Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1404

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1404 tas-16 ta’ Awwissu 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Lonicera L., li joriġinaw mit-Turkija u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica, li joriġinaw mill-Moldova

    C/2022/5797

    ĠU L 214, 17.8.2022, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1404/oj

    17.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 214/3


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1404

    tas-16 ta’ Awwissu 2022

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Lonicera L., li joriġinaw mit-Turkija u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica, li joriġinaw mill-Moldova

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju preliminari, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għall-pjanti, għall-prodotti tal-pjanti u għall-oġġetti oħra ta’ riskju kbir.

    (3)

    Wara valutazzjoni preliminari, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 iddaħħlu 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Fosthom kien hemm ukoll il-ġeneri Lonicera L. u Malus Mill.

    (4)

    Fis-27 ta’ Novembru 2019, it-Turkija ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti bl-għeruq ta’ bejn sentejn u erba’ snin biex jitħawlu fi qsari, tal-Lonicera x bella, il-Lonicera caprifolium, il-Lonicera caucasica, il-Lonicera etrusca, il-Lonicera fragrantissima, il-Lonicera hellenica, il-Lonicera japonica, il-Lonicera ligustrina, il-Lonicera sempervirens u il-Lonicera tatarica (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-ispeċijiet speċifikati tal-Lonicera”). Dik it-talba kienet sostnuta mid-dossier tekniku rilevanti.

    (5)

    Fil-25 ta’ Novembru 2021, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-kommoditajiet dwar il-pjanti fil-qsari tal-ispeċijiet speċifikati tal-Lonicera għat-tħawwil mit-Turkija (4). Dik l-opinjoni xjentifika tkopri l-valutazzjoni tar-riskju tal-ispeċijiet speċifikati tal-pjanti fil-qsari għat-tħawwil tal-Lonicera li għandhom età massima ta’ erba’ snin. L-Awtorità identifikat lill-Lopholeucaspis japonica, il-Meloidogyne chitwoodi u l-Bemisia tabaci (popolazzjonijiet Ewropej) bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji dwar dawk il-pesti deskritti fid-dossier, u stmat il-probabbiltà li dawn ikunu ħielsa minn dawk il-pesti. Il-Lopholeucaspis japonica u l-Meloidogyne chitwoodi huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (5), filwaqt li l-Bemisia tabaci (popolazzjonijiet Ewropej) huwa pest ta’ kwarantina f’żona protetta f’konformità mal-Anness III ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    (6)

    Fl-4 ta’ Marzu 2020, il-Moldova ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti mlaqqma ta’ bejn sena u tliet snin bl-għeruq mikxufin, lesti biex jitħawlu, tal-Malus domestica li jkunu inattivi u mingħajr weraq. Dik it-talba kienet sostnuta mid-dossier tekniku rilevanti.

    (7)

    Fit-22 ta’ Frar 2022, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji ta’ komodità ta’ pjanti għat-tħawwil imlaqqma tal-Malus domestica mill-Moldova (6). L-Awtorità identifikat ix-Xiphinema rivesi (popolazzjonijiet mhux tal-UE) bħala pest rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għal dak il-pest u stmat il-probabbiltà li dawn ikunu ħielsa minn dak il-pest. Ix-Xiphinema rivesi (popolazzjonijiet mhux tal-UE) huwa pest ta’ kwarantina fl-Unjoni f’konformità mal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

    (8)

    Abbażi ta’ dawn l-opinjonijiet, ir-riskju ta’ pesti mill-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti bl-għeruq ta’ mhux aktar minn erba’ snin għat-tħawwil f’materjal għat-tkabbir tal-Lonicera x bella, il-Lonicera caprifolium, il-Lonicera caucasica, il-Lonicera etrusca, il-Lonicera fragrantissima, il-Lonicera hellenica, il-Lonicera ligustrina, il-Lonicera sempervirens u l-Lonicera tatarica, li joriġinaw mit-Turkija u ta’ pjanti inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin, bl-għeruq mikxufin, ta’ mhux aktar minn tliet snin għat-tħawwil tal-Malus domestica, li joriġinaw mill-Moldova, huwa kkunsidrat aċċettabbli suġġett għall-konformità mar-rekwiżiti speċjali tal-importazzjoni korrispondenti kif stipulati fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

    (9)

    B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li dawk il-pjanti għat-tħawwil ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli u jenħtieġ li jitneħħew mil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

    (10)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Meta titqies in-natura invażiva tal-Lonicera japonica, jeħtieġ li ssir valutazzjoni tar-riskju oħra biex jiġi ddeterminat l-impatt tagħha fuq il-bijodiversità fl-Unjoni. Għalhekk, l-importazzjoni ta’ pjanti tal-Lonicera japonica għat-tħawwil fl-Unjoni mill-pajjiżi terzi kollha jenħtieġ li tibqa’ pprojbita sakemm titwettaq dik il-valutazzjoni tar-riskju.

    (12)

    Jenħtieġ li sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji (7), l-importazzjoni tal-ispeċijiet speċifikati tal-Lonicera L.għajr il-Lonicera japonica, li joriġinaw mit-Turkija u l-pjanti inattivi, mingħajr weraq, bl-għeruq mikxufin, imlaqqma ta’ mhux aktar minn tliet snin għat-tħawwil tal-Malus domestica, li joriġinaw mill-Moldova, għandhom jissoktaw kemm jista’ jkun malajr. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (13)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).

    (4)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2022. Scientific report on the commodity risk assessment of specified species of Lonicera potted plants from Turkey. EFSA Journal; 2022;20(1):7014, 56 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2022.7014.

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

    (6)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2022. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of grafted plants of Malus domestica from Moldova. EFSA Journal; 2022;20(3):7021, 39 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2022.7201.

    (7)  Agreement on the Application of Sanitary and Phytosanitary Measures (SPS Agreement), (adottat fil-15 ta’ April 1994, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995; UNTS Volum 1867, p. 493) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, https://www.wto.org/english/tratop_e/sps_e/spsagr_e.htm.


    ANNESS

    Fit-Tabella fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, it-tieni kolonna “Deskrizzjoni” hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-entrata ta’ “Lonicera L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

    Lonicera L. għajr pjanti bl-għeruq li jkollhom sa erba’ snin fil-materjal għat-tkabbir, tal-Lonicera x bella, il-Lonicera caprifolium, il-Lonicera caucasica, il-Lonicera etrusca, il-Lonicera fragrantissima, il-Lonicera hellenica, il-Lonicera ligustrina, il-Lonicera sempervirens u il-Lonicera tatarica, li joriġinaw mit-Turkija”;

    (2)

    l-entrata “Malus Mill., għajr pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u sentejn, bl-għeruq mikxufin, inattivi, imlaqqmin tal-Malus domestica li joriġinaw mis-Serbja” tinbidel b’dan li ġej:

    Malus Mill., għajr:

    pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u sentejn, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin, tal-Malus domestica li joriġinaw mis-Serbja; kif ukoll

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn tliet snin, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin, tal-Malus domestica li joriġinaw mill-Moldova”.


    Top