Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1225

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1225 tat-14 ta' Lulju 2022 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikkawżat mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja

    C/2022/5101

    ĠU L 189, 18.7.2022, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1225/oj

    18.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 189/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1225

    tat-14 ta' Lulju 2022

    dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikkawżat mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Minħabba l-kriżi attwali kkawżata mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022, li bdiet ftit wara l-kriżi tal-COVID-19, il-bdiewa fl-Istati Membri kollha qed jiffaċċjaw diffikultajiet eċċezzjonali. Il-problemi loġistiċi għamlu lill-bdiewa fl-UE vulnerabbli għat-tfixkil ekonomiku tal-ktajjen tal-provvista kkawżat minn din il-kriżi, u bħalissa qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità. Fid-dawl tat-tfixkil kontinwu fis-suq u l-kombinazzjoni bla preċedent ta’ ċirkostanzi, il-bdiewa fl-Istati Membri kollha ltaqgħu ma’ diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Huwa għalhekk meħtieġ li jittaffew dawk id-diffikultajiet billi jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (2)

    L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jistgħu jimplimentaw, bħala parti mill-programmi operazzjonali approvati tagħhom, miżuri ta’ prevenzjoni u mmaniġġjar ta’ kriżijiet, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(3) ta’ dak ir-Regolament, li huma maħsuba biex iżidu r-reżiljenza tagħhom għat-tfixkil fis-suq. Madankollu, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 33(3) ta’ dak ir-Regolament, dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet ma għandhomx jammontaw għal iżjed minn terz tan-nefqa taħt il-programm operazzjonali. Sabiex tingħata aktar flessibbiltà lil dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi sabiex ikunu jistgħu jidderieġu r-riżorsi disponibbli tagħhom taħt il-programmi operazzjonali tagħhom lejn l-indirizzar tat-tfixkil fis-suq, dik ir-regola jenħtieġ li ma tapplikax fis-sena 2022.

    (3)

    Huma meħtieġa miżuri speċifiċi biex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il-fondi operazzjonali tagħhom billi jippermettulhom jidderieġu mill-ġdid il-fondi, inkluża l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fi ħdan il-fond operazzjonali, lejn l-azzjonijiet u l-miżuri li huma meħtieġa biex ikunu indirizzati l-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Biex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jagħmlu dan, huwa meħtieġ li, fis-sena 2022, ikun hemm żieda fil-limitu tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 minn 50 % għal 70 % tan-nefqa reali mġarrba.

    (4)

    Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, b’mod partikolari meta wieħed iqis it-tfixkil kontinwu fis-suq, l-effetti tagħhom fuq is-settur tal-frott u l-ħxejjex u l-fatt li dan se jissokta u jmur għall-agħar, hemm bżonn tittieħed azzjoni immedjata u jiġu adottati miżuri urġenti li jtaffu l-effetti negattivi tagħhom. Id-dewmien ta’ azzjoni immedjata biex jiġi indirizzat dan it-tfixkil fis-suq jirriskja li jaggravahom, u dan ikun ta’ detriment għall-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tas-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

    (5)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Derogi temporanji mill-Artikolu 33(3) u 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

    B’deroga mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-limitu ta’ terz tan-nefqa taħt il-programm operazzjonali għall-miżuri ta’ prevenzjoni u mmaniġġjar ta’ kriżijiet fis-settur tal-frott u l-ħxejjex imsemmi f’dik id-dispożizzjoni ma għandux japplika fis-sena 2022.

    B’deroga mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-fond operazzjonali fis-sena 2022 ma għandhiex taqbeż l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-fondi operazzjonali approvati mill-Istati Membri għas-sena 2022 u għandha tkun limitata għal 70 % tan-nefqa reali mġarrba.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-14 ta' Lulju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


    Top