Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0577

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/577 tat-13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi

    ST/5880/2023/INIT

    ĠU L 75, 14.3.2023, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/577/oj

    14.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 75/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/577

    tat-13 ta’ Marzu 2023

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1), 41(2), 42(4) u 30(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill qabel li l-limitu massimu finanzjarju ġenerali tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (il-“Faċilità”) jenħtieġ li jiżdied b’EUR 2 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018) matul is-snin bejn l-2024 u l-2027. L-implimentazzjoni ta’ din iż-żieda għandha tirrispetta l-limitu massimu għall-pagamenti miftiehma għall-2023. Il-Kunsill irrikonoxxa wkoll li l-evoluzzjoni tal-ambjent tas-sigurtà internazzjonali tista’ tagħmel meħtieġa aktar żidiet tal-limitu massimu finanzjarju ġenerali tal-Faċilità sal-2027. Kwalunkwe żieda oħra għandha tiġi deċiża mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu u għandha tiġi stabbilita f’emenda tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1). Iż-żieda globali totali tal-limitu massimu finanzjarju tal-Faċilità sal-2027 għandha ma taqbiżx EUR 5 500 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

    (2)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill Ewropew tenna d-dimensjoni globali tal-Faċilità u laqa’ l-ftehim fil-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2022 biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tagħha.

    (3)

    Il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, approvata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 2022, tappella għal valutazzjoni mill-ġdid sal-2023 tal-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjoni tal-ispejjeż komuni biex tissaħħaħ is-solidarjetà u tiġi stimulata l-parteċipazzjoni f’missjonijiet u operazzjonijiet militari, kif ukoll tal-ispejjeż relatati mal-eżerċizzji, anke fid-dawl ta’ proposti rigward il-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE. Il-finanzjament tal-ispejjeż eliġibbli tal-Eżerċizzju Militari tal-UE ta’ Maniġġar ta’ Kriżijiet 2023 (MILEX 23), b’ammont sa EUR 5 000 000, huwa mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet futuri rigward il-finanzjament ta’ spejjeż komuni.

    (4)

    L-esperjenza miksuba sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 tagħmilha neċessarja li tiġi introdotta aktar flessibbiltà fil-ġbir u l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri u fl-użu tagħhom mill-Faċilità, b’mod partikolari billi jippermettu li jiġu riċevuti u użati kontribuzzjonijiet bil-quddiem. Il-kontribuzzjonijiet li Stat Membru jagħżel li jħallas bil-quddiem ma jaffettwawx l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet dovuti minn dak l-Istat Membru jew minn Stati Membri oħra, jew il-kapaċità tal-Faċilità li tilħaq l-għanijiet tagħha. Tali kontribuzzjonijiet bil-quddiem ma jistgħux jiġu allokati għal xi skop speċifiku..

    (5)

    Barra minn hekk, huwa neċessarju li tiġi introdotta aktar flessibbiltà billi jiġi estiż l-użu ta’ finanzjament bikri għal miżuri ta’ assistenza soġġetti għall-awtorizzazzjoni mill-Kumitat tal-Faċilità. Kontribuzzjonijiet għal finanzjament bikri minn Stat Membru ma jintużawx biex jiffinanzjaw miżuri ta’ assistenza li minnhom dak l-Istat Membru jastjeni f’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

    (6)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 hija emendata kif ġej:

    1.

    fl--Artikolu 2, paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-limitu finanzjarju massimu għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-perjodu 2021–2027 għandu jkun ta’ EUR 7 979 000 000 fi prezzijiet attwali.”

    ;

    2.

    fl- Artikolu 4, jiżdied il-punt li ġej:

    “(g)

    ‘eżerċizzju’ tfisser eżerċizzju militari tal-PSDK tal-Unjoni jew il-komponent militari ta’ eżerċizzju ċivili tal-PSDK, imwettaq f’konformità mal-Politika tal-Eżerċizzji tal-Unjoni Ewropea skont il-PESK.”;

    3.

    fl-Artikolu 17, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, kull amministratur jista’ jipproponi lill-Kumitat li jdaħħal fit-titoli tal-baġit taħt ir-responsabbiltà tiegħu għal sena partikolari approprjazzjonijiet ta’ impenn addizzjonali relatati ma’ pagamenti ffinanzjati b’kontribuzzjonijiet bil-quddiem, kif imsemmi fl-Artikolu 29(15), biex ikopru ħtiġijiet ta’ implimentazzjoni mhux previsti. L-approprjazzjonijiet ta’ impenn addizzjonali mdaħħla fil-baġit għandhom jitnaqqsu mil-limiti massimi finanzjarji annwali fis-snin futuri.”

    ;

    4.

    fl-Artikolu 26, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “8.   Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri fi kwalunkwe sena partikolari ma għandhomx jaqbżu s-sehem rispettiv tagħhom tal-limitu massimu ta’ pagament imsemmi fl-Artikolu 25(2). Dan il-limitu ma għandux japplika għal kontribuzzjonijiet addizzjonali skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu li jirriżultaw minn astensjonijiet minn miżuri ta’ assistenza, jew għal kontribuzzjonijiet bil-quddiem kif imsemmija fl-Artikolu 29(15).”

    ;

    5.

    l-Artikolu 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 28

    Finanzjament bikri

    1.   Il-Faċilità għandu jkollha sistema ta’ depożitu minimu li tipprovdi finanzjament bikri għall-operazzjonijiet ta’ rispons rapidu, miżuri urġenti tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 58 u, soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kumitat, għal miżuri ta’ assistenza individwali, fejn ma jkunux disponibbli fondi suffiċjenti u fejn il-proċedura ordinarja għall-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet ma tkunx tippermetti li dawk il-ħtiġijiet jiġu ssodisfati fi żmien opportun. Id-depożiti minimi għandhom jiġu amministrati minn kull amministratur rispettivament.

    2.   L-ammont tad-depożiti minimi għandu jiġi deċiż, u rivedut kif meħtieġ, mill-Kumitat, wara proposti mill-amministratur.

    3.   Għall-fini tal-finanzjament bikri tad-depożiti minimi, l-Istati Membri għandhom jew:

    (a)

    iħallsu kontribuzzjonijiet lill-Faċilità minn qabel; jew

    (b)

    meta l-Kunsill jiddeċiedi li jniedi operazzjoni ta’ rispons rapidu li huma jikkontribwixxu għaliha, japprova miżura urġenti, jew meta l-Kumitat jawtorizza l-użu tagħha għal miżuri ta’ assistenza individwali skont il-paragrafu 1, u jkun meħtieġ li wieħed jirrikorri għad-depożitu minimu, iħallsu il-kontribuzzjonijiet tagħhom fi żmien għaxart ijiem wara li tintbagħat is-sejħa fil-livell tal-ammont ta’ referenza tal-operazzjoni ta’ rispons rapidu jew tal-ispiża awtorizzata tal-miżura urġenti jew tal-miżura ta’ assistenza urġenti, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.”

    ;

    6.

    fl-Artikolu 29, il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “9.   Kwalunkwe parti użata mill-kontribuzzjonijiet bil-quddiem għad-depożiti minimi għandha tiġi fornuta mill-ġdid billi tiżdied il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri rilevanti fis-sejħa ordinarja li jmiss għal kontribuzzjonijiet, sakemm ma jkunux reġgħu fornew il-kontribuzzjoni tagħhom minn qabel. Jekk ikun hemm il-ħtieġa li jsir rikors għad-depożitu minimu u sadanittant l-Istati Membri kkonċernati ma jkunux reġgħu fornew il-kontribuzzjoni tagħhom, huma għandhom iħallsu l-ammont meħtieġ, jekk ikun hemm, fi żmien għaxart ijiem, skont l-Artikolu 28(3), il-punt (b).”

    ;

    7.

    fl-Artikolu 29, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “15.   Minbarra l-pagamenti magħmula wara sejħa għal kontribuzzjonijiet maħruġa f’konformità ma’ dan l-Artikolu, Stat Membru, fuq bażi volontarja u f’koordinazzjoni mal-amministratur responsabbli, jista’ jħallas kontribuzzjonijiet bil-quddiem f’sena finanzjarja partikolari. F’każ bħal dan, l-Istat Membru li pprovda l-kontribuzzjoni bil-quddiem għandu jindika f’koordinazzjoni mal-amministratur responsabbli s-snin finanzjarji li fir-rigward tagħhom dak l-ammont jitnaqqas mill-kontribuzzjonijiet futuri tiegħu.”

    ;

    8.

    fl-Artikolu 73, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “9.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-Eżerċizzju Militari tal-UE ta’ Maniġġar ta’ Kriżijiet 2023 (MILEX 23) għandu jkun ta’ EUR 5 000 000. Minbarra l-ispejjeż komuni eliġibbli għall-eżerċizzji skont l-Artikolu 45, l-ispejjeż inkrementali li ġejjin imġarrba għall-għoti ta’ appoġġ lill-kwartieri ġenerali u l-forzi li jipparteċipaw fl-eżerċizzju għandhom eċċezzjonalment ikunu eliġibbli għal dak l-eżerċizzju:

    (a)

    it-trasport, kif indikat fl-Anness IV għall-Grupp Tattiku tal-UE, inkluż għall-faċilitaturi strateġiċi tiegħu, u fil-post tal-operazzjonijiet simulat, kwartieri temporanji u akkomodazzjoni temporanja.

    (b)

    xogħlijiet għall-iskjerament/infrastruttura temporanja: nefqa assolutament meħtieġa għall-kwartieri ġenerali u l-forzi li jipparteċipaw fl-eżerċizzju biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu.

    (c)

    marki tal-identifikazzjoni: marki speċifiċi ta’ identifikazzjoni, karti tal-identità tal-‘Unjoni Ewropea’, badges, midalji, bnadar bil-kuluri tal-Unjoni jew marki ta’ identifikazzjoni oħrajn tal-Forza jew tal-kwartieri ġenerali (eskluż ħwejjeġ, kpiepel jew uniformijiet).

    (d)

    spejjeż operazzjonali: spejjeż inkrementali għal servizzi assolutament meħtieġa għall-appoġġ dirett għall-iskjerament f’punti ta’ dħul bl-ajru u/jew marittimi u żoni loġistiċi u ta’ assemblea.”

    ;

    9.

    l-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS I

    LIMITI MASSIMI FINANZJARJI ANNWALI

    L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati fil-limiti tal-ammonti li ġejjin, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17(3) u (3a) u soġġett għall-Artikolu 73(2):

    Prezzijiet kurrenti f’miljuni ta’ euro

     

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    Prezzijiet attwali

    399

    591

    980

    1 800

    1 375

    1 400

    1 434

    ”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. PEHRSON


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).


    Top