċievu tali deċiżjonijiet u ordnijiet, f'konformità mal-qafas legali applikabbli. L-assenza ta' tali miżuri jew nuqqasijiet f'dawk il-miżuri jenħtieġ li ma jservux ta' raġuni li tiġġustifika n-nuqqas ta' konformità ma' deċiżjonijiet jew ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Barra minn hekk, il-fornituri ta' servizzi jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta' konformità tagħhom mal-obbligi li joħorġu mill-qafas legali applikabbli mal-wasla ta’ deċiżjonijiet jew ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva abbażi ta' proċeduri interni neqsin jew ineffettivi, peress li huma responsabbli biex jipprovdu r-riżorsi u s-setgħat neċessarji biex jiggarantixxu l-konformità ma’ tali deċiżjonijiet u ordnijiet. Jenħtieġ ukoll li l-istabbilimenti deżinjati jew ir-rappreżentanti legali ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw tali nuqqas ta' konformità billi jiddikjaraw, pereżempju, li ma għandhomx is-setgħa li jwasslu d-data. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kemm l-istabbiliment deżinjat kif ukoll ir-rappreżentant legali u l-fornitur ta' servizzi jistgħu jinżammu responsabbli in solidum għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-qafas legali applikabbli mal-wasla ta’ deċiżjonijiet u ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, sabiex kull wieħed minnhom jista' jkun soġġett għal penali għan-nuqqas ta' konformità minn kwalunkwe wieħed minnhom. B'mod partikolari, jenħtieġ li ma jkunx possibbli għall-fornitur ta' servizzi jew għall-istabbiliment deżinjat, jew għar-rappreżentant legali meta applikabbli, li juża n-nuqqas ta' proċeduri interni xierqa bejn il-fornitur ta' servizzi u l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' konformità ma' dawk l-obbligi. Jenħtieġ li responsabbiltà in solidum ma tapplikax għal azzjonijiet jew ommissjonijiet li jikkostitwixxu reat kriminali fl-Istat Membru li japplika l-penali, la tal-fornitur ta' servizzi u lanqas tal-istabbiliment deżinjat, jew tar-rappreżentant legali meta applikabbli.

    (17)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kull fornitur ta' servizzi li jkun stabbilit jew li joffri servizzi fit-territorju tagħhom jinnotifika bil-miktub lill-awtorità ċentrali, kif deżinjat skont din id-Direttiva, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat tiegħu jew fejn jirrisjedi r-rappreżentant legali tiegħu, bid-dettalji ta' kuntatt għal dak l-istabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali, u bi kwalunkwe tibdil fihom. In-notifika jenħtieġ li tipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-lingwi li fihom l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali jista' jiġi indirizzat, li jenħtieġ li tinkludi waħda jew aktar minn waħda mil-lingwi uffiċjali kif stabbilit fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat jew ikun jirrisjedi r-rappreżentant legali, iżda li tista' tinkludi lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni, bħal-lingwa ta' fejn ikunu jinsabu l-kwartieri ġenerali tiegħu. Meta fornitur ta' servizzi jiddeżinja diversi stabbilimenti jew jaħtar diversi rappreżentanti legali f'konformità ma' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li tali fornitur ta' servizzi jindika, għal kull stabbiliment deżinjat jew rappreżentant legali maħtur, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali preċiż tad-deżinjazzjoni jew ħatra tiegħu. It-territorju tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-istrumenti fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jenħtieġ li jkun kopert. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom jindirizzaw id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet kollha tagħhom skont din id-Direttiva lill-istabbiliment deżinjat jew lir-rappreżentant legali indikat tal-fornitur ta' servizzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni nnotifikata lilhom f'konformità ma' din id-Direttiva tkun disponibbli għall-pubbliku fuq paġna web apposta tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f'materji kriminali biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u r-rikors għall-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali minn awtoritajiet minn Stat Membru ieħor. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tali informazzjoni tiġi aġġornata regolarment. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-informazzjoni tinxtered ulterjorment biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dik l-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, bħal permezz ta' siti tal-intranet jew forums u pjattaformi apposta.

    (18)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati. Jenħtieġ li l-penali previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri jenħtieġ li, sad-data stabbilita f'din id-Direttiva, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dwar dawk il-miżuri u jenħtieġ li jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom. L-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar il-fornituri ta' servizzi li ma jkunux konformi, l-azzjoni ta' infurzar rilevanti li tkun ittieħdet kontrihom u l-penali imposti. Jenħtieġ li s-sanzjonijiet, taħt l-ebda ċirkostanza, ma jirriżultaw fi projbizzjoni, kemm jekk tkun temporanja kif ukoll permanenti, tal-forniment ta' servizzi. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkoordinaw l-azzjonijiet ta' infurzar tagħhom meta fornitur ta' servizzi joffri servizzi f'diversi Stati Membri. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ċentrali jikkoordinaw bejniethom biex jiżguraw approċċ koerenti u proporzjonat. Jekk ikun neċessarju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffaċilita tali koordinazzjoni, u jenħtieġ li, fi kwalunkwe każ, tiġi infurmata bil-każijiet ta' ksur. Id-Direttiva ma tirregolax l-arranġamenti kuntrattwali għat-trasferiment jew għat-tressiq ta' konsegwenzi finanzjarji bejn il-fornituri ta' servizzi, l-istabbilimenti deżinjati u r-rappreżentanti legali ta' penali imposti fuqhom.

    (19)

    Meta jiġu ddeterminati l-penali xierqa applikabbli għal ksur minn fornituri ta' servizzi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti, bħall-kapaċità finanzjarja tal-fornitur tas-servizzi, in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur, jekk ikunx twettaq intenzjonalment jew minħabba negliġenza u jekk il-fornitur ta' servizzi nżammx responsabbli għal ksur preċedenti simili. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-mikrointrapriżi.

    (20)

    Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' awtoritajiet nazzjonali fi proċedimenti ċivili jew amministrattivi, inkluż fejn tali proċedimenti jistgħu jwasslu għal penali.

    (21)

    Sabiex jiġi żgurat li din id-Direttiva tiġi applikata b'mod konsistenti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi addizzjonali għall-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddeżinjaw awtorità ċentrali waħda jew aktar li tista' tipprovdi lil awtoritajiet ċentrali fi Stati Membri oħrajn b'informazzjoni u assistenza fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fejn jitqiesu l-azzjonijiet ta' infurzar fl-ambitu ta' din id-Direttiva. Dak il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni jenħtieġ li jiżgura li l-Istati Membri rilevanti jkunu infurmati bl-intenzjoni ta' Stat Membru li jieħu azzjoni ta' infurzar. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet ċentrali jkunu jistgħu jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti u b'assistenza f'dawk iċ-ċirkostanzi u jikkooperaw ma' xulxin meta rilevanti. Il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet ċentrali fil-każ ta' azzjoni ta' infurzar tista' tinvolvi l-koordinazzjoni ta' azzjoni ta' infurzar bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri differenti. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tevita kunflitti pożittivi jew negattivi ta' kompetenza. Għall-koordinazzjoni ta' azzjoni ta' infurzar, l-awtoritajiet ċentrali jenħtieġ li jinvolvu wkoll lill-Kummissjoni meta rilevanti. L-obbligu ta' dawk l-awtoritajiet li jikkooperaw jenħtieġ li ma jippreġudikax id-dritt ta' Stat Membru individwali li jimponi penali fuq il-fornituri ta' servizzi li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. Id-deżinjazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar l-awtoritajiet ċentrali tiffaċilita n-notifika mill-fornituri ta' servizzi tad-dettalji tad-deżinjazzjoni u ta' kuntatt tal-istabbiliment deżinjat jew tar-rappreżentant legali tagħhom lill-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat jew ikun jirrisjedi r-rappreżentant legali tagħhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità ċentrali deżinjata jew l-awtoritajiet ċentrali deżinjati tagħhom, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat lista ta' awtoritajiet ċentrali deżinjati lill-Istati Membri u tagħmilha disponibbli għall-pubbliku.

    (22)

    Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jitneħħew l-ostakoli għall-forniment liberu ta' servizzi fil-qafas ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba n-natura bla fruntieri ta' tali servizzi, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (23)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta opinjoni fis-6 ta' Novembru 2019 (13).

    (24)

    Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva li jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji ta' effiċjenza, effettività, rilevanza, koerenza u valur miżjud tal-UE, u jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta' miżuri oħra possibbli. L-evalwazzjoni jenħtieġ li titlesta sat-18 ta’ Awwissu 2029, sabiex tkun tista' tinġabar data suffiċjenti dwar l-implimentazzjoni prattika tagħha. L-informazzjoni jenħtieġ li tinġabar b'mod regolari sabiex isservi ta' bażi għall-evalwazzjoni ta' din id-Direttiva,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva tistipula r-regoli dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali ta' ċerti fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni, sabiex jirċievu d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif ukoll jikkonformaw magħhom u jinfurzawhom, għall-finijiet ta' ġbir tal-evidenza elettronika fil-proċedimenti kriminali.

    2.   Din id-Direttiva tapplika għal deċiżjonijiet u ordnijiet għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika abbażi tar-Regolament (UE) 2023/1543, id-Direttiva 2014/41/UE u tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Din id-Direttiva tapplika bl-istess mod għal deċiżjonijiet u ordnijiet għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika abbażi tal-liġi nazzjonali indirizzati minn Stat Membru lil persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala rappreżentant legali jew stabbiliment deżinjat ta' fornitur ta' servizzi fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

    3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali biex jiġu indirizzati fornituri ta' servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom direttament, għall-finijiet ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali.

    4.   L-Istati Membri ma għandhomx jimponu fuq il-fornituri ta' servizzi obbligi addizzjonali għal dawk li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tad-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati jew tal-ħatra ta' rappreżentanti legali, għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

    5.   Din id-Direttiva tapplika għall-fornituri ta' servizzi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), li joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni. Din ma tapplikax għal fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru wieħed li joffru servizzi esklużivament fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    "fornitur ta' servizzi" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi kategorija waħda jew aktar mill-kategoriji ta' servizzi li ġejjin, bl-eċċezzjoni tas-servizzi finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14):

    (a)

    servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

    (b)

    servizzi ta' ismijiet ta' dominji tal-internet u ta' numerazzjoni IP, bħall-assenjazzjoni ta' indirizzi IP, ir-reġistru ta' ismijiet ta' dominji, ir-reġistratur ta' ismijiet ta' dominji u s-servizzi ta' privatezza u ta' proxy relatati ma' ismijiet ta' dominji;

    (c)

    servizzi oħrajn tas-soċjetà tal-informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), tad-Direttiva (UE) 2015/1535 li:

    (i)

    jippermettu lill-utenti tagħhom jikkommunikaw ma' xulxin; jew

    (ii)

    jagħmluha possibbli li d-data tinħażen jew li tiġi pproċessata mod ieħor f'isem l-utenti li lilhom jiġi pprovdut is-servizz, dment li l-ħażna tad-data tkun komponent determinanti tas-servizz ipprovdut lill-utent;

    (2)

    "l-offerta ta' servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru" tfisser:

    (a)

    li persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru jkunu jistgħu jużaw is-servizzi elenkati fil-punt (1); u

    (b)

    li jkun hemm konnessjoni sostanzjali, ibbażata fuq kriterji fattwali speċifiċi, mal-Istat Membru msemmi fil-punt (a); tali konnessjoni sostanzjali trid titqies li teżisti meta l-fornitur ta' servizzi jkollu stabbiliment f’dak l-Istat Membru, jew, fl-assenza ta' tali stabbiliment, meta jkun hemm għadd sinifikanti ta' utenti f’dak l-Istat Membru, jew meta l-attivitajiet ikunu mmirati lejn dak l-Istat Membru;

    (3)

    “joffri servizzi fl-Unjoni” tfisser:

    (a)

    li jippermetti lil persuni ġuridiċi jew fiżiċi fi Stat Membru jużaw is-servizzi elenkati fil-punt (1); u

    (b)

    li jkollu konnessjoni sostanzjali, ibbażata fuq kriterji fattwali speċifiċi, mal-Istat Membru msemmi fil-punt (a); tali konnessjoni sostanzjali titqies li teżisti meta l-fornitur tas-servizzi jkollu stabbiliment fi Stat Membru, jew, fin-nuqqas ta’ tali stabbiliment, meta jkun hemm għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew meta l-attivitajiet ikunu mmirati lejn Stat Membru wieħed jew aktar;

    (4)

    "stabbiliment" tfisser entità li effettivament twettaq attività ekonomika għal perjodu indefinit permezz ta' infrastruttura stabbli minn fejn jitwettaq in-negozju tal-forniment tas-servizzi jew minn fejn jiġi ġestit in-negozju;

    (5)

    "stabbiliment deżinjat" tfisser stabbiliment b'personalità ġuridika deżinjat bil-miktub minn fornitur ta' servizzi li jkun stabbilit fi Stat Membru li jipparteċipa fi strument legali msemmi fl-Artikolu 1(2), għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 3(1);

    (6)

    "rappreżentant legali" tfisser persuna fiżika jew ġuridika maħtura bil-miktub minn fornitur ta' servizzi mhux stabbilit fi Stat Membru li tipparteċipa fi strument legali msemmi fl-Artikolu 1(2), għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 3(1).

    Artikolu 3

    Stabbilimenti deżinjati u rappreżentanti legali

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni jiddeżinjaw jew jaħtru tal-anqas destinatarju wieħed biex jirċievi d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2) ("deċiżjonijiet u ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2)"), kif ukoll jikkonforma magħhom u jinfurzahom, maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-fini ta' ġbir ta' evidenza fi proċedimenti kriminali, kif ġej:

    (a)

    għall-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti fl-Unjoni b'personalità ġuridika, l-Istati Membri fejn ikunu stabbiliti l-fornituri ta' servizzi għandhom jiżguraw li tali fornituri ta' servizzi jiddeżinjaw l-istabbiliment deżinjat jew l-istabbilimenti deżinjati responsabbli għall-attivitajiet deskritti fil-parti introduttorja ta' dan il-paragrafu;

    (b)

    għall-fornituri ta' servizzi li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni, b'personalità ġuridika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jaħtru r-rappreżentant legali jew ir-rappreżentanti legali responsabbli għall-attivitajiet deskritti fil-parti introduttorja ta' dan il-paragrafu fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-istrumenti msemmijin fl-Artikolu 1(2);

    (c)

    għall-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti fi Stati Membri li ma jipparteċipawx fl-istrumenti msemmijin fl-Artikolu 1(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jaħtru r-rappreżentant legali jew ir-rappreżentanti legali responsabbli għall-attivitajiet deskritti fil-parti introduttorja ta' dan il-paragrafu fl-Istati Membri li jipparteċipaw f'tali strumenti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-destinatarji msemmijin fil-paragrafu 1:

    (a)

    jkunu stabbiliti jew jirrisjedu fi Stat Membru fejn il-fornituri ta' servizzi joffru s-servizzi tagħhom; u

    (b)

    jistgħu jkunu soġġetti għal proċeduri ta' infurzar.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2) ikunu indirizzati lill-istabbiliment deżinjat jew lir-rappreżentant legali deżinjat jew maħtur għal dak l-għan f'konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti jew li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jipprovdu lill-istabbilimenti deżinjati jew lir-rappreżentanti legali tagħhom bis-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet u mal-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2) li jirċievu mingħand Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw ukoll li l-istabbilimenti deżinjati li jkunu stabbiliti jew ir-rappreżentanti legali li jirrisjedu fit-territorju tagħhom ikunu rċevew mill-fornituri ta' servizzi s-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dawk id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jirċievu mingħand Stat Membru u li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti meta jirċievu dawk id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet, f'konformità mal-qafas legali applikabbli.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kemm l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali kif ukoll il-fornitur tas-servizzi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli in solidum għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-qafas legali applikabbli mal-wasla ta’ deċiżjonijiet u ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2), sabiex kull wieħed minnhom jista' jkun soġġett għal penali għal nuqqas ta' konformità minn kwalunkwe wieħed minnhom. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunx possibbli għall-fornitur ta' servizzi jew għall-istabbiliment deżinjat, jew għar-rappreżentant legali meta applikabbli, li juża n-nuqqas ta' proċeduri interni xierqa bejn il-fornitur ta' servizzi u l-istabbiliment deżinjat jew ir-rappreżentant legali bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' konformità ma' dawk l-obbligi. Ir-responsabbiltà in solidum ma għandhiex tapplika għall-azzjonijiet jew għall-ommissjonijiet li jikkostitwixxu reat kriminali fl-Istat Membru li japplika l-penali, la tal-fornitur ta' servizzi u lanqas tal-istabbiliment deżinjat, jew tar-rappreżentant legali meta applikabbli.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni fit-18 ta’ Frar 2026 ikollhom l-obbligu li jiddeżinjaw stabbilimenti deżinjati jew jaħtru rappreżentanti legali sat-18 ta’ Awwissu 2026 u li l-fornituri ta' servizzi li jibdew joffru servizzi fl-Unjoni wara t-18 ta’ Frar 2026 ikollhom l-obbligu li jiddeżinjaw stabbilimenti deżinjati jew jaħtru rappreżentanti legali fi żmien sitt xhur mid-data meta jibdew joffru s-servizzi fl-Unjoni.

    Artikolu 4

    Notifiki u lingwi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull fornitur ta' servizzi li jkun stabbilit jew li joffri servizzi fit-territorju tagħhom jinnotifika bil-miktub lill-awtorità ċentrali, kif iddeżinjat skont l-Artikolu 6, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat tiegħu jew fejn jirrisjedi r-rappreżentant legali tiegħu, bid-dettalji ta' kuntatt għal dak l-istabbiliment jew ir-rappreżentant legali tiegħu, u bi kwalunkwe tibdil fihom.

    2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, kif imsemmi fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (15), li biha jew bihom ir-rappreżentant legali jew l-istabbiliment deżinjat jista' jiġi indirizzat. Dawk il-lingwi għandhom jinkludu lingwa waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali kif stipulat fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-istabbiliment deżinjat jew fejn ikun jirrisjedi r-rappreżentant legali.

    3.   Meta fornitur ta' servizzi jiddeżinja diversi stabbilimenti deżinjati jew jaħtar diversi rappreżentanti legali f'konformità mal-Artikolu 3(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali fornituri ta' servizzi jispeċifikaw, fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali preċiż tad-deżinjazzjoni jew ħatra ta' dawk l-istabbilimenti deżinjati jew ir-rappreżentanti legali. In-notifika għandha tispeċifika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri li bihom kull wieħed mill-istabbilimenti deżinjati jew mir-rappreżentanti legali jista' jiġi indirizzat.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni nnotifikata lilhom f'konformità ma' dan l-Artikolu tkun disponibbli għall-pubbliku fuq paġna web apposta tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f'materji kriminali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tiġi aġġornata regolarment. Dik l-informazzjoni tista' tiġi disseminata ulterjorment biex tiffaċilita l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti.

    Artikolu 5

    Penali

    1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikoli 3 u 4 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sat-18 ta’ Frar 2026, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar il-fornituri ta' servizzi li ma jkunux konformi, l-azzjoni ta' infurzar rilevanti li tkun ittieħdet kontrihom u l-penali imposti.

    Artikolu 6

    Awtoritajiet ċentrali

    1.   F'konformità mas-sistemi legali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità ċentrali waħda jew aktar biex jiżguraw li din id-Direttiva tiġi applikata b'mod konsistenti u proporzjonat.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità ċentrali, jew l-awtoritajiet ċentrali, li huma jiddeżinjaw skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lista ta' awtoritajiet ċentrali deżinjati lill-Istati Membri u tagħmilha disponibbli għall-pubbliku.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ċentrali tagħhom jikkoordinaw u jikkooperaw ma' xulxin u, meta rilevanti, mal-Kummissjoni, u li l-awtoritajiet ċentrali jipprovdu kwalunkwe informazzjoni u assistenza lil xulxin sabiex japplikaw din id-Direttiva b'mod konsistenti u proporzjonat. Tali koordinazzjoni, kooperazzjoni u għoti ta' informazzjoni u assistenza għandhom ikopru, b'mod partikolari, l-azzjonijiet ta' infurzar.

    Artikolu 7

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-18 ta’ Frar 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

    2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 8

    Evalwazzjoni

    Sat-18 ta’ Awwissu 2029, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta' evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-evalwazzjoni għandha titwettaq f'konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni neċessarja għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 10

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NAVARRO RÍOS


    (1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 88.

    (2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ġunju 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2023.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2023/1543 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni Ewropej u l-Ordnijiet ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali u għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' kustodja wara proċedimenti kriminali (ara paġna 118 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (6)  Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).

    (7)  Il-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3) u l-Protokoll tagħha (ĠU C 326, 21.11.2001, p. 2).

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

    (11)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (13)  ĠU C 32, 31.1.2020, p. 11.

    (14)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    (15)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).


    Top