EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1519

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1519 tal-5 ta’ Mejju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom komposti inibituri u l-postproċessar tad-diġestat (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/2882

ĠU L 236, 13.9.2022, p. 5–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1519/oj

13.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1519

tal-5 ta’ Mejju 2022

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom komposti inibituri u l-postproċessar tad-diġestat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Prodott fertilizzanti li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2019/1009 rispettivament għall-kategorija funzjonali tal-prodotti (“PFC”) u għall-kategorija tal-materjali komponenti (“CMC”) rilevanti, li jkun ittikkettat f’konformità mal-Anness III ta’ dak ir-Regolament u jkun għadda b’suċċess mill-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009, wara jkun jista’ jiġi mmarkat CE u jkun jista’ jimxi liberament fis-suq intern bħala prodott fertilizzanti tal-UE.

(2)

Filwaqt li kienu qed jitħejjew għat-tranżizzjoni lejn regoli ġodda ta’ armonizzazzjoni, kemm l-Istati Membri kif ukoll il-partijiet ikkonċernati interessati infurmaw lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu adattati xi wħud mid-dispożizzjonijiet tekniċi fl-Annessi tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dawk l-emendi huma neċessarji biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq intern għall-prodotti fertilizzanti li jkunu agronomikament effiċjenti, sikuri, u diġà nnegozjati ħafna fis-suq. Uħud minn dawk l-emendi jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ tali prodotti, jiġifieri prodotti fertilizzanti effiċjenti agronomikament u sikuri, billi jtejbu l-konsistenza ma’ atti legali u objettivi ta’ politika oħra tal-Unjoni. Huma meħtieġa emendi oħra sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn kategoriji sinifikanti ta’ prodotti fertilizzanti jiġu esklużi bla ħsieb mir-regoli ta’ armonizzazzjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009, kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1768 (2) jippermetti lill-manifatturi jużaw ċerti tipi ta’ polimeri fil-prodotti fertilizzanti tal-UE jekk dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stipulati f’CMC 1 u CMC 11 fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009. Waħda mill-kundizzjonijiet hija li l-polimeru jkun irreġistrat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Fil-Komunikazzjoni bit-titolu “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” (4), il-Kummissjoni ħabbret ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jestendi l-obbligu tar-reġistrazzjoni għal ċerti polimeri. B’konsegwenza, għal raġunijiet ta’ koerenza u konsistenza, l-obbligu tar-reġistrazzjoni tal-polimeri, l-ewwel nett, jenħtieġ li jiġi rregolat permezz tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, minħabba li d-diskussjonijiet għar-reviżjoni tiegħu joffru kuntest usa” u l-possibbiltà li jittieħed approċċ olistiku, qabel ma jsir applikabbli skont ir-Regolament (UE) 2019/1009.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi obbligu għar-reġistrazzjoni tal-manjeżja f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jeżenta l-manjeżja, li mhix modifikata kimikament, mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni, minħabba li r-reġistrazzjoni hija meqjusa mhux xierqa jew mhux meħtieġa għax dik is-sustanza u l-eżenzjoni tagħha mill-obbligu tar-raġistrazzjoni ma jipperikolawx l-objettivi ta’ dak ir-Regolament. Il-manjeżja għandha storja twila ta’ użu fil-fertilizzanti u ma għandha ebda klassifikazzjoni armonizzata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Meta dan jitqies u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq intern tal-fertilizzanti li fihom il-manjeżja bħala prodotti fertilizzanti tal-UE, l-obbligu tar-reġistrazzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009 jenħtieġ li ma jibqax japplika għall-manjeżja li tintuża fil-fertilizzanti.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi r-rekwiżiti għal inibituri bħala prodotti fertilizzanti tal-UE li jappartjenu għal PFC 5 u għal prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom l-inibituri bħala materjal komponent li jappartjeni għal CMC 1. Sabiex tiġi evitata ebda konfużjoni, it-terminoloġija użata f’dak ir-Regolament jenħtieġ li tiġi emendata biex tirrifletti d-distinzjoni bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet. Għaldaqstant, it-terminu “kompost inibitur” jenħtieġ li tintuża kull meta jikkonċerna sustanza jew taħlita li ttejjeb il-mudell tar-rilaxx tan-nutrijenti ta’ nutrijent billi jdewwem jew iwaqqaf l-attività ta’ gruppi speċifiċi ta’ mikroorganiżmi jew enżimi. It-terminu “inibitur” jenħtieġ li jintuża biss meta jirreferi għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li jappartjenu għall-PFC 5. Din id-distinzjoni hija importanti peress li l-inibituri jistgħu jkunu taħlitiet li jkun fihom sustanzi oħra, bħall-istabbilizzaturi, minbarra l-komposti inibituri. L-użu korrett ta’ dawk it-termini huwa neċessarju biex jiffaċilita l-moviment liberu tal-prodotti fertilizzanti tal-UE, għax jistabbilixxi b’mod ċar ir-regoli li japplikaw f’kull sitwazzjoni.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jinkludi r-rekwiżiti li jiżguraw li l-komposti inibituri huma effiċjenti, iżda ma jistabbilixxix ir-rekwiżiti dwar l-effiċjenza tal-fertilizzant jew tat-taħlita li jkun fiha tali komposti inibituri. L-użu ta’ prodotti effiċjenti li fihom dawn is-sustanzi jgħin biex jiġi evitat it-tniġġis ambjentali kkawżat mil-lissija tan-nitroġenu. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni intitolati “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, l-Ilma u l-Ħamrija” (6) u “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (7) isemmu l-preokkupazzjonijiet ambjentali u l-miri ambizzjużi biex jitnaqqas it-telf tan-nutrijenti b’50 % sal-2030. Għaldaqstant huwa importanti li jiġi żgurat li l-prodotti fertilizzanti, li fihom il-komposti inibituri, jkunu effiċjenti. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009, jiġi emendat biex jinkludi rekwiżit li l-komposti inibituri jkunu preżenti fil-fertilizzanti (PFC 1) jew f’taħlita ta’ prodotti fertilizzanti (PFC 7) b’konċentrazzjoni, li tkun fi ħdan il-medda ta’ konċentrazzjonijiet li tiżgura l-effiċjenza tal-kompost inibitur. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tat-tikkettar addizzjonali jenħtieġ li jiżguraw li l-manifatturi tal-inibituri msemmija fil-PFC 5 jipprovdu struzzjonijiet ċari dwar kif dawn il-prodotti għandhom jitħalltu ma’ fertilizzant sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tagħhom.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi r-regoli dwar l-użu ta’ diġestat tal-għelejjel friski u dwar id-diġestat għajr id-diġestat tal-għelejjel friski, minn hawn ’il quddiem komunement imsejjaħ “diġestat”, bħala l-materjali komponenti fil-prodotti fertilizzanti tal-UE. Dak ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-proċessi tad-diġestjoni. Madankollu, ma jipprevedi ebda regola oħra għall-postproċessar tad-diġestat.

(8)

Ir-Rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) bit-titolu “End-of-waste criteria for biodegradable waste subjected to biological treatment (compost & digestate)” (Kriterji dwar it-tmiem tal-istadju tal-iskart għal skart bijodegradabbli suġġett għal trattament bijoloġiku (kompost u diġestat): Technical proposals” (Proposti tekniċi) (8)jistqarr li d-diġestat jintuża spiss fl-agrikoltura, jew sħiħ jew wara separazzjoni fi frazzjoni solida u likwida. Dik is-separazzjoni tiffaċilita l-ħżin tal-materjali u t-trasport tagħhom fuq distanzi twal, u dan huwa partikolarment importanti għal prodott ittikkettat CE. Is-separazzjoni mekkanika ta’ diġestat fil-frazzjonijiet solidi u likwidi huwa metodu li jintuża komunement f’xi Stati Membri u jidher li huwa metodu stabbilit sew skont studju reċenti bit-titolu “Digestate and compost as fertilisers:Risk assessment and risk management options” (9). Is-separazzjoni ta’ diġestat fil-frazzjonijiet solidi u likwidi tista’ toħloq riskji limitati jekk jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-proċess ta’ wara d-diġestjoni u għall-addittivi li għandhom jintużaw. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat biex jinkludi dan il-proċess ta’ wara d-diġestjoni, bil-kundizzjonijiet li l-addittivi li jintużaw ma jaqbżux ċerta konċentrazzjoni, u li jkunu rreġistati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Jeħtieġ li jiġu permessi dawn il-proċessi fir-Regolament (UE) 2019/1009 sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq intern għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom id-diġestati u biex jiġu adattati r-rekwiżiti stabbiliti għal dawn il-kategoriji ta’ materjali komponenti għall-progress tekniku. Dan joħloq ukoll opportunitajiet ġodda għall-irkupru tal-bijoskart, u b’hekk jaqbel mal-pjanijiet ambizzjużi ġenerali għal ekonomija ċirkolari.

(9)

Apparti s-separazzjoni mekkanika ta’ diġestat fil-frazzjonijiet solidi u likwidi, spiss jintużaw proċessi oħra biex jitneħħa l-ilma minn diġestat jew mill-frazzjonijiet tiegħu. Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jippermetti lill-manifatturi jipproċessaw aktar id-diġestat jew il-frazzjonijiet tiegħu sabiex jiġi estratt l-ilma, mingħajr l-intenzjoni li b’xi mod ieħor jimmodifikaw kimikament il-materjali komponenti. Barra minn hekk, in-nitroġenu u l-fosforu jistgħu jiġu rkuprati minn diġestat permezz tal-istrippaġġ jew tal-preċipitazzjoni. Sabiex tingħalaq din il-lakuna, huwa importanti mhux biss li tinħoloq il-possibbiltà għall-irkupru ta’ dawn in-nutrijenti mid-diġestat, iżda wkoll li jkun permess l-użu tad-diġestat li jifdal fil-prodotti fertilizzanti tal-UE, ladarba jkun fih diversi nutrijenti u materja organika oħra. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għall-użu tal-addittivi meħtieġa għal tali proċessi.

(10)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li jistabbilixxi r-regoli ġenerali li japplikaw għall-pollutanti organiċi persistenti. Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi valur limitu ta’ 0,8 mg/kg ta’ materja niexfa ta’ poliklorobifenil mhux simili għad-diossini (ndl-PCB), għall-materjali ta’ piroliżi u gassifikazzjoni li jappartjenu għal CMC 14. Madankollu, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/2021, il-PCB ma jridux ikunu preżenti f’sustanzi jew f’taħlitiet imqiegħda fis-suq tal-UE. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mar-Regolament (UE) 2019/1021 u ċ-ċarezza dwar il-fatt li ma għandu jinsab l-ebda ndl-PCB fil-prodotti fertilizzanti tal-UE bil-materjali ta’ piroliżi jew ta’ gassifikazzjoni, dak il-valur ta’ limitu fir-Regolament (UE) 2019/1009 jenħtieġ li jitħassar.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(3)

L-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament;

(4)

L-Anness IV huwa emendat f’konformità mal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1768 tat-23 ta’ Ġunju 2021 li jemenda, għall-fini tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku, l-Annessi I, II, III u IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE (ĠU L 356, 8.10.2021, p. 8).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità, COM(2020) 667 final tal-14 ta’ Ottubru 2020.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, l-Ilma u l-Ħamrija”, COM(2021) 400 final tat-12 ta’ Mejju 2021.

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, COM(2020) 381 final tal-20 ta’ Mejju 2020.

(8)  Saveyn H, Eder P. End-of-waste criteria for biodegradable waste subjected to biological treatment (compost and digestate): Technical proposals, EUR 26425, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2013. JRC87124.

(9)  Digestate and compost as fertilisers: Risk assessment and risk management options, 2019, 40039CL003i3.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45).


ANNESS I

Il-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:

(1)

fil-punt 2 tal-PFC 1(C) it-tieni inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

- komposti inibituri tan-nitrifikazzjoni, tad-denitrifikazzjoni jew tal-ureażi kif imsemmi fil-punt 4 ta’ CMC 1 fil-Parti II tal-Anness II,”;

(2)

It-Taqsima “PFC 7” hija emendata kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt 2a li ġej:

“2a.

Għandu jkun preżenti kompost inibitur f’taħlita b’konċentrazzjoni, li tkun fi ħdan firxa ta’ konċentrazzjonijiet li jiżguraw il-kisba tar-rati ta’ tnaqqis fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-PFC 5 fil-Parti II ta’ dan l-Anness u, rispettivament, fil-punt 4 tas-CMC 1 fil-Parti II tal-Anness II, fil-livell tat-taħlita.”.

(b)

is-sentenza introduttorja fil-punt 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“Il-manifattur tat-taħlita għandu jivvaluta l-konformità tat-taħlita mar-rekwiżiti stipulati fil-punti 1, 2 u 2a ta’ dan il-PFC, għandu jiżgura l-konformità tat-taħlita mar-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness III, u jassumi r-responsabbiltà skont l-Artikolu 16(4) ta’ dan ir-Regolament, għall-konformità tat-taħlita mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament billi:”.


ANNESS II

Il-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:

(1)

It-Taqsima “CMC 1” hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

Is-sustanzi kollha inkorporati fil-prodott fertilizzanti tal-UE, waħedhom jew f’taħlita, ħlief il-polimeri, għandhom ikunu ġew irreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (*), b’dossier li jkun fih:

(a)

l-informazzjoni prevista fl-Annessi VI, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(b)

rapport tas-sigurtà kimika skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li jkopri l-użu bħala prodott fertilizzanti,

sakemm ma jkunx kopert b’mod espliċitu minn waħda mill-eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew mill-punti 6, 7, 8, 9 jew 10 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament.

(*)  Fil-każ ta’ sustanza rkuprata fl-Unjoni Ewropea, din il-kundizzjoni tiġi ssodisfata jekk is-sustanza tkun l-istess, fis-sens tal-punt (d)(i) tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, bħal sustanza rreġistrata b’dossier li jkun fih l-informazzjoni indikata hawnhekk, u jekk l-informazzjoni tkun disponibbli għall-manifattur tal-prodott fertilizzanti fis-sens tal-punt (d)(ii) tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.”;"

(b)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Meta s-sustanza jew waħda mis-sustanzi fit-taħlita tkun maħsuba biex ittejjeb il-mudelli tar-rilaxx tan-nutrijenti tal-prodott fertilizzanti tal-UE billi tittardja jew twaqqaf l-attività ta’ gruppi speċifiċi ta’ mikroorganiżmi jew enzimi, dik is-sustanza għandha tkun kompost inibitur tan-nitrifikazzjoni, tad-denitrifikazzjoni jew tal-ureażi, u għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

Il-kompost inibitur tan-nitrifikazzjoni għandu jinibita l-ossidazzjoni bijoloġika tan-nitroġenu ammonjakali (NH3-N) li jinsab fil-prodott fertilizzanti tal-UE f’nitroġenu f’forma ta’ nitrit (NO2 -), u għalhekk idewwem il-formazzjoni tan-nitroġenu f’forma ta’ nitrat (NO3 -).

Ir-rata ta’ ossidazzjoni tan-nitroġenu ammonjakali (NH3-N) għandha titkejjel permezz ta’ waħda mit-tnejn li ġejjin:

(i)

l-għajbien tan-nitroġenu ammonjakali (NH3-N);

(ii)

is-somma tal-produzzjoni tan-nitroġenu f’forma ta’ nitrit (NO2 -) u tan-nitroġenu f’forma ta’ nitrat (NO3 -) imqabbel mal-ħin.

Meta mqabbel ma’ kampjun ta’ kontroll fejn ma jkunx żdied kompost inibitur tan-nitrifikazzjoni, kampjun ta’ ħamrija li jkun fih l-inibitur tan-nitrifikazzjoni għandu juri tnaqqis ta’ 20 % fir-rata ta’ ossidazzjoni tan-nitroġenu ammonjakali (NH3-N) abbażi ta’ analiżi mwettqa 14-il jum wara l-applikazzjoni fil-livell ta’ affidabbiltà ta’ 95 %.

Il-kompost inibitur tan-nitrifikazzjoni għandu jkun preżenti fil-prodott fertilizzanti tal-UE b’konċentrazzjoni, li tkun fi ħdan il-firxa ta’ konċentrazzjonijiet li tiżgura l-kisba ta’ tali tnaqqis.

Mill-inqas 50 % tal-kontenut totali tan-nitroġenu (N) tal-prodott fertilizzanti tal-UE għandu jikkonsisti minn nitroġenu (N) f’forma ta’ ammonju (NH4 +) u ta’ urea (CH4N2O).

(b)

Il-kompost inibitur tad-denitrifikazzjoni għandu jwaqqaf il-formazzjoni ta’ ossidu nitruż (N2O) billi jnaqqas ir-ritmu tal-konverżjoni tan-nitrat (NO3 -) f’dinitroġenu (N2), jew jimblokkaha, mingħajr ma jinfluwenza l-proċess ta’ nitrifikazzjoni kif deskritt f’PFC 5(A).

Meta mqabbel ma’ kampjun ta’ kontroll fejn ma jkunx żdied kompost inibitur tad-denitrifikazzjoni, test in vitro li jkun fih il-kompost inibitur tad-denitrifikazzjoni għandu juri tnaqqis ta’ 20 % fir-rata tar-rilaxx tal-ossidu nitruż (N2O) abbażi ta’ analiżi mwettqa 14-il jum wara l-applikazzjoni fil-livell ta’ affidabbiltà ta’ 95 %.

Il-kompost inibitur tad-denitrifikazzjoni għandu jkun preżenti fil-prodott fertilizzanti tal-UE b’konċentrazzjoni, li tkun fi ħdan il-firxa ta’ konċentrazzjonijiet li tiżgura l-kisba ta’ tali tnaqqis.

(c)

Il-kompost inibitur tal-ureażi għandu jwaqqaf l-azzjoni idrolitika fuq l-urea (CH4N2O) li tinsab fil-prodott fertilizzanti tal-UE permezz tal-enzima ureażi, primarjament bil-ħsieb li titnaqqas il-volatilizzazzjoni tal-ammonijaka.

Meta mqabbel ma’ kampjun ta’ kontroll fejn ma jkunx żdied kompost inibitur tal-ureażi, test in vitro li jkun fih il-kompost inibitur tal-ureażi għandu juri tnaqqis ta’ 20 % fir-rata tal-idroliżi tal-urea (CH4N2O) abbażi ta’ analiżi mwettqa 14-il jum wara l-applikazzjoni fil-livell ta’ affidabbiltà ta’ 95 %.

Il-kompost inibitur tal-ureażi għandu jkun preżenti fil-prodott fertilizzanti tal-UE b’konċentrazzjoni, li tkun fi ħdan il-firxa ta’ konċentrazzjonijiet li tiżgura l-kisba ta’ tali tnaqqis.

Mill-inqas 50 % tal-kontenut totali tan-nitroġenu (N) tal-prodott fertilizzanti tal-UE għandu jikkonsisti min-nitroġenu (N) f’forma ta’ urea (CH4N2O).”;

(2)

fil-punt 1(d) tat-Taqsima “CMC 3”, is-subpunt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-addittiv jikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 f’CMC 1 u”;

(3)

It-Taqsima “CMC 4” hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1(b), is-subpunt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-addittiv jikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 f’CMC 1 u”;

(b)

jiddaħħlu l-punti 3a, 3b, 3c u 3d li ġejjin:

“3a.

Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkollu frazzjoni solida jew likwida, miksuba permezz tas-separazzjoni mekkanika ta’ diġestat li jkun konformi mal-punti 1 sa 3.

3b.

Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih diġestat konformi mal-punti 1 sa 3, jew frazzjoni konformi mal-punt 3a, li minnhom l-ammonju u/jew il-fosfat solubbli kollu jew parti minnu jkun tneħħa biex jiġi rkuprat in-nitroġenu u/jew il-fosforu, mingħajr l-intenzjoni li b’xi mod ieħor jiġi mmodifikat id-diġestat jew il-frazzjoni.

3c.

Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih diġestat konformi mal-punti 1 sa 3 jew mal-punt 3b, kif ukoll frazzjoni konformi mal-punt 3a, li jkunu għaddew biss minn ipproċessar fiżiku biex jitneħħa l-ilma mingħajr l-intenzjoni li b’xi mod jiġu mmodifikati d-diġestat jew il-frazzjoni.

3d.

L-addittivi meħtieġa wara l-ipproċessar ta’ diġestat jew ta’ frazzjoni f’konformità mal-punti 3a, 3b u 3c jistgħu jintużaw dment li:

(a)

l-addittiv jikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 tas-CMC 1;

(b)

il-konċentrazzjoni tal-addittivi meħtieġa f’kull wieħed mill-proċessi ma taqbiżx il-5 % tal-piż tad-diġestat jew tal-frazzjoni użati bħala input fil-proċess rispettiv.”;

(c)

fil-punt 4, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Id-diġestat jew il-frazzjoni msemmija fil-punti 3a, 3b u 3c għandhom jissodisfaw tal-inqas wieħed mill-kriterji ta’ stabbiltà li ġejjin:”;

(4)

It-Taqsima “PFC 5” hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1(d), is-subpunt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-addittiv jikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 f’CMC 1 u”;

(b)

jiddaħħlu l-punti 3a, 3b, 3c u 3d li ġejjin:

“3a.

Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkollu frazzjoni solida jew likwida, miksuba permezz tas-separazzjoni mekkanika ta’ diġestat li jkun konformi mal-punti 1 sa 3.

3b.

Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih diġestat konformi mal-punti 1 sa 3, jew frazzjoni konformi mal-punt 3a, li minnhom l-ammonju u/jew il-fosfat solubbli kollu jew parti minnu jkun tneħħa biex jiġi rkuprat in-nitroġenu u/jew il-fosforu, mingħajr l-intenzjoni li b’xi mod ieħor jiġi mmodifikat id-diġestat jew il-frazzjoni.

3c.

Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih diġestat konformi mal-punti 1 sa 3 jew mal-punt 3b, kif ukoll frazzjoni konformi mal-punt 3a, li jkunu għaddew biss minn ipproċessar fiżiku biex jitneħħa l-ilma mingħajr l-intenzjoni li b’xi mod jiġu mmodifikati d-diġestat jew il-frazzjoni.

3d.

L-addittivi meħtieġa wara l-ipproċessar ta’ diġestat jew ta’ frazzjoni f’konformità mal-punti 3a, 3b u 3c jistgħu jintużaw dment li:

(a)

l-addittiv jikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 tas-CMC 1;

(b)

il-konċentrazzjoni tal-addittivi meħtieġa f’kull wieħed mill-proċessi ma taqbiżx il-5 % tal-piż tad-diġestat jew tal-frazzjoni użati bħala input fil-proċess rispettiv.”;

(c)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Id-diġestat jew il-frazzjoni msemmija fil-punti 3a, 3b u 3c ma għandux ikollhom iktar minn 6 mg/kg ta’ materja niexfa ta’ PAH16  (**).

(**)  Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.”,"

(d)

fil-punt 5, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Id-diġestat jew il-frazzjoni msemmija fil-punti 3a, 3b u 3c għandu jkun fihom:”,

(e)

fil-punt 6, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Id-diġestat jew il-frazzjoni msemmija fil-punti 3a, 3b u 3c għandhom jissodisfaw tal-inqas wieħed mill-kriterji ta’ stabbiltà li ġejjin:”;

(5)

fit-Taqsima “CMC 6”, il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

Is-sustanzi kollha inkorporati f’prodott fertilizzanti tal-UE, waħidhom jew f’taħlita, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżit stipulat fil-punt 2 f’CMC 1”;

(6)

fit-Taqsima “CMC 11”, il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

Il-prodotti sekondarji għandhom jikkonformaw mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 tas-CMC 1.”;

(7)

fit-Taqsima “CMC 12”, il-punt 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“13.

L-imlieħ tal-fosfat preċipitat jew id-derivati tagħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 ta’ CMC 1.”;

(8)

fit-Taqsima “CMC 13”, il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.

Il-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 ta’ CMC 1.”;

(9)

It-Taqsima “CMC 14” hija emendata kif ġej:

(a)

jitħassar il-punt 3(c);

(b)

il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.

Il-materjali tal-piroliżi u tal-gassifikazzjoni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 ta’ CMC 1.”;

(10)

fit-Taqsima “CMC 15”, il-punt 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.

Il-materjal ta’ purità għolja għandu jikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 ta’ CMC 1.”.


(*)  Fil-każ ta’ sustanza rkuprata fl-Unjoni Ewropea, din il-kundizzjoni tiġi ssodisfata jekk is-sustanza tkun l-istess, fis-sens tal-punt (d)(i) tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, bħal sustanza rreġistrata b’dossier li jkun fih l-informazzjoni indikata hawnhekk, u jekk l-informazzjoni tkun disponibbli għall-manifattur tal-prodott fertilizzanti fis-sens tal-punt (d)(ii) tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.”;

(**)  Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.”,”


ANNESS III

Il-Parti II tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:

(1)

It-Taqsima “PFC 1” hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

Ir-regoli li ġejjin japplikaw għall-fertilizzanti li jkun fihom komposti inibituri, kif inhu speċifikat f’ “CMC” 1 fil-Parti II tal-Anness II:

(a)

it-tikketta għandu jkollha fuqha l-kliem “inibitur tan-nitrifikazzjoni”, “inibitur tad-denitrifikazzjoni” jew “inibitur tal-ureażi”, skont il-każ;

(b)

il-kontenut tal-kompost inibitur tan-nitrifikazzjoni għandu jkun espress bħala % skont il-massa tan-nitroġenu (N) totali preżenti bħala nitroġenu tal-ammonju (NH4 +) u nitroġenu tal-urea (CH4N2O);

(c)

il-kontenut tal-kompost inibitur tad-denitrifikazzjoni għandu jiġi espress bħala % skont il-massa tan-nitrat (NO3 -) preżenti;

(d)

il-kontenut tal-kompost inibitur tal-ureażi għandu jiġi espress bħala % skont il-massa tan-nitroġenu (N) totali preżenti bħala nitroġenu tal-urea (CH4N2O).”;

(b)

fil-punt 4(a), is-subpunt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

komposti inibituri tan-nitrifikazzjoni, tad-denitrifikazzjoni jew tal-ureażi kif imsemmi fil-punt 4 ta’ CMC 1 fil-Parti II tal-Anness II,”;

(2)

It-Taqsima “PFC 5: INIBITUR” hija sostitwita b’dan li ġej:

“PFC 5: INIBITUR”

1.

L-ingredjenti kollha għandhom jiġu ddikjarati skont il-piż jew il-volum tal-prodott f’ordni dekrexxenti tad-daqs.

2.

Il-kontenut tal-kompost(i) inibitur(i) bħala % tal-massa jew tal-volum għandu jiġi ddikjarat.

3.

L-istruzzjonijiet għall-użu msemmija fil-punt 1(d) tal-Parti I ta’ dan l-Anness għandu jkun fihom informazzjoni dwar:

(a)

it-tipi ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE li jista’ jitħallat magħhom l-inibitur, partikolarment:

(i)

għall-inibitur tan-nitrifikazzjoni msemmi fil-PFC 5(A) fil-Parti II tal-Anness I, prodott fertilizzanti tal-UE li fih mill-inqas 50 % tal-kontenut tan-nitroġenu totali (N) jikkonsisti mill-forom ta’ nitroġenu (N) (NH4 +) u urea (CH4N2O).

(ii)

għall-inibitur tal-ureażi msemmi fil-PFC 5(C) fil-Parti II tal-Anness I, prodott fertilizzanti tal-UE li fih mill-inqas 50 % tal-kontenut tan-nitroġenu totali (N) jikkonsisti mill-forma ta’ nitroġenu (N) urea (CH4N2O);

(b)

il-konċentrazzjoni minima u massima rakkomandata tal-kompost(i) inibitur(i) meta mħallta ma’ fertilizzant qabel l-użu tiegħu:

(i)

għall-inibitur tan-nitrifikazzjoni msemmija fil-PFC 5(A) fil-Parti II tal-Anness I, bħala % tal-massa tan-nitroġenu (N) totali preżenti bħala nitroġenu tal-ammonju (NH4 +) u nitroġenu tal-urea (CH4N2O);

(ii)

għall-inibitur tad-denitrifikazzjoni msemmi f’PFC 5(B) fil-Parti II tal-Anness I, bħala % tal-massa tan-nitrat (NO3 -) preżenti;

(iii)

għall-inibitur tal-ureażi msemmi fil-PFC 5(C) fil-Parti II tal-Anness I, bħala % tal-massa tan-nitroġenu totali (N) preżenti bħala nitroġenu tal-urea (CH4N2O);

(3)

fit-Taqsima “PFC 7: TAĦLITA TA’ PRODOTTI FERTILIZZANTI” jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Fejn it-taħlita ta’ prodotti fertilizzanti jkun fiha inibitur wieħed jew aktar tal-PFC 5, l-istruzzjonijiet għall-użu msemmija fil-punt 3 tal-PFC 5 fil-Parti II ta’ dan l-Anness ma għandhomx jiżdiedu.”.

Fil-Parti III tal-Anness III, it-Taqsima “PFC 1: FERTILIZZANT” hija sostitwita b’dan li ġej:

“PFC 1: FERTILIZZANT

Ir-regoli ta’ tolleranza li ġejjin japplikaw għall-fertilizzanti li jkun fihom komposti inibituri tan-nitrifikazzjoni, tad-denitrifikazzjoni, jew tal-ureażi kif inhu speċifikat f’CMC 1 fil-Parti II tal-Anness II:

Komposti inibituri

Tolleranza permissibbli għall-kontenut dikjarat ta’ komposti inibituri

Konċentrazzjoni ta’ 2 % jew inqas

± 20 % tal-valur dikjarat

Konċentrazzjoni ta’ iktar minn 2 %

± 0,3 punti perċentwali f’termini assoluti”


ANNESS IV

Il-Parti I tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:

(1)

Fil-punt 1.1, is-subpunt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

sustanzi jew taħlitiet ta’ materjal verġni kif speċifikat f’CMC 1 fil-Parti II tal-Anness II, ħlief kompost inibitur tan-nitrifikazzjoni, tad-denitrifikazzjoni jew tal-ureażi,”;

(2)

Fil-punt 3.1, is-subpunt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

kompost inibitur tan-nitrifikazzjoni, tad-denitrifikazzjoni jew tal-ureażi kif imsemmi f’CMC 1 fil-Parti II tal-Anness II,”.


Top