EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2795

Deċiżjoni (UE) 2023/2795 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet li jikkooperaw (BĊE/2022/34) (BĊE/2023/29)

ECB/2023/29

ĠU L, 2023/2795, 14.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2795/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2795/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2795

14.12.2023

DEĊIŻJONI (UE) 2023/2795 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta’ Diċembru 2023

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet li jikkooperaw (BĊE/2022/34) (BĊE/2023/29)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127 u l-Artikolu 132(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’ mod partikolari l-Artikolu 12.1 flimkien mal-Artikoli 3.1 u 12.3, u l-Artikolu 34 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/34) (1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw is-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għall-fini ta’ kooperazzjoni mas-SEBĊ u ma’ xulxin sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2).

(2)

Is-servizzi tas-SEBĊ huma pprovduti lill-banek ċentrali tas-SEBĊ biex jappoġġaw it-twettiq tal-kompiti tagħhom. Is-servizzi tal-istatistika tas-SEBĊ huma żviluppati, immexxija u miżmuma minn bank ċentrali wieħed jew aktar tas-SEBĊ u mmexxija mill-Kumitat tal-Istatistika tas-SEBĊ. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel, effettiv u konsistenti tal-MSU, l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) fi ħdan l-MSU jenħtieġ li jinkludu arranġamenti għall-użu minn dawk l-ANK ta’ ċerti servizzi statistiċi tas-SEBĊ sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Għalhekk, il-lista tas-servizzi tas-SEBĊ li għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet li jikkooperaw għandha tiġi estiża biex tinkludi l-AnaCredit, il-Bażi tad-Data Ċentralizzata tat-Titoli (CSDB), il-Bażi tad-Data tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (RIAD), u l-Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Parteċipazzjonijiet tat-Titoli (SHSDB).

(3)

L-awtoritajiet kompetenti li jużaw is-servizzi tas-SEBĊ għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-iżvilupp u t-tħaddim tas-servizzi tas-SEBĊ skont qafas ta’ rimborż definit ibbażat fuq skema ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż. Fid-dawl tal-piż amministrattiv sinifikanti tal-kalkolu tar-rimborż mill-awtoritajiet kompetenti b’mod partikolari għall-ispejjeż tal-passat, l-awtoritajiet kompetenti li jużaw l-SHSDB jew is-CSDB għandhom ikunu meħtieġa biss li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-iżvilupp u t-tħaddim tas-servizz rispettiv tas-SEBĊ li nħolqu fl-1 ta’ Lulju 2023 jew wara għall-SHSDB u fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara għas-CSDB. L-arranġamenti finanzjarji eżistenti għandhom għalhekk jiġu speċifikati aktar.

(4)

L-użu tas-servizzi tas-SEBĊ jista’ jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data relatati mas-servizzi differenti tas-SEBĊ jistgħu jvarjaw u għalhekk jistgħu jeħtieġu kwalifiki differenti tal-entitajiet involuti f’tali pproċessar. Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34) għandha tiġi emendata biex tippermetti l-kwalifiki differenti possibbli ta’ kontroll minn perspettiva tal-protezzjoni tad-data.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34) hija emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 4 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Arranġamenti finanzjarji

1.   Banek ċentrali li jipparteċipaw u awtoritajiet kompetenti li jipparteċipaw għandhom iħallsu l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-operat tas-servizz rispettiv tas-SEBĊ skont qafas ta’ rimborż definit, li huwa bbażat fuq skema tal-allokazzjoni tal-kost, kif speċifikat aktar fil-pakketti finanzjarji rispettivi skont ir-regoli applikabbli għar-rimborż. Fejn rilevanti, l-awtoritajiet li jikkooperaw għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tas-servizz rispettiv tas-SEBĊ skont qafas speċifiku ta’ rimborż.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti li jużaw il-Bażi tad-Data Ċentralizzata tat-Titoli (CSDB) u/jew il-Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Parteċipazzjonijiet tat-Titoli (SHSDB) ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-iżvilupp u t-tħaddim tas-CSDB u/jew tal-SHSDB, kif applikabbli, meta dawk l-ispejjeż jiġġarrbu qabel l-1 ta’ Lulju 2023 għall-SHSDB u qabel l-1 ta’ Jannar 2024 għas-CSDB, rispettivament.’

;

2)

L-Anness I huwa ssostitwit bl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni;

3)

L-Anness II huwa emendat skont l-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Diċembru 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Deċiżjoni (UE) 2022/1982 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2022 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet li jikkooperaw, u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/1 (BĊE/2022/34) (ĠU L 272, 20.10.2022, p. 29).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).


ANNESS I

L-Anness I tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Servizzi tas-SEBĊ li għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet competenti u l-awtoritajiet li jikkooperaw

AnaCredit (AnaCredit)

Centralised Securities Database (CSDB)

CoreNet

Enterprise Service Bus (ESB)

ESCB Public Key Infrastructure (ESCB PKI)

ESCB Teleconference System

ESCB Performing Survey Initiative LimeSurvey-based Solution (EPSILON)

ENTM modelling tool and repository (ENTM)

Identity and Access Management Service (IAM)

Register of Institutions and Affiliates Database (RIAD)

Secure ESCB Email (SEE)

Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Parteċipazzjonijiet tat-Titoli (SHSDB)

”.

ANNESS II

Fl-Anness II tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34), il-punt (10) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(10)

Fil-każ li l-użu tas-servizz tas-SEBĊ jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2795/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top