EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0208

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/208 tal-14 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/8907

ĠU L 35, 17.2.2022, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/208/oj

17.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/208

tal-14 ta’ Diċembru 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 (2) jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi relatati mal-ajrudromi, inklużi dispożizzjonijiet li jindirizzaw is-sistema ta’ gwida u kontroll tal-moviment fuq is-superfiċe u l-operazzjonijiet f’viżibilità baxxa fl-ajrudromi.

(2)

Sabiex dawk id-dispożizzjonijiet jiġu allinjati mal-Annessi 6 u 14 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u mad-Dokument 9365 tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”) huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp fl-ajrudromi, billi jiġu żgurati d-disponibbiltà tal-għajnuniet viżwali u mhux viżwali xierqa kif ukoll ta’ tagħmir ieħor tal-ajrudromi, id-disponibbiltà tal-informazzjoni meħtieġa, u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri xierqa.

(3)

L-Anness I (Definizzjonijiet) tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 jenħtieġ li jiġi emendat fir-rigward tad-definizzjonijiet tal-altitudni ta’ deċiżjoni, tar-runway ta’ strument, tal-operazzjonijiet f’viżibilità baxxa, tal-proċeduri f’viżibilità baxxa, tat-tlugħ f’viżibilità baxxa, tal-operazzjoni bi krediti operazzjonali u tal-operazzjoni tal-avviċinament bl-istrumenti tat-Tip B.

(4)

L-Anness III (Parti-ADR.OR) tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 jistabbilixxi rekwiżiti ta’ organizzazzjoni għall-operaturi tal-ajrudromi. Dak l-Anness sar antikwat fir-rigward tal-qafas regolatorju fejn jikkonċerna l-għajnuniet viżwali u mhux viżwali, b’mod partikolari fir-rigward tat-tagħmir meteoroloġiku u għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tad-disponibbiltà u l-manutenzjoni ta’ għajnuniet viżwali u mhux viżwali u kwalunkwe tagħmir ieħor meħtieġ biex jiġu appoġġati l-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp.

(5)

L-Anness IV (Parti-ADR.OPS) tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-operazzjoni tal-ajrudromi. Dak l-Anness jenħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi proċeduri operazzjonali speċifiċi applikabbli għall-operatur tal-ajrudrom li jindirizzaw is-sistema ta’ gwida u kontroll tal-moviment fuq is-superfiċe u l-operazzjonijiet f’viżibilità baxxa fl-ajrudromi.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 139/2014 jiġi emendat skont dan.

(7)

Skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 75(2) u skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ħejjiet u ppreżentat l-Opinjoni Nru 02/2021 (3) lill-Kummissjoni fir-rigward tal-abbozz tar-regoli ta’ implimentazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1).

(3)  https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions


ANNESS

Ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt (16a) li ġej:

“(16a)

“altitudni ta’ deċiżjoni” (“DA”) jew “gћoli ta’ deċiżjoni” (“DH”) tfisser altitudni jew għoli speċifikati f’operazzjoni ta’ avviċinament bl-istrumenti 3D li fih trid tinbeda proċedura ta’ avviċinament interrott jekk ir-referenza viżwali meħtieġa biex jitkompla l-avviċinament ma tkunx ġiet stabbilita;”;

(b)

il-punt (22) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(22)

“runway ta’ strument” tfisser waħda mit-tipi ta’ runways li ġejjin maħsuba għall-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru bl-użu ta’ proċeduri tal-avviċinament bl-istrumenti:

1.

“runway b’approċċ mhux bi preċiżjoni”: runway attrezzata b’għajnuniet viżwali u b’mill-inqas għajnuna mhux viżwali waħda, maħsuba għall-operazzjonijiet tal-inżul wara operazzjoni tal-avviċinament bl-istrumenti tat-tip A;

2.

“runway b’avviċinament bi preċiżjoni, il-Kategorija I”: runway attrezzata b’għajnuniet viżwali u b’mill-inqas għajnuna mhux viżwali waħda, maħsuba għall-operazzjonijiet tal-inżul wara operazzjoni tal-avviċinament bl-istrumenti tat-tip B CAT I;

3.

“runway b’avviċinament bi preċiżjoni, il-Kategorija II”: runway attrezzata b’għajnuniet viżwali u b’mill-inqas għajnuna mhux viżwali waħda, maħsuba għall-operazzjonijiet tal-inżul wara operazzjoni tal-avviċinament bl-istrumenti tat-tip B CAT I;

4.

“runway b’avviċinament bi preċiżjoni, il-Kategorija III”: runway attrezzata b’għajnuniet viżwali u b’mill-inqas għajnuna mhux viżwali waħda, maħsuba għall-operazzjonijiet tal-inżul wara operazzjoni tal-avviċinament bl-istrumenti tat-tip B CAT I”;

(c)

jiddaħħal il-punt (24c) li ġej:

“(24c)

“operazzjonijiet f’viżibilità baxxa (LVOs)” tfisser operazzjonijiet ta’ avviċinament jew ta’ tlugħ fuq runway b’medda viżwali tar-runway ta’ inqas minn 550 m jew b’għoli ta’ deċiżjoni ta’ inqas minn 200 pied;”;

(d)

il-punt (25) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(25)

“proċeduri f’viżibilità baxxa” tfisser proċeduri applikati f’ajrudrom għall-fini li tiġi żgurata s-sikurezza waqt operazzjonijiet f’viżibilità baxxa;”;

(e)

il-punt (26) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(26)

“tlugħ f’viżibilità baxxa (LVTO)” tfisser tlugħ b’medda viżwali tar-runway ta’ inqas minn 550 m;”;

(f)

il-punt (27) jitħassar;

(g)

jiddaħħal il-punt (34c) li ġej:

“(34c)

“operazzjoni bi krediti operazzjonali’ tfisser operazzjoni bl-użu ta’ inġenji tal-ajru jew tagħmir tal-art speċifiċi, jew kombinazzjoni ta’ inġenji tal-ajru u tagħmir tal-art li tippermetti kwalunkwe wieħed mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni ta’ valuri minimi operattivi tal-ajrudrom li jkunu inqas mill-istandard għal klassifikazzjoni partikolari tal-operazzjoni;

(b)

ir-rekwiżiti tal-viżibilità jistgħu jiġu ssodisfati jew jitnaqqsu;

(c)

huma meħtieġa inqas faċilitajiet tal-art;”;

(h)

il-punt (35) jitħassar;

(i)

il-punt (47b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(47b)

“operazzjoni ta’ avviċinament bl-istrumenti tat-tip B” tfisser operazzjoni ta’ avviċinament bl-istrumenti b’għoli ta’ deċiżjoni aktar baxx minn 75 m (250 pied) kategorizzata kif ġej:

1.

Kategorija I (CAT I): għoli ta’ deċiżjoni mhux iktar baxx minn 60 m (200 pied) u b’viżibilità ta’ mhux inqas minn 800 m jew medda viżwali tar-runway ta’ mhux inqas minn 550 m;

2.

Kategorija II (CAT II): għoli ta’ deċiżjoni iktar baxx minn 60 m (200 pied), iżda mhux iktar baxx minn 30 m (100 pied) u medda viżwali tar-runway ta’ mhux inqas minn 300 m;

3.

Kategorija III (CAT III): għoli ta’ deċiżjoni iktar baxx minn 30 m (100 pied) jew l-ebda gћoli ta’ deċiżjoni u medda viżwali tar-runway ta’ inqas minn 300 m jew l-ebda limitazzjoni tal-medda viżwali tar-runway.”;

(2)

Fl-Anness III, fil-punt ADR.OR.C.005, jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

L-operatur tal-ajrudrom, sabiex jiżgura l-operazzjoni sikura tal-inġenji tal-ajru fl-ajrudrom, għandu jipprovdi u jwettaq il-manutenzjoni, direttament jew permezz ta’ arranġamenti ma’ partijiet terzi, ta’ għajnuniet viżwali u mhux viżwali, tagħmir meteoroloġiku u kwalunkwe tagħmir ieħor, proporzjonat mat-tip ta’ operazzjonijiet imwettqa fl-ajrudrom.”;

(3)

L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(a)

fis-Subparti A, jiżdiedu l-punti ADR.OPS.A.070, ADR.OPS.A.075, ADR.OPS.A.080 u ADR.OPS.A.085 li ġejjin:

ADR.OPS.A.070 Informazzjoni dwar is-sistema tat-tidwil tal-ajrudrom

L-operatur tal-ajrudrom għandu jirrapporta lis-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika l-informazzjoni dwar il-partijiet tas-sistema tat-tidwil tal-ajrudrom fejn l-unitajiet tad-dawl ikunu dwal b’dijodi li jemettu d-dawl (LED).

ADR.OPS.A.075 Ċarts

L-operatur tal-ajrudrom, jew direttament jew permezz ta’ arranġamenti ma’ partijiet terzi, għandu jiżgura li ċ-ċarts rilevanti għall-ajrudrom jiġu ppubblikati fl-AIP mill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika.

ADR.OPS.A.080 Informazzjoni dwar ir-radjunavigazzjoni u l-għajnuniet għall-inżul

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura, direttament jew permezz ta’ arranġamenti ma’ partijiet terzi, li tiġi pprovduta informazzjoni lis-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika dwar ir-radjunavigazzjoni u l-għajnuniet għall-inżul assoċjati mal-avviċinament bl-istrumenti u l-proċeduri taż-żona tat-terminals fl-ajrudrom.

(b)

L-informazzjoni msemmija fil-punt (a) għandha tinkludi dan li ġej:

(1)

it-tip ta’ għajnuniet;

(2)

il-varjazzjoni manjetika sal-eqreb grad, kif xieraq;

(3)

it-tip ta’ operazzjoni appoġġata għal ILS/MLS/GLS, GNSS bażika u SBAS;

(4)

il-klassifikazzjoni għal ILS;

(5)

il-klassifikazzjoni tal-faċilità u deżinjazzjoni(jiet) tal-faċilità/faċilitajiet ta’ avviċinament għal GBAS;

(6)

għal VOR/ILS/MLS, id-deklinazzjoni tal-istazzjon sal-eqreb grad, użata għall-allinjar tekniku tal-għajnuna;

(7)

l-identifikazzjoni, jekk meħtieġa;

(8)

il-frekwenza/i, in-numru/i tal-kanal(i), il-fornitur ta’ servizzi u l-identifikatur(i) tat-trajettorja ta’ referenza (RPI(s)), kif xieraq;

(9)

is-sigħat ta’operazzjoni, kif xieraq;

(10)

il-koordinati ġeografiċi fi gradi, f’minuti, f’sekondi u f’kemm-il wieħed minn għaxra ta’ sekonda tal-pożizzjoni tal-antenna tat-trażmissjoni, kif xieraq;

(11)

l-elevazzjoni tal-antenna tat-trażmissjoni tad-DME sal-eqreb 30 m (100 pied) u tal-preċiżjoni tat-tagħmir ta’ kejl tad-distanza (DME/P) sal-eqreb 3 m (10 piedi), l-elevazzjoni tal-punt ta’ referenza tal-GBAS sal-eqreb metru jew pied, u l-għoli tal-elissojde tal-punt sal-eqreb metru jew pied; għall-SBAS, l-għoli tal-elissojde tal-punt ta’ livell limitu tal-inżul (LTP) jew tal-punt ta’ livell limitu fittizju (FTP) sal-eqreb metru jew pied;

(12)

ir-radjus tal-volum tas-servizz mill-punt ta’ referenza tal-GBAS sal-eqreb kilometru jew mil nawtiku; u

(13)

rimarki.

ADR.OPS.A.085 Informazzjoni dwar il-penetrazzjoni tas-superfiċe tas-segment viżwali (VSS)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura, direttament jew permezz ta’ arranġamenti ma’ partijiet terzi, li l-informazzjoni dwar il-penetrazzjoni tas-superfiċe tas-segment viżwali tiġi pprovduta lis-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika, inklużi l-proċedura u l-valuri minimi tal-proċedura affettwati.”;

(b)

is-Subparti B hija emendata kif ġej:

(i)

il-punt ADR.OPS.B.030 huwa emendat kif ġej:

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li fl-ajrudrom tiġi pprovduta sistema ta’ gwida u ta’ kontroll tal-moviment fuq is-superfiċe (SMGCS). L-SMGCS għandha:

(1)

tqis il-karatteristiċi tad-disinn u l-kundizzjonijiet operazzjonali u meteoroloġiċi tal-ajrudrom, kif ukoll il-prinċipji tal-fatturi umani;

(2)

tkun iddisinjata biex tassisti fil-prevenzjoni ta’:

(i)

inkursjonijiet involontarji ta’ inġenji tal-ajru u vetturi fuq runway attiva; u

(ii)

kolliżjonijiet bejn inġenji tal-ajru kif ukoll bejn inġenji tal-ajru u vetturi jew oġġetti fuq kwalunkwe parti taż-żona ta’ moviment; u

(3)

tkun appoġġata b’mezzi u bi proċeduri adegwati.”;

jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jikkoordina l-iżvilupp tal-proċeduri tal-SMGCS fl-ajrudrom mal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru.”;

(ii)

il-punt ADR.OPS.B.045 huwa sostitwit b’dan li ġej:

ADR.OPS.B.045 Proċeduri f’viżibilità baxxa

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-ajrudrom jiġi pprovdut b’tagħmir u b’faċilitajiet tal-ajrudrom adegwati, u li jiġu stabbiliti u implimentati proċeduri f’viżibilità baxxa adegwati meta jkun maħsub li tintuża għal kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet li ġejjin:

(1)

tlugħ f’viżibilità baxxa;

(2)

operazzjonijiet ta’ avviċinament u nżul b’kundizzjonijiet ta’ viżibilità ta’ inqas minn 550 m RVR jew DH ta’ inqas minn 200 pied (60 m);

(3)

operazzjonijiet bi krediti operazzjonali fejn l-RVR reali tkun inqas minn 550 m.

Il-proċeduri f’viżibilità baxxa għandhom jikkoordinaw il-moviment ta’ inġenji tal-ajru u vetturi u għandhom jirrestrinġu jew jipprojbixxu attivitajiet fiż-żona ta’ moviment.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta l-proċeduri f’viżibilità baxxa f’kooperazzjoni mal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru. Il-proċeduri f’viżibilità baxxa għandhom jinkludu kriterji għat-tħejjija, għall-bidu u għat-terminazzjoni tagħhom. Il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq il-valuri tal-RVR u tal-bażi tas-sħab.

(c)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jinforma lill-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika u lill-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, kif xieraq, bi kwalunkwe bidla fl-istatus tat-tagħmir u tal-faċilitajiet tal-ajrudrom li jkollha impatt fuq l-operazzjonijiet f’viżibilità baxxa.

(d)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-proċeduri f’viżibilità baxxa lill-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika, għall-pubblikazzjoni fl-AIP.

(e)

Il-proċeduri f’viżibilità baxxa, u kwalunkwe bidla fihom, għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti.”.


Top