EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0729

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/729 tat-30 ta’ Marzu 2023 dwar l-istabbiliment tal-arkitettura teknika, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex l-informazzjoni tiddaħħal u tinħażen u l-proċeduri għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema Online ta’ Dokumenti Foloz u Awtentiċi tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (“EBCG FADO”)

C/2023/1952

ĠU L 94, 3.4.2023, p. 66–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/729/oj

3.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/66


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/729

tat-30 ta’ Marzu 2023

dwar l-istabbiliment tal-arkitettura teknika, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex l-informazzjoni tiddaħħal u tinħażen u l-proċeduri għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema Online ta’ Dokumenti Foloz u Awtentiċi tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (“EBCG FADO”)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar is-sistema tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/700/ĠAI (1), u b’mod partikolari l-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-Sistema Ewropea tal-Arkivjar tal-Immaġni fuq Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (is-sistema FADO) ġiet stabbilita biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sigurtà u l-karatteristiċi potenzjali ta’ frodi ta’ dokumenti awtentiċi u foloz bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fil-qasam tal-frodi tad-dokumenti. L-għan tas-sistema FADO huwa wkoll li tikkondividi informazzjoni ma’ atturi oħra, inkluż il-pubbliku ġenerali.

(2)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2020/493, is-sistema FADO attwali li bħalissa qed titħaddem mill-Kunsill ser tittieħed mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”), huwa għalhekk meħtieġ li jiġu adottati miżuri għall-arkitettura teknika u l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema FADO.

(3)

L-arkitettura teknika u l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema l-ġdida “EBCG FADO” jenħtieġ li jippermettu lill-Aġenzija tiżgura sistema li tiffunzjona tajjeb u affidabbli u ddaħħal l-informazzjoni miksuba fil-ħin u b’mod effiċjenti, filwaqt li tiggarantixxi l-uniformità u l-kwalità ta’ dik l-informazzjoni skont standards għoljin. Għandha tiġi żgurata verifika xierqa tad-dokumenti u tal-identità fil-livelli kollha, mill-eżami forensiku l-aktar sofistikat sal-verifika sempliċi. Is-sistema EBCG FADO għandha tipprovdi punt uniku ta’ aċċess lill-utenti li jridu jimmaniġġjaw l-informazzjoni jew ifittxu kontenut tal-FADO. Is-sistema għandha tipprovdi inter alia għal trasferiment sistematiku u strutturat tal-għarfien bejn l-esperti tad-dokumenti u minnhom lil esperti li mhumiex tad-dokumenti.

(4)

Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat dwar din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

(5)

Peress li r-Regolament (UE) 2020/493 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, innotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/493 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk id-Danimarka hija marbuta b’din id-Deċiżjoni.

(6)

L-Irlanda qed tieħu sehem fir-Regolament (UE) 2020/493, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2). Għalhekk, l-Irlanda hija marbuta b’din id-Deċiżjoni.

(7)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (3), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt H tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4).

(8)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt H, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (6).

(9)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt H, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (8),

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (9) (il-Kumitat tal-Artikolu 6) u skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-arkitettura teknika tas-sistema FADO, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex l-informazzjoni tiddaħħal u tinħażen fis-sistema FADO u l-proċeduri għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema FADO għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 107, 6.4.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(5)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

(7)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS

PARTI 1

1.   Għanijiet

Din il-Parti tal-Anness tipprovdi deskrizzjoni tal-arkitettura teknika tas-sistema tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (“is-sistema EBCG FADO”) tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) u l-komponenti tagħha.

L-arkitettura teknika tas-sistema l-ġdida “EBCG FADO” se tiġi żviluppata b’mod inkrementali, wara r-rilaxxi tas-sistema l-ġdida u r-rekwiżiti futuri possibbli.

2.   Deskrizzjoni tal-arkitettura tas-sistema EBCG FADO

L-arkitettura teknika tippermetti lill-Aġenzija tiddetermina l-livelli differenti ta’ aċċess għall-informazzjoni maħżuna fis-sistema. L-Aġenzija se ddaħħal l-informazzjoni miksuba fis-sistema EBCG FADO fil-ħin u b’mod effiċjenti u biex tiggarantixxi l-uniformità u l-kwalità ta’ dik l-informazzjoni.

Is-sistema EBCG FADO se tkun l-applikazzjoni ġenerali għal-livelli kollha ta’ aċċess, li tipprovdi punt uniku ta’ aċċess lill-utenti li jixtiequ jimmaniġġjaw l-informazzjoni jew ifittxu kontenut tal-EBCG FADO.

L-arkitettura teknika tas-sistema EBCG FADO se jkollha l-kapaċità li tospita:

(a)

dominju pubbliku li jkun fih subsett ta’ informazzjoni bażika dwar kampjuni ta’ dokumenti awtentiċi u dokumenti awtentiċi;

(b)

dominju sensittiv mhux klassifikat tal-UE soġġett għall-kontroll tal-aċċess li jippermetti:

kategoriji differenti ta’ utenti biex jesploraw l-informazzjoni skont id-drittijiet ta’ aċċess definiti;

għadd magħżul ta’ utenti biex jipprovdu u jivvalidaw informazzjoni sensittiva mhux klassifikata qabel ma jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-utenti finali (konsumaturi ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata tal-UE);

arkivju għall-ħżin ta’ parti mill-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata għal finijiet statistiċi u storiċi ladarba l-għan li tiġi rkuprata tali informazzjoni ma jibqax jeżisti.

(c)

dominju kklassifikat (Ristrett) tal-UE soġġett għal kontroll tal-aċċess għall-utenti awtorizzati li jippermetti:

biex tiġi esplorata informazzjoni klassifikata;

għadd magħżul ta’ utenti biex jipprovdu u jivvalidaw informazzjoni klassifikata qabel ma jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għal utenti finali oħra awtorizzati biex jaċċessaw in-netwerk klassifikat (konsumaturi ta’ informazzjoni klassifikata).

Barraminnhekk, l-arkitettura teknika tas-sistema se jkollha l-kapaċità li:

(a)

tiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà;

(b)

tappoġġa kapaċitajiet estensivi ta’ tiftix u rapportar, u tapplika servizzi analitiċi avvanzati inkluża l-intelliġenza artifiċjali;

(c)

tkun integrata ma’ entitajiet esterni u s-sistemi tagħhom u tipprovdi kapaċitajiet ta’ skambju ta’ data permezz ta’ interfaċċi awtomatizzati, bħas-Sistema ta’ Dokumenti Elettroniċi tal-Librerija (FIELDS) tal-INTERPOL tal-Frontex, bl-Istatus Ċivili tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar id-Dokumenti (DISCS), eċċ.;

(d)

taħdem fuq infrastruttura bbażata fuq il-cloud għad-dominji mhux klassifikati, sensittivi u pubbliċi tal-UE, sakemm tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali;

(e)

timplimenta teknoloġiji avvanzati u approċċi tekniċi moderni, inklużi d-disponibbiltà, l-affidabbiltà, il-flessibbiltà għal funzjonijiet, prodotti u modifiki ġodda kif ukoll tkun tista’ tespandi biex takkomoda għadd kbir ta’ utenti;

(f)

tippermetti l-integrazzjoni mal-ħardwer u tappoġġa l-aċċess għas-sistema offline jew f’xenarji ta’ konnettività limitati minn apparati mobbli.

PARTI 2

1.   Għanijiet

Din it-tieni parti tal-Anness tipprovdi deskrizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dħul u l-ħażna ta’ informazzjoni fis-sistema Online tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) f’konformità ma’ standards għoljin.

L-EBCG FADO se tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità billi tikkondividi informazzjoni ma’ atturi oħra, inkluż il-pubbliku ġenerali.

L-ipproċessar tad-data personali huwa inkluż f’dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Id-dħul u l-ħżin tal-informazzjoni fis-sistema se jsiru skont l-iskop tal-ipproċessar.

2.   Deskrizzjoni tal-proċess għad-dħul u l-ħżin tal-informazzjoni fis-SISTEMA EBCG FADO

L-informazzjoni se tiġi pprovduta minn utenti awtorizzati dwar modulu ddedikat tas-sistema EBCG FADO għal finijiet ta’ validazzjoni qabel ma din l-informazzjoni ssir disponibbli għal utenti oħra.

Il-proċess ta’ validazzjoni japplika għall-informazzjoni kollha mdaħħla fis-sistema tal-EBCG FADO jew maħluqa fis-sistema.

Il-proċess ta’ validazzjoni ta’ tali informazzjoni huwa kkontrollat mill-Aġenzija u implimentat f’konsultazzjoni mal-fornitur tal-informazzjoni. Sabiex jiġu żgurati standards għoljin, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tikkonsulta ma’ esperti magħżula tad-dokumenti jew mal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija.

Ladarba tiġi vvalidata, l-informazzjoni tiġi tradotta u maħżuna fid-dominji tas-sistema tal-EBCG FADO.

3.   Kontroll u verifika tal-informazzjoni fis-SISTEMA EBCG FADO

Fis-sistema EBCG FADO, id-data tad-dokument (minn hawn ’il quddiem “informazzjoni”) se tiġi vverifikata u pproċessata għal finijiet amministrattivi biss b’mezzi elettroniċi u materjali, skont il-format li fih l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-Aġenzija. Fis-sistema EBCG FADO, ma hemm l-ebda pproċessar ta’ data personali operazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

L-informazzjoni pproċessata tgħaddi mill-proċessi tan-negozju mfassla biex tiddaħħal u tinħażen l-informazzjoni fis-sistema tal-EBCG FADO. Huma biss id-dokumenti ppubblikati li qabel kienu vvalidati li huma disponibbli għall-utenti.

L-ipproċessar tal-informazzjoni fis-sistema tal-EBCG FADO se jkun soġġett għal titjib kontinwu sabiex jiġu żgurati reviżjoni u adattament progressivi tal-miżuri tekniċi u organizzattivi f’konformità mal-evoluzzjoni teknoloġika u biex jiġu eliminati n-nuqqasijiet fil-proċessi tan-negozju sottostanti.

L-Aġenzija tispeċifika:

(a)

il-kategoriji tas-suġġetti tad-data li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata fis-sistema;

(b)

dwar il-kategoriji ta’ data personali pproċessata;

(c)

il-kontrollur jew kategoriji ta’ kontrolluri, inklużi kontrolli konġunti;

(d)

min se jirċievi d-data personali,

(e)

is-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż għal aċċess jew trasferiment illegali ta’ data personali;

(f)

il-perjodu ta’ żamma relatat ma’ attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali għall-finijiet tat-tħaddim tas-sistema tal-EBCG FADO u tat-twettiq ta’ kompiti amministrattivi;

(g)

il-metodoloġija tal-ġbir tad-data, inkluż jekk tkunx ġejja mill-Istati Membri u/jew minn pajjiżi terzi;

(h)

it-tixrid u r-riċevituri tad-data personali.

4.   Proċessar tad-data personali għad-dħul u l-ħżin tal-informazzjoni fis-SISTEMA EBCG FADO

L-Aġenzija se timplimenta miżuri organizzattivi u tekniċi speċifiċi matul il-proċess għad-dħul u l-ħżin ta’ informazzjoni fis-sistema EBCG FADO billi:

(a)

tipprovdi gwida lill-utenti awtorizzati dwar ir-redazzjoni — minimizzazzjoni u psewdonimizzazzjoni — ta’ data personali qabel ma tingħata informazzjoni lill-Aġenzija u matul il-proċess ta’ validazzjoni;

(b)

l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi xierqa biex jiġu żgurati s-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data matul il-proċess ta’ validazzjoni, qabel ma l-informazzjoni ssir disponibbli għall-utenti finali;

(c)

ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-modulu ddedikat għall-proċess ta’ validazzjoni għal għadd minimu ta’ utenti;

(d)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni maħżuna fid-dominji sensittivi mhux klassifikati u kklassifikati abbażi tal-ħtieġa ta’ tagħrif għal għadd magħruf ta’ utenti.

PARTI 3

1.   Għanijiet

It-tielet parti tal-Anness tipprovdi deskrizzjoni tal-proċeduri għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni fis-sistema Online tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) (“is-sistema EBCG FADO”).

L-ipproċessar tad-data personali se jiġi inkluż fil-proċeduri għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni fis-sistema tEBCG FADO.

Il-Kummissjoni tissorvelja inter alia l-implimentazzjoni tal-miżuri li jinsabu f’din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni hija megħjuna mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (2). L-Aġenzija tipparteċipa mingħajr setgħa deċiżjonali fil-laqgħat tal-kumitat tal-Artikolu 6.

L-Aġenzija se tapplika tekniki ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema EBCG FADO.

2.   L-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità

F’konformità mal-Parti 2 tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dħul u l-ħżin ta’ informazzjoni fis-sistema EBCG FADO (3), l-Aġenzija se tistabbilixxi proċeduri biex timplimenta:

(a)

assigurazzjoni tal-kwalità;

qabel ma tiddaħħal informazzjoni fis-sistema FADO għal finijiet ta’ validazzjoni;

matul il-proċess ta’ validazzjoni;

(b)

kontroll tal-kwalità;

wara l-pubblikazzjoni, ladarba l-informazzjoni tkun saret disponibbli għall-pubbliku u utenti finali oħra (konsumaturi).

3.   Assigurazzjoni tal-kwalità

i.   Ġestjoni tal-aċċess

L-għan tal-ġestjoni tal-aċċess għas-sistema FADO huwa li:

(a)

jingħata aċċess fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif għas-sistema FADO;

(b)

Jiġu revokati d-drittijiet ta’ aċċess;

L-Aġenzija se tistabbilixxi proċeduri għall-ġestjoni tal-aċċess għas-sistema FADO fejn għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti minimi li ġejjin:

(a)

l-utenti għandhom jirċievu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom;

(b)

l-utenti għandhom jimmaniġġjaw il-kontijiet tal-utenti tagħhom fis-sistema FADO;

(c)

id-data personali għandha tiġi kkomunikata lill-Aġenzija direttament mis-suġġetti tad-data jew mill-punti ta’ kuntatt tagħhom;

(d)

għadd limitat ta’ utenti fl-Aġenzija li jappartjenu għall-organizzazzjoni tas-sistema FADO għandhom ikunu awtorizzati jwettqu ġestjoni tal-aċċess.

ii.   Validazzjoni tal-informazzjoni mdaħħla fis-sistema FADO

L-għan tal-validazzjoni tal-informazzjoni huwa li jitnaqqas ir-riskju ta’ difetti fis-sistema, filwaqt li jiġu żgurati l-uniformità u l-kwalità tal-informazzjoni.

Numru magħżul biss ta’ esperti tad-dokumenti awtorizzati u mħarrġa — għandhom jipprovdu u jivvalidaw l-informazzjoni fis-sistema.

Qabel ma jibdew idaħħlu l-informazzjoni fis-sistema, dawn l-utenti se jiġu:

(a)

mħarrġa biex idaħħlu informazzjoni fis-sistema;

(b)

jiġu pprovduti b’materjal ta’ gwida u/jew tutorials biex tiddaħħal informazzjoni fis-sistema;

(c)

infurmati dwar il-proċessi tan-negozju stabbiliti mill-Aġenzija għal finijiet ta’ validazzjoni.

L-Aġenzija se tipprovdi modulu ddedikat tas-sistema EBCG FADO għal finijiet ta’ validazzjoni qabel ma din l-informazzjoni ssir disponibbli għal utenti oħra. Matul il-proċess ta’ validazzjoni, dan il-modulu għandu jippermetti:

(a)

numru magħżul ta’ utenti biex idaħħlu jew jikkoreġu informazzjoni fis-sistema EBCG FADO;

(b)

għadd limitat ta’ utenti biex jipproċessaw il-validazzjoni tal-informazzjoni fis-sistema, inkluża konsultazzjoni fakultattiva ma’ utenti magħżula għajr dawk li jdaħħlu jew jikkoreġu l-informazzjoni;

(c)

numru limitat ta’ utenti biex jipprovdu traduzzjoni jekk meħtieġ;

(d)

numru limitat ta’ utenti biex japprovaw u jippubblikaw l-informazzjoni.

iii.   Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni

Wara l-proċess ta’ validazzjoni, l-informazzjoni se tiġi ppubblikata.

4.   Kontroll tal-kwalità

L-Aġenzija se tistabbilixxi pjan annwali ta’ kontroll tal-kwalità fis-sistema EBCG FADO.

Il-pjan se jiżgura li l-kontrolli fuq ammont adegwat ta’ informazzjoni jitwettqu regolarment kull sena, filwaqt li jivverifika fost l-oħrajn:

(a)

ir-rilevanza tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema EBCG FADO;

(b)

il-kwalità tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema EBCG FADO;

(c)

il-konformità tal-ġestjoni tas-sistema EBCG FADO, inklużi r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali.

Ir-riżultati tal-awditi se jingħataw lill-Kummissjoni, lill-bord maniġerjali tal-Aġenzija u lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija.

5.   Kontribuzzjoni tal-utent għall-kwalità

L-utenti jistgħu jkunu involuti fil-proċess għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema EBCG FADO.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-arkitettura teknika tas-sistema FADO tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG) skont l-Artikolu 6 1 (a) tar-Regolament (UE) 2020/493.


Top