EUR-Lex Piekļuve Eiropas Savienības tiesību aktiem

Atpakaļ uz EUR-Lex sākumlapu

Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.

Dokuments 32023D2201

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2201 tat-28 ta’ Settembru 2023 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tad-dikjarazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 23(4), il-punt (a), tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt

ST/13128/2023/ADD/1

ĠU L, 2023/2201, 16.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2201/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dokumenta juridiskais statuss Spēkā

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2201/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2201

16.10.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2201

tat-28 ta’ Settembru 2023

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tad-dikjarazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 23(4), il-punt (a), tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

Skont l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor (3) (id-“Deċiżjoni Nru 1/2023”), ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mit-30 ta’ Settembru 2023, dment li d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23(4), il-punti (a) u (b), tiegħu jkunu saru fil-Kumitat Konġunt.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 182 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Qafas ta’ Windsor (4) jifforma parti integrali minn dak il-Ftehim.

(4)

L-Unjoni mistennija tagħmel dikjarazzjoni fil-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 23(4), il-punt (a), tad-Deċiżjoni Nru 1/2023. Dik id-dikjarazzjoni għandha ssir fis-sens li l-Unjoni hija sodisfatta: (i) bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 6/2020 (5) permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness 1 ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt; u (ii) li r-reġistrazzjonijiet XI EORI eżistenti kollha huma maħruġa b’mod korrett; u (iii) li r-Renju Unit ħareġ gwida ġdida għall-pakketti f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/2023; u (iv) li r-Renju Unit ħareġ id-dikjarazzjoni unilaterali tiegħu dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għall-merkanzija li toħroġ mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Kumitat Konġunt”) fir-rigward tad-dikjarazzjoni li għandha ssir mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 23(4), il-punt (a), tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt hija stabbilita fl-abbozz tad-dikjarazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

F. GRANDE-MARLASKA GÓMEZ


(1)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

(3)   ĠU L 102, 17.4.2023, p. 61.

(4)  Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 6/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li tipprevedi l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 443, 30.12.2020, p. 16).


ABBOZZ

DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ .../2023

skont l-Artikolu 23(4), il-punt (a), tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt

Skont l-Artikolu 23(4), il-punt (a), tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor (id-“Deċiżjoni Nru 1/2023”), l-Unjoni tiddikjara li hija sodisfatta:

(i)

bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 6/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jipprevedi l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi ta’ informazzjoni u fil-bażijiet ta’ data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness 1 ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, filwaqt li tinnota li r-Renju Unit impenja ruħu li jiżgura progress sinifikanti fir-rigward tal-latenza u l-kompletezza meħtieġa tad-data, appoġġat minn proċess tal-kontinwità tan-negozju, u li l-aċċess mir-rappreżentanti tal-Unjoni għal tali informazzjoni għadu jrid jiġi pprovdut f’format aċċessibbli b’tali mod li jippermettilhom iwettqu analiżi tar-riskji inkluża identifikazzjoni ta’ xejriet riċenti u storiċi; u

(ii)

li r-reġistrazzjonijiet XI EORI eżistenti kollha huma maħruġa b’mod korrett; u

(iii)

li r-Renju Unit ħareġ gwida ġdida għall-pakketti f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/2023; u

(iv)

li r-Renju Unit ħareġ id-dikjarazzjoni unilaterali tiegħu dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għall-merkanzija li toħroġ mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2201/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Augša