Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 32023D2426

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2426 tat-23 ta’ Ottubru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju f’konformità ma’ dik il-Konvenzjoni

ST/13488/2023/INIT

ĠU L, 2023/2426, 6.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2426/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status prawny dokumentu Obowiązujące

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2426/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2426

6.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2426

tat-23 ta’ Ottubru 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju f’konformità ma’ dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (1) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017.

(2)

Skont id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċeduri, adottata mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (“COP”) fl-ewwel laqgħa tagħha tal-24-29 ta’ Settembru 2017, il-Partijiet għall-Konvenzjoni (“il-Partijiet”) iridu jagħmlu kull sforz biex jilħqu qbil b’kunsens dwar il-materji kollha ta’ sustanza.

(3)

Il-COP, matul it-tielet laqgħa tagħha tal-25-29 ta’ Novembru 2019, adottat id-Deċiżjoni MC-3/5 dwar il-limiti għall-iskart li jikkonsisti mill-merkurju jew mill-komposti tal-merkurju jew li fih minnhom, kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), tal-Konvenzjoni, u talbet li l-grupp ta’ esperti tekniċi stabbilit mill-COP fit-tieni laqgħa tagħha tad-19-23 ta’ Novembru 2018, jiżviluppa limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju imsemmi fl-Artikolu 11(2), il-punt (c), tal-Konvenzjoni (“skart ikkontaminat bil-merkurju”), inkluż għaż-żwiel mill-estrazzjoni minerarja għajr l-estrazzjoni primarja tal-merkurju.

(4)

Il-COP, matul it-tieni segment tar-raba’ laqgħa tagħha tal-21–25 ta’ Marzu 2022, ma setgħetx tadotta deċiżjoni dwar il-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju. Minflok, id-Deċiżjoni MC-4/6 talbet li l-grupp ta’ esperti tekniċi jkompli l-ħidma tiegħu primarjament b’mezzi elettroniċi u li jorganizza laqgħa wiċċ imb wiċċ ta’ tul ta’ żmien suffiċjenti biex jindirizza l-iskart ikkontaminat bil-merkurju, soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, u li jirrapporta dwar il-ħidma tiegħu lill-COP fil-ħames laqgħa tagħha li ser issir mit-30 ta’ Ottubru sat-3 ta’ Novembru 2023.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħames laqgħa tal-COP, billi d-Deċiżjoni proposta li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju, jekk tiġi adottata, ser ikollha effetti legali, peress li l-Partijiet ser ikollhom jieħdu miżuri biex jimplimentawha fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

(6)

L-Unjoni kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart tal-Konvenzjoni u għall-ħidma intersessjonali tal-esperti li ġiet imnedija bid-Deċiżjoni MC-3/5 u li wassal għar-rakkomandazzjonijiet. L-acquis tal-Unjoni teħtieġ li l-iskart tal-merkurju kollu msemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni, inkluż l-iskart ikkontaminat bil-merkurju, jiġi mmaniġġjat mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, irrispettivament mill-kontenut tal-merkurju tiegħu.

(7)

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa biss l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-COP li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħames laqgħa tal-COP għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

L. PLANAS PUCHADES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2426/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Góra