EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1494

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1494 tas-26 ta’ Ġunju 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex tiġi emendata l-Parti I tal-Anness I ta’ dak il-Ftehim

ST/10509/2023/ADD/1

ĠU L 183, 20.7.2023, p. 53–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1494/oj

20.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/53


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1494

tas-26 ta’ Ġunju 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex tiġi emendata l-Parti I tal-Anness I ta’ dak il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

Skont l-Artikolu 36(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjonijiet biex jemenda l-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ biex jirrifletti kwalunkwe Deċiżjoni jew Rakkomandazzjoni ġdida approvata mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali.

(3)

Il-Kumitat Konġunt, matul il-laqgħa tiegħu li jmiss, għandu jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 36(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ biex tiġi emendata l-Parti I tal-Anness I tiegħu biex jiżdiedu żewġ Deċiżjonijiet ġodda approvati mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali mal-lista stabbilita fih u biex jitħassru minn dik il-lista tliet Deċiżjonijiet li ġew sostitwiti miż-żewġ Deċiżjonijiet il-ġodda.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiġi emendata l-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, liema deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex tiġi emendata Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ hija stabbilita fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha..

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  OJ L 29, 31.1.2020, p. 7.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p.1).


ABBOZZ

ID-DEĊIŻJONI NRU …/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’...

li temenda l-ewwel parti tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 36(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tiegħu (il-“Kumitat Konġunt”) jadotta deċiżjonijiet li jemendaw il-Parti I tal-Anness I ta’ dak il-Ftehim, biex jirriflettu kwalunkwe Deċiżjoni jew Rakkomandazzjoni ġdida approvata mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali. Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti fuq l-Unjoni u għar-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit iridu jimplimentaw it-tali deċiżjonijiet, li għandu jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(2)

Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li l-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tiġi emendata billi jiżdiedu żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali u billi jitħassru tliet deċiżjonijiet li ġew sostitwiti miż-żewġ deċiżjonijiet il-ġodda,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-Deċiżjoni Nru H12 tad-19 ta’ Ottubru 2021 dwar id-data li għandha titqies għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandha tiżdied taħt ‘Kwistjonijiet orizzontali (serje H)’;

(2)

Fil-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-Deċiżjoni Nru H13 tat-30 ta’ Marzu 2022 dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-Bord tal-Verifika tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali (3) għandha tiżdied taħt ‘Kwistjonijiet orizzontali (serje H)’;

(3)

Fil-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, għandhom jitħassru l-atti li ġejjin:

(a)

Id-Deċiżjoni Nru H3 tal-15 ta’ Ottubru 2009 li tikkonċerna d-data li trid titqies għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif emendata bid-Deċiżjoni Nru H7 tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tad-Deċiżjoni Nru H3 dwar id-data li trid titqies għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li hija sostitwita bid-Deċiżjoni Nru H12 tad-19 ta’ Ottubru 2021 dwar id-data li trid titqies għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(b)

Id-Deċiżjoni Nru H4 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-Bord tal-Verifika tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali (6), li hija sostitwita bid-Deċiżjoni Nru H13 tat-30 ta’ Marzu 2022 dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-Bord tal-Verifika tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali;

(c)

Id-Deċiżjoni Nru H7 tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tad-Deċiżjoni Nru H3 li tikkonċerna d-data li trid titqies għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li hija sostitwita bid-Deċiżjoni Nru H12 tad-19 ta’ Ottubru 2021 dwar id-data li trid titqies għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi ….,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(2)  ĠU C 93, 28.2.2022, p. 6.

(3)  ĠU C 305, 10.8.2022, p. 4.

(4)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 56.

(5)  ĠU C 52, 11.2.2016, p. 13.

(6)  ĠU C 107, 27.4.2010, p. 3.


Top