Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023H1468

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1468 tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar rekwiżiti volontarji tal-prestazzjoni tal-UE għal tagħmir għad-detezzjoni tal-metall użat fi spazji pubbliċi (barra l-avjazzjoni)

    C/2023/3039

    ĠU L 180, 17.7.2023, p. 43–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/1468/oj

    17.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 180/43


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1468

    tal-10 ta’ Mejju 2023

    dwar rekwiżiti volontarji tal-prestazzjoni tal-UE għal tagħmir għad-detezzjoni tal-metall użat fi spazji pubbliċi (barra l-avjazzjoni)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ħlief għall-qasam tal-avjazzjoni ċivili, id-dritt tal-Unjoni ma tipprevedix, fil-preżent, rekwiżiti ta’ prestazzjoni armonizzati għat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall użat għad-detezzjoni fi spazji pubbliċi. Tali rekwiżiti jvarjaw bejn l-Istati Membri, u dan iwassal għal livelli irregolari u mhux dejjem għoljin biżżejjed ta’ protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà għall-pubbliku ġenerali. It-terroristi u kriminali oħra jistgħu jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet li jirriżultaw, inkluż biex iwettqu attakki jew attivitajiet kriminali oħra fl-Istati Membri b’livell aktar baxx ta’ sigurtà fl-ispazji pubbliċi.

    (2)

    L-attakki terroristiċi mwettqa madwar l-Unjoni f’dawn l-aħħar snin seħħew b’mod predominanti fi spazji pubbliċi, u kienu immirati lejn membri tal-pubbliku ġenerali. Sabiex jingħata kontribut għal livell għoli biżżejjed ta’ protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi madwar l-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarja għat-tagħmir tad-detezzjoni tal-metall fil-livell tal-Unjoni.

    (3)

    It-tagħmir għad-detezzjoni, inkluż it-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall, użat fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili huwa soġġett għal rekwiżiti dettaljati stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005 (1). Dawk ir-rekwiżiti huma definiti sew u joffru livell għoli ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. Għalhekk, dak il-qasam jenħtieġ li ma jkunx kopert minn din ir-Rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li jiġi ċċarat li din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li ma taffettwax l-atti tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-aspetti tas-sikurezza tat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall.

    (4)

    Fl-Aġenda Kontra t-Terroriżmu għall-UE (2), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġa l-iżvilupp ta’ rekwiżiti volontarji tal-UE għal teknoloġiji għad-detezzjoni biex jiġi żgurat li dawn jidentifikaw it-theddid li jeħtieġ li jiġi identifikat filwaqt li tiġi ppreservata l-mobbiltà tan-nies. B’segwitu għal dak l-impenn, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tad-detezzjoni, magħmul minn esperti tal-Istati Membri, manifatturi u uffiċjali minn għadd ta’ servizzi tal-Kummissjoni, u talbitu jassisti fl-iżvilupp ta’ rekwiżiti volontarji ta’ prestazzjoni tal-UE għat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall fil-livell tal-Unjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni, u b’mod partikolari r-rekwiżiti volontarji li jinsabu fiha relatati mad-dokumentazzjoni tal-prodott u l-prestazzjoni għad-detezzjoni tal-metall, hija bbażata fuq il-ħidma preparatorja mwettqa minn dak il-grupp ta’ ħidma.

    (5)

    Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarji tal-UE fl-akkwist pubbliku ta’ tagħmir għad-detezzjoni tal-metall maħsub biex jintuża fi spazji pubbliċi.

    (6)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux meħtieġa jakkwistaw jew jużaw ċertu tagħmir partikolari għad-detezzjoni tal-metall fi spazji pubbliċi. Id-deċiżjonijiet dwar liema tagħmir għad-detezzjoni tal-metall għandu jinxtara jew jintuża fi spazju pubbliku partikolari jenħtieġ li jkomplu jittieħdu esklużivament mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Ir-rekwiżiti volontarji tal-prestazzjoni tal-UE jenħtieġ li jintużaw fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ akkwist tal-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-kisba ta’ livell għoli ta’ prestazzjoni tad-detezzjoni permezz ta’ tagħmir għad-detezzjoni tal-metall użat mill-Istati Membri fi spazji pubbliċi madwar l-Unjoni.

    (7)

    Ir-rekwiżiti volontarji tal-prestazzjoni tal-UE jenħtieġ li jistabbilixxu diversi standards li jikkorrispondu għal tipi differenti ta’ applikazzjoni tat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall kopert. L-aktar standard baxx jikkonċerna tagħmir bħal dan b’sensittività aktar baxxa li huwa maħsub għall-applikazzjoni f’żoni ta’ tranżitu tal-massa jew f’żoni kbar fejn jinġabru folol, fejn armi speċjalment perikolużi jeħtieġ li jiġu individwati iżda fejn ikun meħtieġ fluss għoli ta’ persuni u l-oġġetti tagħhom u rati baxxi ta’ allarm ta’ fastidju. L-ogħla standard jikkonċerna tagħmir bħal dan b’sensittività ogħla, li huwa maħsub għall-applikazzjoni fejn anke l-iżgħar theddid jeħtieġ li jiġi identifikat, u fejn tista’ tiġi akkomodata rata baxxa ta’ fluss.

    (8)

    Jenħtieġ li r-rekwiżiti volontarji tal-prestazzjoni tal-UE ma jinftehmux li huma maħsuba biex jissostitwixxu l-istandards ta’ prestazzjoni nazzjonali għat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall, fejn jeżistu standards nazzjonali bħal dawn. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li japplikaw, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, rekwiżiti ta’ prestazzjoni aktar stretti għat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall użat fi spazji pubbliċi.

    (9)

    Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tinċentiva indirettament lill-manifatturi biex jikkonformaw mar-rekwiżiti fil-produzzjoni futura ta’ tagħmir għad-detezzjoni tal-metall. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu fid-dokument tal-akkwist għat-tagħmir tad-detezzjoni tal-metall li jintuża għad-detezzjoni tat-theddid għas-sigurtà fi spazji pubbliċi li l-offerenti jinkludu fl-offerta d-dokumentazzjoni tal-prodott u d-dikjarazzjoni ta’ konformità abbażi tal-metodoloġija tal-manifattur stess biex tintwera l-konformità tat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall mar-rekwiżiti volontarji tal-prestazzjoni li jinsabu f’din ir-Rakkomandazzjoni.

    (10)

    L-użu ta’ tagħmir għad-detezzjoni tal-metall fi spazji pubbliċi jista’ joħloq sfidi mill-perspettiva tad-drittijiet għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali. Huwa ta’ importanza kruċjali fir-rigward tal-attivitajiet kollha marbuta ma’ tali użu, inkluż l-akkwist u t-tħaddim tat-tagħmir u kwalunkwe attività ta’ pproċessar sussegwenti, li tiġi limitata kemm jista’ jkun l-intrużività u, fi kwalunkwe każ, li tittieħed azzjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (11)

    B’kont meħud b’mod partikolari tal-iżviluppi teknoloġiċi rilevanti fil-qasam tad-detezzjoni ta’ theddid għas-sigurtà, ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni volontarja għal tagħmir għad-detezzjoni tal-metall jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rieżami u aġġustamenti fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-grupp ta’ ħidma tekniku dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tad-detezzjoni, għalhekk se ssegwi mill-qrib l-iżviluppi teknoloġiċi u żviluppi rilevanti oħra u tivvaluta regolarment il-ħtieġa għal aġġustamenti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    (12)

    Fl-interess tal-effettività u t-trasparenza u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-importanza li jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà identifikat malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni u jippreżentaw rapport dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli.

    (13)

    Abbażi ta’ dawk ir-rapporti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, wara perjodu ta’ żmien xieraq, il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li jiġi vvalutat, bil-ħsieb, fost l-oħrajn, li jiġi vvalutat jekk humiex meħtieġa atti legali tal-Unjoni b’saħħa vinkolanti dwar dan is-suġġett,

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    1.

    Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “tagħmir għad-detezzjoni tal-metall” tfisser apparat, li jikkonsisti jew minn detetturi tal-metall li jinżammu fl-idejn jew bokki għall-individwazzjoni tal-metall, iddisinjati biex jindividwaw il-preżenza ta’ metalli fuq persuni jew oġġetti bħala parti mill-kontrolli fiżiċi tas-sigurtà biex jiġu identifikati oġġetti ta’ interess li jistgħu jintużaw biex jikkawżaw theddid għas-sigurtà, bħal apparat splussiv, armi tan-nar u oġġetti li jaqtgħu;

    (b)

    “rekwiżiti tal-prestazzjoni għad-detezzjoni tal-metall” tfisser l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati mit-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżultati li għandhom jinkisbu matul it-tħaddim tiegħu;

    (c)

    “dokumentazzjoni tal-prodott” tfisser id-dokumentazzjoni pprovduta jew fuq il-karta jew f’forma elettronika, jew it-tnejn, li jkun fiha informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall;

    (d)

    “spazji pubbliċi” tfisser kwalunkwe post fiżiku li huwa aċċessibbli għall-pubbliku, irrispettivament minn jekk jistgħux japplikaw ċerti kundizzjonijiet għall-aċċess;

    (e)

    “awtodikjarazzjoni ta’ konformità” tfisser dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni għad-detezzjoni tal-metall li tinħareġ mill-manifattur abbażi tal-metodoloġija tal-manifattur stess;

    2.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu fid-dokument tal-akkwist għat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall li jintuża għad-detezzjoni ta’ theddid għas-sigurtà fi spazji pubbliċi, ħlief fil-qasam tal-avjazzjoni, li l-offerent jinkludi fl-offerta d-dokumentazzjoni tal-prodott li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness.

    3.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall li jakkwistaw għall-użu tad-detezzjoni tat-theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi jikkonforma mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni tad-detezzjoni tal-metall stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Anness, ħlief meta jakkwistaw tali tagħmir għall-użu fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili.

    4.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu fid-dokument tal-akkwist tat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall li jintuża għad-detezzjoni tat-theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi li l-offerent jinkludi fl-offerta dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni li tinħareġ mill-manifattur, abbażi tal-metodoloġija tal-manifattur stess.

    5.

    Sal-10 ta’ Mejju 2024, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni.

    6.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom sal-10 ta’ Novembru 2024.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Ylva JOHANSSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005 li tistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni li fihom informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 18, il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

    (2)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Aġenda Kontra t-Terroriżmu għall-UE: Antiċipazzjoni, Prevenzjoni, Protezzjoni, Rispons (COM(2020) 795 final).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89)


    ANNESS

    Rekwiżiti tal-prestazzjoni tad-dokumentazzjoni tal-prodott u tat-tagħmir għall-individwazzjoni tal-metall

    TAQSIMA 1: DEFINIZZJONIJIET

    Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “apparat mediku attiv impjantabbli (active implantable medical device, AIMD)” tfisser apparat mediku li jaħdem bl-elettriku, li jista’ jiġi impjantat, jintlibes, jew it-tnejn, u li tipikament juża ċirkwiti elettroniċi, għall-monitoraġġ fiżjoloġiku tal-bniedem jew biex jipprovdi trattament mediku jew terapija, bħal mediċini jew stimulazzjoni elettrika;

    (2)

    “kunċett ta’ operazzjonijiet (concept of operations, CONOPS)” tfisser dokument li jiddeskrivi l-karatteristiċi tat-tagħmir u l-proċedura jew il-proċeduri għat-tħaddim korrett tiegħu;

    (3)

    “pjan tad-detettur” tfisser pjan immaġinarju (superfiċje bidimensjonali) li jgħaddi miċ-ċentru tar-reġjun tas-sensur tad-detettur tal-metall li jinżamm fl-idejn jew tal-bokka għall-individwazzjoni tal-metall li jkun parallel mal-pjan tal-element sensittiv tad-detettur tal-metall li jinżamm fl-idejn jew tal-bokka għall-individwazzjoni tal-metall, u li jaqsam ir-reġjun tas-sensur f’żewġ nofsijiet simmetriċi;

    (4)

    “proċedura ta’ żvestiment” tfisser proċedura li tirregola l-prattika li teħtieġ li oġġetti, inkluż kemm oġġetti kbar, bħal portmonijiet, basktijiet, backpacks u tipi oħra ta’ bagalji, u oġġetti iżgħar, bħal arloġġi tal-idejn, nuċċalijiet, ċinturini u ġojjellerija, li n-nies iġorru magħhom biex jitneħħew u jiġu spezzjonati separatament, bħal permezz tar-raġġi-X;

    (5)

    “detettur tal-metall li jinżamm fl-idejn (hand-held metal detector, HHMD)” tfisser tagħmir portabbli għall-individwazzjoni tal-metall iddisinjat biex jinżamm f’idejn il-persuna li tħaddimha, tipikament miżmuma minn id waħda;

    (6)

    “apparat splussiv improvviżat (improvised explosive device, IED)” tfisser bomba jew apparat splussiv simili mibni u użat b’modi oħra għajr f’azzjoni militari konvenzjonali;

    (7)

    “pjan ta’ kejl” tfisser pjan immaġinarju (superfiċje bidimensjonali) li fuqu jiġi ttestjat id-detettur tal-metall li jinżamm fl-idejn jew il-bokka għall-individwazzjoni tal-metall, li jkun parallel mal-pjan tad-detettur u li jkun referenzjat mill-pjan tad-detettur;

    (8)

    “rata ta’ allarm falz (nuisance alarm rate, NAR)” tfisser ir-rata ta’ allarm falz, jiġifieri, ir-rata ta’ allarmi fuq oġġetti ta’ metall li ma jagħmilx ħsara kkalkolata fuq l-għadd ta’ persuni li għaddew miż-żona ta’ identifikazzjoni ta’ bokka għall-individwazzjoni tal-metall;

    (9)

    “rata ta’ fluss” tfisser in-numru massimu ta’ persuni u l-oġġetti tagħhom li jistgħu jiġu skrinjati għal kull unità ta’ ħin, tipikament siegħa, u xorta waħda jkollhom allarm korrett dwar kwalunkwe oġġett tal-metall ta’ daqs xieraq skont is-sett tal-istandard tas-sigurtà;

    (10)

    “oġġett ta’ ttestjar” tfisser oġġett li jintuża biex tiġi ttestjata l-prestazzjoni ta’ detettur tal-metall li jinżamm fl-idejn jew bokka għall-individwazzjoni tal-metall, li jissimula l-proprjetajiet elettromanjetiċi ta’ oġġetti ta’ interess li jistgħu jintużaw biex jikkawżaw theddida għas-sigurtà, bħal arma jew oġġett li jista’ jintuża biex jinnewtralizza l-apparati ta’ sigurtà;

    (11)

    “standard tas-sigurtà” tfisser standard li jiddefinixxi s-sett tat-theddid kollu għas-sigurtà li jeħtieġ li jiġi identifikat, bil-miri tat-theddid ta’ referenza jkunu rappreżentattivi tas-sett;

    (12)

    “bokka għall-individwazzjoni tal-metall (walk-through metal detector, WTMD)” tfisser tagħmir stazzjonarju għad-detezzjoni tal-metall, tipikament imwaħħal b’mod permanenti f’post partikolari u mibni f’forma ta’ arkata;

    (13)

    “interferenza mekkanika” tfisser l-effett ikkawżat fuq il-prestazzjoni tat-tagħmir tad-detettur tal-metall minn strutturi jew oġġetti tal-metall stazzjonarji jew li jiċċaqilqu fil-qrib;

    (14)

    “L-istandard NIJ 0601.02” tfisser l-Istandard 0601.02 tal-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja, ippubblikat minn Nicholas G. Paulter Jr., Walk-Through Metal Detectors for Use in Concealed Weapon and Contraband Detection - NIJ Standard 0601.02, Id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti, l-Uffiċċju tal-Programmi tal-Ġustizzja, Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja, 2003;

    (15)

    “L-istandard NIJ 0602.02” tfisser l-Istandard 0602.02 tal-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja, ippubblikat minn Nicholas G. Paulter Jr., Hand-Held Metal Detectors for Use in Concealed Weapon and Contraband Detection - NIJ Standard 0602.02, Id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti, l-Uffiċċju tal-Programmi tal-Ġustizzja, Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja, 2003.

    TAQSIMA 2: DOKUMENTAZZJONI TAL-PRODOTT

    Id-dokumentazzjoni tal-prodott għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin, li japplikaw fir-rigward kemm tad-detetturi tal-metall li jinżammu fl-idejn (HHMD) kif ukoll il-bokok għall-individwazzjoni tal-metall (WTMD) sakemm ma jkunx indikat mod ieħor:

    2.1   Dimensjonijiet fiżiċi tat-tagħmir għall-individwazzjoni tal-metall

    Id-daqs kumplessiv tal-HHMD għandu jiġi espress bħala tul (L) x wisa’ (W) x għoli (H) f’millimetri (mm).

    Id-daqs intern tal-passaġġ u d-daqs estern kumplessiv tad-WTMD għandhom jiġu espressi bħala tul (L) x wisa’ (W) x għoli (H) f’millimetri (mm).

    2.2   Piż tat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall

    Il-piż kumplessiv tal-HHMD (inkluż il-batterija) u tad-WTMD għandu jiġi espress fi grammi (g) u kilogrammi (kg), rispettivament.

    2.3   Provvista tal-enerġija

    L-indikazzjoni dwar il-provvista tal-enerġija għandha tinkludi, meta jkun applikabbli, informazzjoni dwar il-vultaġġ tal-kurrent alternanti (VAC), il-frekwenza (Hz), il-kurrent f’amperes (A), u l-enerġija f’watt (W).

    It-tolleranza għandha tiġi espressa f’perċentwali (%).

    2.4   Batterija

    Għandu jiġi indikat jekk tkunx inkluża provvista ta’ enerġija ta’ riżerva (jiġifieri batterija) għad-WTMD. Jekk iva, it-tul tal-ħajja tal-batterija għandu jiġi espress f’sigħat (h).

    L-HHMD għandu jinkludi indikatur tal-livell baxx tal-batterija. It-tul tal-ħajja tal-batterija għandu jiġi espress f’sigħat (h);

    2.5   Klassifikazzjoni tal-IP

    Il-klassifikazzjoni tal-Protezzjoni tal-Ingress (IP) skont EN 60529 għandha tiġi rrapportata.

    2.6   Ambjent operattiv

    It-temperatura operattiva għandha tiġi espressa fi gradi Celsius (°C);

    It-temperatura tal-ħżin għandha tiġi espressa fi gradi Celsius (°C);

    L-umdità għandha tiġi espressa fil-firxa f’% (mingħajr kondensazzjoni).

    Għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata interferenza elettromanjetika avversa, bħad-distanza rrakkomandata minn unità għal unità f’metri (m).

    2.7   Allarmi żonali/pożizzjonali (għad-WTMD)

    L-informazzjoni dwar in-numru ta’ żoni ta’ detezzjoni u l-pożizzjoni tagħhom taħt il-portal tad-WTMD għandha tiġi pprovduta bħala parti mid-dokumentazzjoni tal-prodott.

    2.8   Rekwiżiti għall-immarkar CE

    Id-dokumentazzjoni tal-prodott għandu jkun fiha informazzjoni li turi l-konformità tat-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall mar-rekwiżiti tal-marka CE tal-UE. Hija r-responsabbiltà tal-manifatturi li jiddeterminaw liema regoli japplikaw għall-prodotti tagħhom. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jistgħu jinkludu, pereżempju:

    (a)

    Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1);

    (b)

    Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (2);

    (c)

    Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (3);

    (d)

    Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (4).

    2.9   Ħtiġijiet tas-sigurtà ġenerali

    Id-dokumentazzjoni tal-prodott għandu jkun fiha informazzjoni li turi li l-istandards u n-normi ta’ referenza kollha li jiżguraw li t-tagħmir għad-detezzjoni tal-metall jista’ jintuża b’mod sikur, kemm għall-persuni skrinjati kif ukoll għall-persuni li jħaddmu t-tagħmir, huma rrispettati. Dawk l-istandards u n-normi ta’ referenza jinkludu dan li ġej, fl-aħħar edizzjoni approvata tagħhom:

    (a)

    Standards għal apparat mediku attiv impjantabbli (AIMDs)

    EN 50527-1: Proċedura għall-valutazzjoni tal-esponiment għal kampi elettromanjetiċi ta’ ħaddiema li jkollhom apparat mediku attiv impjantabbli – Parti 1: Ġenerali

    EN 50527-2-x: Proċedura għall-valutazzjoni tal-esponiment għal kampi elettromanjetiċi ta’ ħaddiema li jkollhom apparat mediku attiv impjantabbli

    Parti 2.1: Valutazzjoni speċifika għall-ħaddiema b’pacemakers kardijaċi

    Parti 2.2: Valutazzjoni speċifika għall-ħaddiema b’defibrillaturi kardijaċi (ICDs)

    Parti 2.3: Valutazzjoni speċifika għall-ħaddiema b’newrostimulaturi impjantabbli

    EN ISO 14708-X: Impjanti għall-kirurġija – Apparat mediku attiv impjantabbli

    Parti 2: Pacemakers kardijaċi

    Parti 3: Newrostimulaturi impjantabbli

    Parti 4: Pompi ta’ infużjonijiet impjantabbli

    Parti 5: Apparati ta’ appoġġ għaċ-ċirkolazzjoni

    Parti 6: Rekwiżiti partikolari għal apparati mediċi attivi impjantabbli maħsuba biex jikkuraw it-takiarritmija (inkluż defibrillaturi impjantabbli)

    Parti 7: Rekwiżiti partikolari għal sistemi ta’ impjanti kokleari u taz-zokk ċerebrali għas-smigħ

    (b)

    Standards għall-esponiment tal-bniedem:

    EN 50364: Limitazzjoni tal-espożizzjoni umana għal kampi elettromanjetiċi prodotti minn tagħmir li jopera fil-medda ta’ frekwenza ta’ bejn 0 Hz u 300 GHz, użati f’sistemi elettroniċi għal sorveljanza elettronika (Electronic Article Surveillance, EAS), f’sistemi ta’ identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-radju (Radio Frequency Identification, RFID) u f’applikazzjonijiet simili

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni tal-espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għall-kampi elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz)

    Id-Direttiva 2013/35/UE dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi);

    2.10   Kunċett tal-operazzjonijiet

    Il-kunċett tal-operazzjonijiet (Concept of operations, CONOPS) għandu jiġi pprovdut bħala parti mid-dokumentazzjoni tal-prodott. Jekk CONOPS differenti jkunu assoċjati ma’ standards ta’ sigurtà differenti, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar.

    TAQSIMA 3: REKWIŻITI TAL-PRESTAZZJONI TAD-DETEZZJONI TAL-METALL

    It-tagħmir għall-individwazzjoni tal-metall għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin dwar il-prestazzjoni tad-detezzjoni tal-metall:

    3.1   Standards tas-sigurtà

    It-tagħmir għall-individwazzjoni tal-metall għandu jiġi ssettjat skont l-istandards tas-sigurtà xierqa minn fost il-ħames standards li ġejjin:

    3.1.1   Standard 1 (għad-WTMD)

    Dan l-istandard huwa maħsub għall-applikazzjoni fejn ikun meħtieġ li jiġu individwati armi perikolużi iżda fejn ikunu meħtieġa fluss għoli u rata baxxa ta’ allarmi foloz. L-applikazzjonijiet jinkludu t-tranżitu tal-massa u żoni kbar ta’ ġbir.

    Il-miri tat-theddid li jappartjenu għal din il-kategorija għandhom jinkludu azzarini awtomatiċi, machine guns u IEDs magħmulin minn kukers tal-pressjoni, bħal azzarini tal-assalt (bil-magazzin jew mingħajru), AK47, Beretta M12, Colt AR-15, housing tal-pipe bomb (80 x 300) mm, u IEDs magħmulin minn kukers tal-pressjoni tal-azzar inossidabbli u tal-aluminju tal-4 litri u oġġetti ta’ daqs simili.

    Oġġetti ta’ ttestjar li jissimulaw oġġetti kbar ħafna ta’ interess għandhom jintużaw għal din il-kategorija. Proċeduri ta’ żvestiment ma għandhomx ikunu meħtieġa u bagalji, basktijiet jew backpacks jistgħu jinġarru.

    3.1.2   Standard 2 (għad-WTMD)

    Il-miri tat-theddid li jappartjenu għal din il-kategorija għandhom ikunu xkubetti tal-idejn ta’ daqs medju (eż. Glock 17), u oġġetti ta’ daqs simili.

    Oġġetti ta’ ttestjar li jissimulaw oġġetti kbar ta’ interess għandhom jintużaw għal din il-kategorija, inkluż pistoli tal-idejn ta’ daqs sħiħ kif deskritt fit-taqsima 4.6, livell ta’ sigurtà 2, biċċa tat-test AM7, tal-istandard tal-Istitut Nazzjonali tal-Infurzar tal-Liġi u l-Ġustizzja Kriminali (National Institute of Law Enforcement and Criminal Justice, NILECJ) għal “bokka għall-individwazzjoni tal-metall għall-użu fid-detezzjoni tal-armi,” (NILECJ-STD-0601.00).

    Proċeduri ta’ żvestiment m’għandhomx ikunu meħtieġa u basktijiet żgħar jew backpacks jistgħu jinġarru.

    3.1.3   Standard 3

    Il-miri tat-theddid li jappartjenu għal din il-kategorija għandhom ikunu pistoli żgħar tal-idejn, minn armi tan-nar kompatti sa żgħar biżżejjed li joqogħdu fil-but, u oġġetti ta’ daqs simili.

    Oġġetti ta’ ttestjar li jissimulaw oġġetti ta’ daqs medju ta’ interess għandhom jintużaw għal din il-kategorija, inkluż pistoli tal-idejn mibnija minn metall ferromanjetiku jew mhux ferromanjetiku kif deskritt fit-taqsima 5.1 tal-Istandard 0601.02 tal-NIJ jew l-Istandard 0602.02 tal-NIJ. Repliki u tpinġijiet mekkaniċi huma inklużi fl-Istandard 0601.02 tal-NIJ l-Istandard 0602.02 tal-NIJ.

    Għandhom ikunu meħtieġa proċeduri ta’ żvestiment. L-oġġetti kollha tal-metall għandhom jiġu żvestiti ħlief kartieri, arloġġi tal-idejn, ċinturini, żraben u ġojjellerija żgħira.

    3.1.4   Standard 4

    Il-miri tat-theddid li jappartjenu għal din il-kategorija għandhom ikunu skieken b’tul ta’ xafra ta’ aktar minn 7.5 cm, u oġġetti ta’ daqs simili.

    Oġġetti ta’ ttestjar li jissimulaw oġġetti żgħar ta’ interess għandhom jintużaw għal din il-kategorija, inkluż skieken li jkollhom xfafar ta’ tul ta’ aktar minn 7.5 cm magħmula minn metall ferromanjetiku jew mhux ferromanjetiku kif deskritt fit-taqsima 5.2 tal-Istandard 0601.02 tal-NIJ jew l-Istandard 0602.02 tal-NIJ. Repliki u tpinġijiet mekkaniċi huma inklużi fl-Istandard 0601.02 tal-NIJ u l-Istandard 0602.02 tal-NIJ.

    Għandhom ikunu meħtieġa proċeduri ta’ żvestiment. L-oġġetti tal-metall kollha għandhom jiġu żvestiti, ħlief arloġġi tal-idejn żgħar, u ċinturini żgħar.

    3.1.5   Standard 5

    Oġġetti ta’ theddid li jappartjenu għal din il-kategorija għandhom ikunu armi żgħar u jinkludu pereżempju, skieken tal-azzar inossidabbli, ċwievet tal-manetti, ponot tat-turnavit, projettili ta’ kalibru żgħir, u oġġetti ta’ daqs simili.

    Oġġetti ta’ ttestjar li jissimulaw oġġetti żgħar ħafna ta’ interess għandhom jintużaw għal din il-kategorija, inkluż armi żgħar moħbija fuq il-persuna li huma magħmula minn metall ferromanjetiku jew mhux ferromanjetiku kif deskritt fit-taqsima 5.3 tal-Istandard 0601.02 tal-NIJ jew l-Istandard 0602.02 tal-NIJ. Repliki u tpinġijiet mekkaniċi huma inklużi fl-Istandard 0601.02 tal-NIJ u fl-Istandard 0602.02 tal-NIJ

    Għandhom ikunu meħtieġa proċeduri ta’ żvestiment. L-oġġetti metalliċi kollha għandhom jiġu żvestiti.

    3.2   Sensittività għall-identifikazzjoni

    It-tagħmir ta’ detezzjoni tal-metall għandu jidentifika oġġetti ta’ interess li jistgħu jintużaw biex jikkawżaw theddid għas-sigurtà, li jinġarru fuq persuna jew f’borża li tintlibes, tinġarr, jew tinġibed, indipendentement mill-orjentazzjoni, it-trajettorja u t-tranżitu tagħhom, jew il-veloċità taċ-ċaqliq tagħhom.

    Is-sensittività ta’ detezzjoni ta’ dak it-tagħmir tista’ tvarja skont l-istandard issodisfat mit-tagħmir deskritt fit-taqsima 3.1 ta’ dan l-Anness. L-istandard 1 jeħtieġ tagħmir bl-aktar sensittività baxxa, filwaqt li l-istandard 5 jeħtieġ tagħmir bl-ogħla sensittività.

    3.2.1   L-orjentament u l-veloċità (għall-HHMD)

    L-HHMD għandu jindividwa l-oġġett tat-test rappreżentattiv għal standard tas-sigurtà partikolari pożizzjonat fil-pjan(i) tal-kejl xieraq(xierqa) għal kull orjentazzjoni permessa billi jċaqlaq id-detettur b’veloċità ta’ bejn 0.05 u 2.0 m/s, kif deskritt fl-Istandard 0602.02 tal-NIJ.

    3.2.2   Orjentazzjoni, trajettorja u veloċità ta’ tranżitu (għad-WTMD)

    Is-sett minimu ta’ orjentazzjonijiet ortogonali li għandhom jintużaw għall-ittestjar tas-sensittività tad-WTMD huwa deskritt fi “Standard Practice for Performance Evaluation of In-Plant Walk-Through Metal Detectors” C1309 – 97 (2021) tal-ASTM International.

    Id-WTMD għandu jidentifika l-oġġett tat-test rappreżentattiv għal standard ta’ sigurtà partikolari f’ċerti pożizzjonijiet tat-trajettorja kif deskritt fl-Istandard 0601.02 tal-NIJ.

    Il-pożizzjonijiet kollha fejn l-oġġett tat-test, minħabba d-daqs u l-orjentazzjoni tiegħu, ma jkunx joqgħod kompletament mal-portal tad-detettur jew li jikkawża li xi parti mill-oġġett tat-test testendi ’l fuq mill-għoli massimu taż-żoni ta’ detezzjoni għandhom jinqabżu.

    Il-veloċità medja ta’ tranżitu tal-oġġett tat-test meta jiġi ttestjat għandha tkun il-pass normali tal-mixi (0.5 m/s – 1.3 m/s).

    3.3   Ripetibbiltà

    Ir-ripetibbiltà tal-individwazzjoni għandha tiġi żgurata mis-sistema ta’ kwalità tal-manifattur u billi jiġu ttestjati unitajiet differenti ta’ tagħmir tal-individwazzjoni tal-metall f’subsett ta’ pożizzjonijiet.

    3.4   Diskriminazzjoni fil-metall (għad-WTMD)

    L-ispeċifikazzjonijiet tad-diskriminazzjoni fil-metall għad-WTMD għandhom jirrikjedu li l-allarmi tad-WTMD jissenjalaw l-oġġett xieraq u mhux oġġett innokwu. Id-diskriminazzjoni għandha tiġi evalwata bl-ittestjar tad-WTMD f’ambjent reali ladarba l-prestazzjonijiet tad-detezzjoni jkunu ġew ivvalidati għall-istandard speċifiku tas-sigurtà. Jistgħu jkunu meħtieġa proċeduri xierqa ta’ żvestiment skont l-istandard ta’ sigurtà li jkun qed jiġi evalwat. Sabiex tiġi vvalutata d-diskriminazzjoni, għandu jingħadd il-proporzjon ta’ allarm/tranżiti totali fuq għadd ta’ persuni li jgħaddu mid-WTMD. In-numru ta’ persuni li huwa meħtieġ għal dan l-istħarriġ statistiku għandu jkun mill-inqas elf.

    3.5   Veloċità tal-fluss u rata ta’ allarm falz (għad-WTMD)

    Il-ħin tal-iskrinjar tad-WTMD għal kull persuna għandu jkun inqas minn 2 sekondi. Ir-rata ta’ allarm falz (NAR) għandha tkun inqas minn 5 % wara l-proċeduri ta’ żvestiment deskritti fit-taqsima 3.1 ta’ dan l-Anness.

    3.6   Interferenza mekkanika

    Id-detettur ma għandux jissenjala meta jiġi aġġustat biex isib l-oġġett tat-test ta’ daqs xieraq.

    3.7   Interferenza ta’ oġġetti multipli tal-metall (għad-WTMD)

    Għad-WTMD, il-preżenza ta’ oġġetti tal-metall għajr il-miri ta’ theddid deskritti mill-istandard tas-sigurtà magħżul ma għandhiex taffettwa d-detezzjoni ta’ oġġett ta’ theddida meta jkun għaddej mill-portal.

    3.8   Allarmi li jinstemgħu u li jidhru

    It-tagħmir għall-individwazzjoni tal-metall għandu jiġi pprovdut b’allarm li jinstema’ u li jidher. L-allarm li jinstema’ għandu jkun jista’ jiġi nnutat f’medda ta’ metru għall-HHMD u f’medda ta’ 2 metri għad-WTMD. Għall-HHMD l-indikatur viżwali għandu juri li qed jaħdem u għad-WTMD għandu juri l-qawwa tas-sinjal identifikat.


    (1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

    (2)  ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62.

    (3)  ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79.

    (4)  ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357.


    Top