EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0069

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/69 tad-9 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436 fir-rigward tal-istandard armonizzat għaċ-ċikletti megħjuna bl-enerġija elettrika (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/33

ĠU L 7, 10.1.2023, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/08/2023; Impliċitament imħassar minn 32023D1586

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/69/oj

10.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/27


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/69

tad-9 ta’ Jannar 2023

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436 fir-rigward tal-istandard armonizzat għaċ-ċikletti megħjuna bl-enerġija elettrika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/42/KE, il-makkinarju manifatturat f’konformità ma’ standard armonizzat, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt li jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza koperti minn tali standard armonizzat.

(2)

Permezz tal-ittra M/396 tad-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni talbet (“it-talba M/396”) lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) biex jabbozzaw, jirrevedu u jlestu l-ħidma fuq l-istandards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE biex ikunu jqisu l-bidliet introdotti b’dik id-Direttiva meta mqabbla mad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(3)

Abbażi tat-talba M/396, is-CEN u s-Cenelec abbozzaw l-istandard armonizzat EN 15194:2017 għaċ-ċikletti megħjuna bl-enerġija elettrika. Ir-referenza ta’ dak l-istandard ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/436 (3).

(4)

Fit-23 ta’ Awwissu 2019, in-Netherlands ressqu oġġezzjoni formali f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/42/KE dwar l-istandard armonizzat EN 15194:2017, u sostnew li dan jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.5.5, 1.5.6 u 1.5.7 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, li l-istandard qed jiddikjara li jkopri. In-Netherlands argumentaw li fil-punti 4.2.3.1 u 4.2.3.2 tiegħu, l-istandard armonizzat EN 15194:2017 jagħti informazzjoni biss dwar id-disponibbiltà tal-istandards Ewropej EN 62133 u EN 50604-1 għall-ittestjar tal-batteriji, u jonqos milli jindirizza b’mod komprensiv l-integrazzjoni sikura tal-batteriji fil-pakketti tal-batteriji u l-inkorporazzjoni tal-pakketti tal-batteriji fl-apparat finali. In-Netherlands sostnew li dan mhuwiex biżżejjed biex jiġu vvalutati l-livelli ġenerali tas-sikurezza tal-apparat finali, jiġifieri l-biċikletti megħjuna bl-enerġija elettrika, kif juru l-inċidenti rikorrenti b’dawk il-vetturi mgħammra b’ċelloli tal-joni tal-litju u/jew b’pakketti tal-batteriji.

(5)

L-oġġezzjoni formali ġiet diskussa fil-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2006/42/KE, fil-laqgħat tat-2 u t-3 ta’ Diċembru 2019 u tad-19 u l-20 ta’ Frar 2020.

(6)

F’dawk il-laqgħat, il-Ġermanja qajmet oġġezzjoni addizzjonali billi esprimiet il-fehma li l-istandard armonizzat EN 15194:2017 jonqos ukoll milli jikkonforma mal-punti 1.5.9 u 3.6.3.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE fir-rigward tal-vibrazzjonijiet trażmessi liċ-ċiklist. Skont l-istandard armonizzat EN 15194:2017, dawk il-punti mhumiex applikabbli għall-biċikletti megħjuna bl-enerġija elettrika. Madankollu, skont il-Ġermanja, tali vibrazzjonijiet jistgħu jseħħu meta dawk il-biċikletti jintużaw fuq art li mhix livell.

(7)

L-oġġezzjonijiet formali li qajmu n-Netherlands u l-Ġermanja ġew diskussi fil-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), nhar it-2 ta’ Lulju 2021.

(8)

Wara li eżaminat l-istandard armonizzat EN 15194:2017 flimkien mar-rappreżentanti tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2006/42/KE u r-rappreżentanti tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.5.5, 1.5.6, 1.5.7, 1.5.9 u 3.6.3.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE.

(9)

Għalhekk, l-istandard armonizzat EN 15194:2017 jenħtieġ li jinżamm f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni.

(10)

Ir-referenza tal-istandard armonizzat EN 15194:2017 hija inkluża fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436. L-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE li huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjonijiet. Għalhekk, ir-referenza tal-istandard EN 15194:2017 jenħtieġ li titħassar mill-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436 u jenħtieġ li tiġi inkluża b’restrizzjoni fl-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(11)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(12)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

(2)  Id-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU L 207, 23.7.1998, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/436 tat-18 ta’ Marzu 2019 dwar l-istandards armonizzati għall-makkinarju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 75, 19.3.2019, p. 108).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).


ANNESS

L-Annessi I u II għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness I, titħassar ir-ringiela 16;

(2)

fl-Anness II, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

Nru

Referenza tal-istandard

Tip

“4.

EN 15194:2017

Ċikletti – Ċikletti megħjuna bl-enerġija elettrika – Biċikletti EPAC

Avviż 1: L-istandard armonizzat EN 15194:2017 ma jikkonferix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.5.5, 1.5.6 u 1.5.7 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, li jeżiġu li l-makkinarju jiġi ddisinjat u jinbena b’tali mod li jqis ir-riskji assoċjati ma’ temperaturi estremi, nirien u splużjonijiet.

Avviż 2: L-istandard armonizzat EN 15194:2017 ma jikkonferix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.5.9 u 3.6.3.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, li jirrikjedu li l-makkinarju jkun iddisinjat u mibni biex iqis ir-riskji li jirriżultaw mill-vibrazzjonijiet, u li l-makkinarju jrid jiġi pprovdut bil-kejl tal-vibrazzjonijiet trażmessi mill-makkinarju lill-operatur tal-makkinarju.

C”


Top