EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2528

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2528 tad-9 ta’ Ottubru 2023 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

ST/12998/2023/INIT

ĠU L, 2023/2528, 14.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2528/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2528/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2528

14.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2528

tad-9 ta’ Ottubru 2023

dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1) ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (3)

Billi:

(1)

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u adattabbli, kif ukoll ta’ swieq tax-xogħol li jkunu orjentati lejn il-ġejjieni u jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta’ livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, tkabbir ibbilanċjat, livell għoli ta’ protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dak ir-rigward fi ħdan il-Kunsill, filwaqt li jqisu l-prattiki nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet ta’ ġestjoni u tal-ħaddiema.

(2)

L-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-TUE. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti relatati mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ u l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)

F’konformità mat-TFUE, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi. Bħala parti minn dawk l-istrumenti, il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (“il-Linji Gwida”) stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2296 (4), flimkien mal-Linji Gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (5), jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati. Il-Linji Gwida Integrati għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, filwaqt li jirriflettu l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta’ politiki u riformi tal-Unjoni u nazzjonali kkoordinati għandhom jikkostitwixxu taħlita ta’ politika ekonomika, tal-impjiegi u soċjali sostenibbli kumplessiva xierqa, u dan jenħtieġ li jikseb effetti sekondarji pożittivi għas-swieq tax-xogħol u għas-soċjetà inġenerali, u jwieġeb b’mod effettiv għal sfidi ta’ żmien medju u itwal kif ukoll għall-impatti ta’ kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19 u, aktar reċentement, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

(4)

Sabiex jissaħħaħ il-progress ekonomiku u soċjali, jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tissaħħaħ il-bażi industrijali tal-Unjoni u jinkisbu swieq tax-xogħol inklużivi, kompetittivi u reżiljenti fl-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet u jippromwovu edukazzjoni ta’ kwalità, taħriġ, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali orjentati lejn il-futur, u tiġdid u titjib tal-ħiliet tul il-ħajja, kif ukoll politiki attivi effettivi tas-suq tax-xogħol u opportunitajiet ta’ karriera mtejba, billi jsaħħu r-rabtiet bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol u r-rikonoxximent tal-ħiliet, tal-għarfien u tal-kompetenzi miksuba permezz ta’ apprendiment mhux formali u informali.

(5)

Il-linji Gwida huma konsistenti mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u ma’ diversi inizjattivi tal-Unjoni, inkluż ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 (6), tad-29 ta’ Novembru 2021 (7), tal-5 ta’ April 2022 (8), tas-16 ta’ Ġunju 2022 (9) , tat-28 ta’ Novembru 2022 (10), tat-8 ta’ Diċembru 2022 (11) u tat-30 ta’ Jannar 2023 (12), mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 (13), mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2021 (14), mal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali (15), dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 (16) dwar l-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030 (17), dwar il-Pakkett dwar l-Impjiegi għall-Persuni b’Diżabilità (18), dwar Strateġija Ewropea għall-Kura (19), dwar Pjan Industrijali għal Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti (20), dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea (21), dwar Valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv tal-politiki tal-Istati Membri (22), id-Deċiżjonijiet (UE) 2021/2316 (23) u (UE) 2023/936 (24) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi (UE) 2022/2041 (25), (UE) 2022/2381 (26), u (UE) 2023/970 (27) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill , .

(6)

Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f’qafas ġenerali għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza multilaterali integrati tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi fi ħdan l-Unjoni. Filwaqt li jsegwi s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-għodda ta’ monitoraġġ tiegħu, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, u jipprovdi impenn qawwi mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet ikkonċernati oħra. Jappoġġa wkoll it-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Jenħtieġ li l-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f’id mat-tranżizzjoni ġusta tal-Unjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, filwaqt li jtejbu l-kompetittività, jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu l-ġustizzja soċjali, opportunitajiet indaqs u konverġenza soċjoekonomika ’l fuq, u jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.

(7)

It-tibdil fil-klima u sfidi oħra relatati mal-ambjent, il-ħtieġa li tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika ġusta, bidla ulterjuri lejn l-indipendenza enerġetika, it-tisħiħ fil-kompetittività ta’ industriji b’emissjonijiet żero netti u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa, kif ukoll l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u l-ekonomija tal-pjattaformi, żieda fit-telexogħolu t-tibdil demografiku qed jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Unjoni bil-kbir. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b’mod effettiv u proattiv tali żviluppi strutturali u jadattaw sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dan jirrikjedi azzjoni ta’ politika kkoordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol tas-sħab soċjali, f’konformità mat-TFUE u mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika, filwaqt li jitqies il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Jenħtieġ li azzjoni politika bħal din tinkludi spinta fl-investiment sostenibbli, tiġdid fl-impenn għal riformi b’sekwenza xierqa li jtejbu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-produttività, il-kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, il-koeżjoni soċjali u territorjali, il-konverġenza soċjo-ekonomika ’l fuq, ir-reżiljenza u l-eżerċizzju ta’ responsabbiltà fiskali.

Kif muri fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ b’mod sistematiku f’politiki oħrajn relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u mal-iżvilupp sostenibbli f’perspettiva tul il-ħajja tista’ tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dawk il-politiki. Jenħtieġ li jingħata appoġġ mill-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-Unjoni, u b’mod partikolari mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) u mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali regolat bir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30), kif ukoll il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) . Jenħtieġ li l-azzjoni ta’ politika tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti ekonomiċi, ambjentali, tal-impjiegi u soċjali ta’ tali miżuri.

(8)

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Novembru 2017 (32), jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt għall-appoġġ ta’ swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol, u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Dawk il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni strateġika lill-Unjoni, jiżguraw li t-tranżizzjonijiet għan-newtralità klimatika, is-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-impatt tat--tibdil demografiku jkunu soċjalment ekwi u ġusti u jippreservaw il-koeżjoni territorjali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, flimkien mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali li takkumpanjah, jikkostitwixxi qafas ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri biex jixpruna r-riformi u l-investimenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u jirrikonċilja l-lat “soċjali” u s-“suq” fl-ekonomija moderna tal-lum, fosthom billi jippromwovi l-ekonomija soċjali. Fl-4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pjan ta’ Azzjoni”), inkluż miri ewlenin ambizzjużi iżda realistiċi tal-Unjoni dwar żieda fl—impjiegi, dwar il-ħiliet u dwar it-tnaqqis tal-faqar u submiri komplementari għall-2030, kif ukoll it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta.

(9)

Kif rikonoxxut mill-Kapijiet tal-Istati jew tal-Gvernijiet fis-Summit Soċjali ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021, l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ser issaħħaħ l-ispinta tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u ser tikkontribwixxi għall-kisba ta’ konverġenza soċjali u ekonomika ’l fuq u ser tindirizza l-isfidi demografiċi. Huma enfasizzaw li d-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali huma fil-qalba ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna u laqgħu l-miri ewlenin il-ġodda tal-Unjoni. Iddikjaraw id-determinazzjoni tagħhom, kif stabbilit mill-Aġenda Strateġika tal-Kunsill Ewropew 2019-2024, li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali, bil-konsiderazzjoni dovuta għall-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Fl-aħħar, enfasizzaw l-importanza li jiġi segwit mill-qrib, inkluż fl-ogħla livell, il-progress miksub lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030.

(10)

Il-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi (li mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena jenħtieġ li jkollhom impjieg), il-ħiliet (li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jenħtieġ li jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena) u t-tnaqqis tal-faqar (li mill-inqas 15-il miljun persuna inqas f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, fosthom ħames miljun tifel u tifla), intlaqgħu mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fis-Summit Soċjali ta’ Porto fit-8 ta’ Mejju 2021 u mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021, ser jgħinu, flimkien mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, fil-monitoraġġ tal-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala parti mill-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika fis-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, is-Summit Soċjali ta’ Porto appella wkoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri nazzjonali ambizzjużi li, filwaqt li tiġi meqjusa l-pożizzjoni inizjali ta’ kull pajjiż, jenħtieġ li jagħtu kontribut xieraq biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030. Bejn Settembru 2021 u Ġunju 2022, l-Istati Membri ppreżentaw il-miri nazzjonali tagħhom wara li l-Kummissjoni stednithom jagħmlu dan. Fil-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) ta’ Ġunju 2022, il-Ministri enfasizzaw l-importanza li l-progress li nkiseb fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u lejn il-miri ewlenin tal-UE għall-2030 jiġi segwit mill-qrib. F’dan l-isfond, dawk il-miri nazzjonali issa huma koperti fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2023, u ser jiġu integrati ulterjorment fl-għodod ta’ monitoraġġ għas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, il-korpi konsultattivi tal-EPSCO ffinalizzaw messaġġi ewlenin biex jinformaw id-dibattitu rigward is-Semestru fl-EPSCO ta’ Ġunju 2023 dwar qafas possibbli biex jissaħħu l-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji għall-konverġenza soċjali ’l fuq fl-Unjoni.

(11)

Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill ikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja, li jippruvaw jimminaw is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali, u esprima solidarjetà mal-poplu Ukren, filwaqt li ssottolinja l-ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tar-Russja u tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Fil-kuntest kurrenti, il-protezzjoni temporanja, kif mogħtija mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (33), toffri assistenza malajr u b’mod effettiv lill-persuni spostati fil-pajjiżital-Unjoni, li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u tippermettu lil dawn il-persuni spostati jgawdu d-drittijiet minimi madwar l-Unjoni li joffru livell xieraq ta’ protezzjoni. Billi jipparteċipaw fis-swieq tax-xogħol tal-Unjoni, il-persuni spostati mill-Ukrajna jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ekonomija tal-Unjoni u jgħinu biex jappoġġaw lil pajjiżhom u lin-nies f’pajjiżhom. Fil-futur, l-esperjenza u l-ħiliet miksuba jistgħu jikkontribwixxu biex l-Ukrajna tinbena mill-ġdid. Għat-tfal u l-adolexxenti mhux akkumpanjati, il-protezzjoni temporanja tikkonferixxi d-dritt għall-kustodja legali u aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ politika li jimmiraw li jindirizzaw l-isfidi tal-impjiegi u tal-ħiliet, inkluż ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki, li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Is-sħab soċjali għandhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-impatt ta’ dik il-gwerra f’termini ta’ preservazzjoni tal-impjiegi u tal-produzzjoni.

(12)

Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar tal-pagi, jenħtieġ li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali u l-awtonomija tas-sħab soċjali, bil-għan li jiġu pprovduti pagi ġusti li jippermettu standard tal-għajxien deċenti, tkabbir sostenibbli u konverġenza soċjoekonomika ’l fuq. Jenħtieġ li riformi bħal dawn jippermettu konsiderazzjoni wiesgħa tal-fatturi soċjoekonomiċi, inkluż titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fl-innovazzjoni, fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-faqar fost dawk li jaħdmu, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-ħiliet, fis-saħħa pubblika, fil-protezzjoni soċjali u fl-inklużjoni kif ukoll fl-introjti reali. F’dak ir-rigward, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni qed jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li huma konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni, li jagħmlu l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Unjoni aktar sostenibbli u reżiljenti u ppreparati aħjar għat-tranżizzjoni ekoloġika u għal dik diġitali fil-kuntest li qed jinbidel wara l-pandemija tal-COVID-19. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kompliet aggravat l-isfidi soċjoekonomiċi li kienu diġà jeżistu. L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jkomplu jiżguraw li l-impatti soċjali, fuq l-impjieg u ekonomiċi jittaffew u li t-tranżizzjonijiet ikunu soċjalment ekwi u ġusti, ukoll fid-dawl tal-fatt li aktar awtonomija strateġika miftuħa u tranżizzjoni ekoloġika aċċellerata jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u ta’ prodotti u teknoloġiji strateġiċi oħra, b’mod partikolari mir-Russja. It-tisħiħ tar-reżiljenza u l-insegwiment ta’ soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies huma protetti u mogħtija s-setgħa biex jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li fiha jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà u fl-ekonomija, huma essenzjali.

Hemm bżonn ta’ sett koerenti ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, li jikkonsisti f’inċentivi temporanji u mmirati ta’ reklutaġġ u tranżizzjoni, politiki dwar il-ħiliet inkluż l-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli u servizzi ta’ impjieg immirati, effettivi u adattabbli, biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fid-dawl tat-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif enfasizzat inter alia fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika. Jenħtieġ li jiġu żġurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inkluż is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, u kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali tal-ħaddiema.

(13)

Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġu appoġġati l-impjiegi taż-żgħażagħ. Jenħtieġ li jiġu żgurati aċċess u opportunitajiet indaqs għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, b’mod partikolari fit-tfal, il-persuni b’diżabilità u l-persuni Rom, b’mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati u inklużivi, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (34), u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, it-taħriġ, l-apprendiment tul il-ħajja u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol inklużivi u orjentati lejn il-futur, fosthom permezz ta’ investimenti fl-edukazzjoni u fil-kura bikrija tat-tfal, f’konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal: (“il-miri ta’ Barċellona għall-2030”), u investimenti fil-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola. Aċċess f’waqtu u ugwali għall-kura affordabbli fit-tul ta’ kwalità għolja, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-kura affordabbli fit-tul ta’ kwalità għolja, u servizzi tal-kura tas-saħħa, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tal-kura tas-saħħa, huma partikolarment rilevanti, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskji potenzjali għas-saħħa fil-futur u f’kuntest ta’ soċjetajiet li qed jixjieħu.

Il-potenzjal tal-persuni b’diżabilità li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp soċjali jenħtieġ li jiġi realizzat ulterjorment, f’konformità mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (35), li stiednet lill-Istati Membri jistabbilixxu miri dwar l-impjiegi u l-apprendiment għall-adulti għall-persuni b’diżabilità. Teknoloġiji ġodda u postijiet tax-xogħol li qed jevolvu madwar l-Unjoni jippermettu organizzazzjoni tax-xogħol aktar flessibbli kif ukoll titjib fil-produttività u fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li jikkontribwixxu għall-impenji ekoloġiċi tal-Unjoni. Dawk l-iżviluppi jġibu wkoll sfidi ġodda għas-swieq tax-xogħol, li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol jissarrfu f’impjiegi ta’ kwalità u f’postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu, filwaqt li jżommu d-drittijiet tax-xogħol u soċjali stabbiliti u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.

(14)

Jenħtieġ li l-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi ta’ REACT-EU tagħhom stabbiliti bir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36), li jsaħħaħ il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) sal-2023. Minħabba l-kriżi kurrenti tal-Ukrajna, ir-Regolament (UE) 2020/2221 ġie kkomplementat ulterjorment bir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37) , kif ukoll b’emenda ulterjuri għar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38) dwar żieda fil-prefinanzjament għal REACT-EU, u b’kost unitarju ġdid sabiex jgħin biex titħaffef l-integrazzjoni tal-persuni li qed jitilqu mill-Ukrajna u li jidħlu fl-Unjoni kif previst fir-Regolament (UE) 2022/613 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39).

Barra minn hekk, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u fondi oħra tal-Unjoni, inkluż il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta kif ukoll InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40), biex irawmu impjiegi ta’ kwalità u investimenti soċjali, biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, biex jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni, u biex jippromwovu opportunitajiet ta’ tiġdid u ta’ titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, apprendiment tul il-ħajja u edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali sabiex iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa bl-għarfien u bil-kwalifiki meħtieġa għal ekonomija diġitali u ekoloġika. L-Istati Membri għandhom jagħmlu wkoll użu sħiħ mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41) biex jappoġġaw lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ eventi ta’ ristrutturar maġġuri, bħall-pandemija tal-COVID-19, trasformazzjonijiet soċjoekonomiċi li huma r-riżultat ta’ xejriet globali, u l-bidliet teknoloġiċi u ambjentali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(15)

Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jimmonitorjaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-Linji Gwida, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. Dawk il-Kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u soċjali għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib. Jenħtieġ li d-djalogu politiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jibqa’ għaddej, b’mod partikolari fir-rigward tal-Linji Gwida tal-Istati Membri.

(16)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni (UE) 2022/2296, huma miżmuma għall-2023 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politiki dwar l-impjiegi u fil-programmi tar-riformi tagħhom.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

Y. DÍAZ PÉREZ


(1)  Opinjoni tat-13 ta’ Settembru 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-20 ta’ Settembru 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tal-11 ta’ Lulju 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2296 tal-21 ta’ Novembru 2022 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 304, 24.11.2022, p. 67).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta’ Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2021 dwar approċċi ta’ tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva (ĠU C 504, 14.12.2021, p. 21).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar il-bini ta’ konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja (ĠU C 160, 13.4.2022, p. 1).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 10), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 26) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 35) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 1).

(10)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (ĠU C 469, 9.12.2022, p. 1).

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja (ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal: il-miri ta’ Barċellona għall-2030 (ĠU C 484, 20.12.2022, p. 1).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (ĠU C 41, 3.2.2023, p.1).

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) (ĠU L 80, 8.3.2021, p. 1).

(14)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1).

(15)  COM(2021) 778 final.

(16)  COM(2020) 624 final

(17)  COM(2021) 101 final.

(18)  Pakkett dwar l-Impjiegi għall-Persuni b’Diżabilità biex jittejbu l-eżiti tas-suq tax-xogħol għall-persuni b’diżabilità - Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

(19)  COM(2022) 440 final.

(20)  COM(2023) 62 final.

(21)  COM(2023) 38 final u COM(2023) 40 final.

(22)  COM(2022) 494 final.

(23)  Id-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1).

(24)  Id-Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (ĠU L 125, 11.5.2023, p. 1).

(25)  Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).

(26)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2022/2381 tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpanniji elenkati u miżuri relatati (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 44).

(27)  Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21).

(28)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(29)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

(30)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

(31)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).

(32)  Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10).

(33)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja, (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

(34)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (ĠU C 41, 3.2.2023, p. 1).

(35)  COM(2021) 101 final.

(36)  Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30).

(37)  Ir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) (ĠU L 109, 8.4.2022, p. 1).

(38)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(39)  Ir-Regolament (UE) 2022/613 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU u l-istabbiliment ta’ spiża għal kull unità (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 38).

(40)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

(41)  Ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2528/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top