Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0394

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/394 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    ST/6973/2022/INIT

    ĠU L 81, 9.3.2022, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/394/oj

    9.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 81/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/394

    tad-9 ta’ Marzu 2022

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (PESK) 2022/395 (1) tad-9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 833/2014 (2).

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (3).

    (3)

    Fid-9 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/395 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK u li timponi aktar miżuri restrittivi fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ prodotti u teknoloġija tan-navigazzjoni marittima.

    (4)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/395 tespandi, għas-settur marittimu, il-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal limitazzjonijiet ta’ finanzjament permezz ta’ self, titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus. Billi huwa komunement mifhum li s-self u l-krediti jistgħu jiġu pprovduti bi kwalunkwe mezz, inklużi kriptoassi, minħabba n-natura speċifika tagħhom huwa xieraq li jiġi speċifikat aktar il-kunċett ta’ “titoli trasferibbli” fir-rigward ta’ tali assi.

    (5)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/395 testendi wkoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Iżvizzera l-eżenzjoni relatata mad-depożiti.

    (6)

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 833/2014, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-eċċezzjoni għall-forniment ta’ finanzjament għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet fl-Annessi relatati ma’ prodotti u teknoloġija pprojbiti.

    (7)

    Għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dawk il-miżuri fl-Istati Membri kollha.

    (8)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 833/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 833/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, il-kliem introduttorji tal-punt (f) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(f)

    ‘titoli trasferibbli’ tfisser il-klassijiet segwenti ta' titoli, inklużi dawk fil-forma ta’ kriptoassi, li huma negozjabbli fis-suq kapitali, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti ta' ħlas:”;

    (2)

    fl-Artikolu 2d, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   Meta Stat Membru jagħti awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikoli 2(4)(d), 2a(4)(d) u 3f(4) għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija maħsuba għas-sikurezza marittima, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien ġimgħatejn mill-awtorizzazzjoni.”;

    (3)

    fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 2e, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    il-forniment ta’ finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja sal-valur totali ta’ EUR 10 000 000 għal kull proġett li minnu jibbenefikaw l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju stabbiliti fl-Unjoni; jew”;

    (4)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 3f

    1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ prodotti u teknoloġija tan-navigazzjoni marittima, kif elenkat fl-Anness XVI, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, għall-użu fir-Russja, jew għat-tqegħid abbord ta’ bastiment bil-bandiera Russa.

    2.   Għandu jkun ipprojbit:

    (a)

    il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-prodotti jew teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk il-prodotti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja.

    (b)

    il-forniment ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawk il-prodotti jew teknoloġija, jew għall-forniment ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja.

    3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-forniment relatat ta’ assistenza teknika u finanzjarja, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, maħsuba għal skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent jew bħala rispons għal diżastri naturali.

    4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il- bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-forniment relatat ta’ assistenza teknika u finanzjarja, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu stabbilew li tali prodotti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huwa intenzjonati għas-sigurtà marittima.”;

    (5)

    fl-Artikolu 5a, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Huma pprojbiti tranżazzjonijiet relatati mal-ġestjoni ta' riżervi kif ukoll ta' assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, inkluż tranżazzjonijiet ma' kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħal The Russian National Wealth Fund.”;

    (6)

    fl-Artikolu 5b, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Iżvizzera, jew għal persuni fiżiċi li għandhom permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera.”;

    (7)

    l-Anness VI huwa emendat f’konformità mal-Anness I għal dan ir-Regolament;

    (8)

    l-Anness IX huwa emendat f’konformità mal-Anness II għal dan ir-Regolament;

    (9)

    l-Anness XIII huwa emendat f’konformità mal-Anness III għal dan ir-Regolament;

    (10)

    It-test li jidher fl-Anness IV għal dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness XVI għar-Regolament (UE) 833/2014.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-Y. LE DRIAN


    (1)  Ara l-paġna 8 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


    ANNESS I

    L-Anness VII għar-Regolament (UE) Nru 833/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-test introduttorju, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, oġġetti mhux ikkontrollati li fihom komponent wieħed jew aktar elenkati f’dan l-Anness mhumiex soġġetti għall-kontrolli skont l-Artikoli 2a u 2b ta’ dan ir-Regolament.”;

    (2)

    fil-punt c. tas-sottokategorija X.A.I.001 tal-Kategorija I - Elettroniċi, il-punt 2. huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.

    Riżoluzzjoni ta' 12 bit b'rata ta' output akbar minn 105 Mega Kampjuni kull Sekonda (Mega Samples per Second, MSPS);”;

    (3)

    fil-punt c. tas-sottokategorija X.B.I.001 tal-Kategorija I - Elettroniċi, il-punt 2. Huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.

    Pullers tal-kristall “ikkontrollati bi programm maħżun” li għandhom xi waħda mill-karatteristiċi li ġejjin:

    a.

    Rikarikabbli mingħajr ma jinbidel il-kontenitur tal-griġjol;

    b.

    Kapaċi jaħdmu fi pressjonijiet ogħla minn 2,5 x 105 Pa; jew

    c.

    Kapaċi jiġbdu kristalli ta’ dijametru ta’ aktar minn 100 mm;”;

    (4)

    fil-punt i tas-sottokategorija X.B.I.001 tal-Kategorija I - Elettroniċi, il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.

    Tagħmir ta’ ‘depożitu kimiku f’fwar’ li jopera taħt il-105 Pa; jew”;

    (5)

    fis-subkategorija X.A.VII.001 tal-Kategorija VII - Ajruspazju u Propulsjoni, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “X.A.VII.001

    Magni diżil, u tratturi u komponenti ddisinjati apposta għalihom, minbarra dawk speċifikati fis-CML jew fir-Regolament (UE) 2021/821:”;

    (6)

    fis-subkategorija X.A.VII.002 tal-Kategorija VII - Ajruspazju u Propulsjoni, il-punt c. huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “c.

    Magni b’turbini tal-gass aero u komponenti ddisinjati apposta għalihom.”.


    ANNESS II

    L-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 833/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-Mudell A, ir-referenzi kollha għar-“Regolament XXX/XXX” huma sostitwiti b’“Regolament (UE) Nru 833/2014”.

    (2)

    Fil-Mudell B, ir-referenzi kollha għar-“Regolament XXX/XXX” huma sostitwiti b’“Regolament (UE) Nru 833/2014”.


    ANNESS III

    Fl-Anness XIII għar-Regolament (UE) Nru 833/2014, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

    “Ir-Reġistru Marittimu Russu tat-Tbaħħir ”.


    ANNESS IV

    “ANNESS XVI

    LISTA TA' PRODOTTI U TEKNOLOĠIJA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3F

    Kategorija VI - Marittima

    X.A.VI.001

    Bastimenti, sistemi jew tagħmir tal-baħar, u komponenti ddisinjati apposta għalihom, komponenti u aċċessorji:

    (a)

    Tagħmir li jinsab fil-Kapitolu 4 (tagħmir tan-navigazzjoni) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni applikabbli dwar ir-rekwiżiti tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-prestazzjoni u l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar adottat f’konformità mal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar it-tagħmir tal-baħar;

    (b)

    Tagħmir li jinsab fil-Kapitolu 5 (tagħmir tal-kommunikazzjoni bir-radju) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni applikabbli dwar ir-rekwiżiti tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-prestazzjoni u tal-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar adottat f’konformità mal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar it-tagħmir tal-baħar;


    Top