EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0674

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/674 tat-22 ta’ April 2022 li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar ikkonsenjati mit-Tajwan, mill-Indoneżja, mis-Sri Lanka u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2022/2412

ĠU L 122, 25.4.2022, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/674/oj

25.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/31


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/674

tat-22 ta’ April 2022

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar ikkonsenjati mit-Tajwan, mill-Indoneżja, mis-Sri Lanka u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/95 (2), il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”), kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar ikkonsenjati mit-Tajwan, l-Indoneżja, is-Sri Lanka u l-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le.

(2)

Permezz tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 763/2000 (3), tliet produtturi Tajwaniżi, Chup Hsin Enterprise Co. Ltd, Niang Hong Pipe Fittings Co. Ltd, u Rigid Industries Co. Ltd. kienu eżentati mill-estensjoni tad-dazju, peress li nstab li l-kumpaniji msemmija ma evitawx il-miżuri.

(3)

Madankollu, l-eżenzjoni mill-estensjoni tad-dazju għall-importazzjonijiet tal-fittings prodotti minn Chup Hsin Enterprise Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A098) u Niang Hong Pipe Fittings Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A100) tħassret bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 803/2009 (4).

(4)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 jiddikjara b’mod żbaljat li l-importazzjonijiet ta’ fittings prodotti minn Chup Hsin Enterprise Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A098) u minn Niang Hong Pipe Fittings Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A100) jibqgħu jiġu eżentati mill-applikazzjoni tad-dazji antidumping.

(5)

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkoreġi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 sabiex tirrettifika l-iżball imsemmi fil-premessa (4). Din ir-rettifika jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95, jiġifieri s-26 ta’ Jannar 2022.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/95 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-dazju antidumping definittiv impost mill-Artikolu 1 fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet tal-istess fittings (attwalment ikklassifikati taħt il-kodiċijiet TARIC: 7307931191; 7307931991; 7307998092) ikkonsenjati mit-Tajwan (kodiċi addizzjonali TARIC A999), kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan kif ukoll jekk le, bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti minn Rigid Industries Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A099).”.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jikkoreġu d-dikjarazzjonijiet doganali aċċettati mis-26 ta’ Jannar 2022 affettwati mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament u jiġbru retroattivament id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-tagħmir prodott minn Chup Hsin Enterprise Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A098) u Niang Hong Pipe Fittings Co. Ltd, Kaohsiung (it-Tajwan) (kodiċi addizzjonali TARIC A100).

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b’effett retroattiv mis-26 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/95 tal-24 ta’ Jannar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar ikkonsenjati mit-Tajwan, mill-Indoneżja, mis-Sri Lanka u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 16, 25.1.2022, p. 36).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 763/2000 tal-10 ta’ April 2000 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv, impost mir-Regolament (KE) Nru 584/96 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajipijiet, tal-ħadid u tal-azzar, li jkunu joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji tat-tubi u tal-pajpijiet, tal-ħadid u tal-azzar, ikkonsenjati mit-Tajwan, kemm jekk ikunu dikjarati bħala li jorġinaw mit-Tajwan kif ukoll jekk le, u sabiex tintemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet minn tliet esportaturi Tajwaniżi (ĠU L 94, 14.4.2000, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 803/2009 tas-27 ta’ Awwissu 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja, u dawk kunsinjati mit-Tajwan, kemm jekk dikjarati bħala oriġinarji mit-Tajwan, kif ukoll jekk mhumiex, u li jirrevoka l-eżenzjoni mogħtija lil Chup Hsin Enterprise Co. Ltd. u Nian Hong Pipe Fittings Co. Ltd (ĠU L 233, 4.9.2009, p. 1).


Top