Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022L1648

    Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1648 tat-23 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Direttiva 2003/91/KE fir-rigward ta’ deroga għal varjetajiet organiċi ta’ speċijiet ta’ ħxejjex adattati għall-produzzjoni organika

    C/2022/6648

    ĠU L 248, 26.9.2022, p. 52–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2022/1648/oj

    26.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/52


    DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1648

    tat-23 ta’ Settembru 2022

    li temenda d-Direttiva 2003/91/KE fir-rigward ta’ deroga għal varjetajiet organiċi ta’ speċijiet ta’ ħxejjex adattati għall-produzzjoni organika

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/91/KE (2) għandha l-għan li tiżgura li l-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ ħxejjex li l-Istati Membri jinkludu fil-katalgi nazzjonali tagħhom jikkonformaw mal-protokolli stabbiliti mill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“CPVO”). B’mod partikolari, dawk il-protokolli għandhom l-għan li jiżguraw konformità mar-regoli li jikkonċernaw il-karatteristiċi li għandhom jiġu koperti bħala minimu mill-eżami u mill-kondizzjonijiet minimi għall-eżami ta’ ċerti varjetajiet ta’ speċijiet ta’ ħxejjex biex jiġu stabbiliti d-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà (“DUS”). Għall-ispeċijiet mhux koperti mill-protokolli tas-CPVO, dik id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura konformità mal-linji gwida tat-test tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti (“UPOV”).

    (2)

    Hemm bżonn li jiġi żgurat li l-produtturi jkunu jistgħu jużaw varjetajiet organiċi adattati għall-produzzjoni organika li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ tnissil organiku. Uħud minnhom jissodisfaw il-kriterji tad-DUS tal-varjetajiet l-oħra kollha tal-istess speċi, iżda varjetajiet oħra maħsuba għall-produzzjoni organika huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ diversità ġenetika u fenotipika bejn l-unitajiet riproduttivi individwali.

    (3)

    Għalhekk, l-istandards għall-uniformità definiti fil-protokolli eżistenti tad-DUS u l-linji gwida tas-CPVO u tal-UPOV mhumiex adattati għal varjetajiet organiċi għall-produzzjoni organika, li huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ diversità ġenetika u fenotipika.

    (4)

    Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi offruta l-possibbiltà li wieħed jiddevja mill-protokolli eżistenti ta’ eżami tad-DUS biex ikunu aktar adattati għal varjetajiet organiċi adattati għall-produzzjoni organika. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu aġġustati l-protokolli eżistenti għall-eżami tal-varjetajiet għal ċerti speċijiet biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-agrikoltura organika. Għalhekk huwa xieraq li ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/91/KE.

    (5)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena u sal-31 ta’ Diċembru 2030, dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet u riżultati tal-eżamijiet tad-DUS, sabiex jiġi żgurat rieżami regolari ta’ dawk ir-rekwiżiti u tiġi vvalutata aktar il-ħtieġa li jiġu emendati, jitneħħew jew jiġu applikati wkoll għal speċijiet oħra.

    (6)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2003/91/KE tiġi emendata skont dan.

    (7)

    L-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi professjonisti kkonċernati jenħtieġ li jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju ruħhom b’mod adegwat qabel ma jibdew japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2003/91/KE

    Id-Direttiva 2003/91/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Fir-rigward tad-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà:

    (a)

    l-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness I għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-‘Protokoll għall-provi għal distintività, uniformità u stabbilità’ tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) imniżżlin f’dak l-Anness;

    (b)

    l-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness II għandhom jikkonformaw mal-linji gwida tal-test għat-twettiq ta’ testijiet għad-distintività, l-uniformità u l-istabbilità tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti (UPOV) imniżżlin f’dak l-Anness.

    B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-uniformità, il-varjetajiet organiċi adattati għall-produzzjoni organika, li jappartjenu għall-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness III, Parti A, jistgħu minflok jikkonformaw mal-kondizzjonijiet imniżżlin fil-Parti B ta’ dak l-Anness.

    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena u sal-31 ta’ Diċembru 2030, dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjonijiet tal-varjetajiet u r-riżultati tal-eżamijiet għad-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà (DUS) li jikkonċernaw dawk il-varjetajiet organiċi”;

    (2)

    It-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva jiżdied bħala l-Anness III.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2023. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2023.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif issir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/91/KE tas-6 ta’ Ottubru 2003 li twaqqaf il-miżuri ta’ implimentazzjoni għall-għanijiet ta’ Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE rigward il-karatteristiċi li għandhom jiġu inklużi bħala minimu ottenut mill-eżami u l-kondizzjonijiet minimi għall-eżami ta’ ċerti varjetajiet ta’ speċi ta’ ħaxix (ĠU L 254, 8.10.2003, p. 11).


    ANNESS

    “ANNESS III

    PARTI A

    Lista ta’ speċijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2)

    Zunnarija

    Ġidra

    PARTI B

    Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar testijiet għad-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà għal varjetajiet organiċi ta’ speċijiet ta’ ħxejjex adattati għall-produzzjoni organika

    1.   Regola ġenerali

    Dan li ġej għandu japplika għal varjetajiet organiċi ta’ speċijiet ta’ ħxejjex adattati għall-produzzjoni organika

    1.1.

    Fir-rigward tad-distintività u l-istabbiltà, il-karatteristiċi kollha tal-protokolli u l-linji gwida msemmija fl-Annessi I u II għandhom jiġu osservati u deskritti.

    1.2.

    Fir-rigward tal-uniformità, il-karatteristiċi kollha tal-protokolli u l-linji gwida msemmija fl-Annessi I u II għandhom jiġu osservati u deskritti u dan li ġej għandu japplika għall-karatteristiċi mniżżlin skont il-punt 2:

    (a)

    dawk il-karatteristiċi jistgħu jiġu vvalutati b’mod inqas strett;

    (b)

    fejn għal dawk il-karatteristiċi tkun prevista deroga mill-protokoll tekniku rispettiv f’dak il-punt 2, il-livell ta’ uniformità fil-varjetà għandu jkun simili għal-livell ta’ uniformità ta’ varjetajiet komparabbli ta’ għarfien komuni fl-Unjoni.

    2.   Deroga mill-protokolli tekniċi

    2.1.   Zunnarija

    Għall-varjetajiet li jappartjenu għall-ispeċi zunnarija (Daucus carota L.) il-karatteristiċi tad-DUS li ġejjin tal-protokoll CPVO-TP/049/3 tas-CPVO tal-varjetà ttestjata jistgħu għall-uniformità jiddevjaw mir-rekwiżiti tad-DUS li ġejjin:

    CPVO Nru 4

    Werqa: it-tqassim

    CPVO Nru 5

    Werqa: l-intensità ta’ kulur aħdar

    CPVO Nru 19

    Għerq: id-dijametru tal-qalba relattiv għad-dijametru totali

    CPVO Nru 20

    Għerq: il-kulur tal-qalba

    CPVO Nru 21

    Minbarra varjetajiet b’qalba bajda; Għerq: l-intensità tal-kulur tal-qalba

    CPVO Nru 28

    Għerq: il-ħin ta’ kolorazzjoni tat-tarf

    CPVO Nru 29

    Pjanta: l-għoli tal-umbella primarja fiż-żmien tal-fjoritura tagħha

    2.2.   Ġidra

    Għall-varjetajiet li jappartjenu għall-ispeċi ġidra (Brassica oleracea L.) il-karatteristiċi DUS li ġejjin tal-protokoll tas-CPVO CPVO-TP/065/1 Rev. tal-varjetà ttestjata jistgħu għall-uniformità jiddevjaw mir-rekwiżiti tad-DUS li ġejjin tal-protokoll tekniku tas-CPVO rispettiv:

    CPVO Nru 2

    Nibbiet: l-intensità tal-kulur aħdar tal-kotiledoni

    CPVO Nru 6

    Zokk irqiq tal-werqa: l-orjentazzjoni

    CPVO Nru 8

    Werqa mingħajr iz-zokk: it-tul

    CPVO Nru 9

    Werqa mingħajr iz-zokk: il-wisa’

    CPVO Nru 10

    Werqa mingħajr iz-zokk: il-forma tal-ponta

    CPVO Nru 11

    Werqa mingħajr iz-zokk: it-tqassim għal nofs il-werqa (fil-parti t’isfel tal-werqa)

    CPVO Nru 12

    Werqa mingħajr iz-zokk: in-numru ta’ inċiżjonijiet tal-marġni (fil-parti ta’ fuq tal-werqa)

    CPVO Nru 13

    Werqa mingħajr iz-zokk: il-fond tal-inċiżjoni tal-marġni (fil-parti ta’ fuq tal-werqa)

    CPVO Nru 14

    Werqa mingħajr iz-zokk: il-forma f’sezzjoni trasversali

    CPVO Nru 19

    Ġidra: l-għadd ta’ weraq ta’ ġewwa.


    Top