Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H0901(20)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Awstrija

    ST/9767/2022/INIT

    ĠU C 334, 1.9.2022, p. 162–170 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 334/162


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Lulju 2022

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Awstrija

    (2022/C 334/20)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investiment, b’impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tiġi aġġornata f'Ġunju 2022, f'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (2)

    Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Isħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dan ikkunsidra kif dovut l-Impenn Soċjali ta’ Porto ffirmat fis-7 ta' Mejju 2021 biex ikompli jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta' Novembru 2021, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Awstrija bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kienet meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (4) ("Rakkomandazzjoni tal-2022 dwar iż-żona tal-euro") fil-5 ta' April 2022 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-14 ta' Marzu 2022.

    (3)

    L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass, fost l-oħrajn, permezz ta' prezzijiet ogħla tal-enerġija, l-ikel u l-materja prima, u prospetti ta' tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta' piż kbir fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li jgħixu fil-faqar enerġetiku jew li jinsabu f'riskju ta' faqar enerġetiku kif ukoll fuq l-aktar kumpanniji vulnerabbli għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. L-Unjoni qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-effetti ekonomiċi li rriżultaw mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kellhom impatt asimmetriku fuq l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (5) ġiet attivata għall-ewwel darba permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (6), li tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-Unjoni, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali.

    (4)

    Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew fl-2022 jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza adottati hija essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha rilevanti speċifiċi għall-pajjiż, jew subsett sinifikanti minnhom, maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru Ewropew tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti anki għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż oħra maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni ta' tali pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati.

    (5)

    Il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Marzu 2021 intitolata "Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali", il-Kummissjoni spjegat il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni. L-inċertezza akbar u r-riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, iż-żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u d-disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.

    (6)

    Skont l-approċċ fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2021 (7) li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Awstrija, il-pożizzjoni fiskali ġenerali attwalment titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) iżda bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju (8). Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (9) (netta minn miżuri ta' dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u l-investiment.

    (7)

    Fit-2 ta' Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023 ('il-gwida fiskali') li għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b'hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni ta' politika. Il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali aggregata ta' appoġġ fl-2020–2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi, tidher xierqa fl-2023. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom jirriflettu l-gwida politika. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew tal-aħħar ta' Mejju 2022.

    (8)

    Fir-rigward tal-gwida fiskali, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa 2022 tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti indiretti permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji. Il-politika fiskali għandha tibqa' aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b'mod rapidu, inkluż l-isfidi li jirriżultaw mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fir-rigward tad-difiża u s-sigurtà, u għandha tiddistingwi bejn l-Istati Membri skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment tagħhom għall-kriżi u l-influss ta' persuni spostati mill-Ukrajna.

    (9)

    Fit-30 ta’ April 2021 l-Awstrija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V għal dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Awstrija (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li ssostni li l-Awstrija tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u tal-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

    (10)

    Fis-27 ta’ April 2022, l-Awstrija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2022 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2022, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Awstrija dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

    (11)

    Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Awstrija fit-23 ta’ Mejju 2022. Dan ivvaluta l-progress tal-Awstrija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Awstrija tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-tabella ta’ valutazzjoni għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta’ dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti, inkluż dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Awstrija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (12)

    Fit-23 ta' Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport jiddiskuti l-qagħda baġitarja tal-Awstrija, billi fl-2021 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda fir-rebbiegħa tal-2022 għad-defiċit eċċessiv u se tivvaluta mill-ġdid il-ftuħ possibbli tal-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fil-ħarifa tal-2022.

    (13)

    Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta' Lulju 2020 (11), il-Kunsill irrakkomanda lill-Awstrija biex fl-2020 u fl-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f'konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b'mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Irrakkomanda wkoll lill-Awstrija biex issegwi, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Fl-2021, skont data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Awstrija niżel minn 8,0 % tal-PDG fl-2020 għal 5,9 %. Ir-rispons ta’ politika fiskali mill-Awstrija appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ emerġenza naqsu minn 4,8 % tal-PDG fl-2020 għal 4,3 % fl-2021. Il-miżuri li ħadet l-Awstrija fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonali adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 kienu fil-biċċa l-kbira temporanji jew akkumpanjati minn miżuri ta’ tpaċija. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern matul il-perjodu mill-2020 sal-2021 ma kinux temporanji jew akkumpanjati minn miżuri ta’ tpaċija, u kienu jikkonsistu prinċipalment minn ħelsien tat-taxxa sinifikanti għall-unitajiet domestiċi u għall-korporazzjonijiet permezz tar-riforma fiskali ekosoċjali. Skont data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż naqas minn 83,3 % tal-PDG fl-2020 għal 82,8 % tal-PDG fl-2021.

    (14)

    Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma msejsin il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 huwa realistiku. Il-gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 3,9 % fl-2022 u bi 2,0 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 3,9 % fl-2022 u ta’ 1,9 % fl-2023. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2022, il-gvern jistenna li d-defiċit nominali se jonqos għal 3,1 % tal-PDG fl-2022 u għal 1,5 % fl-2023. It-tnaqqis fl-2022, prinċipalment jirrifletti t-tkabbir qawwi fl-attività ekonomika u t-tnaqqis tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ emerġenza. Fin-nuqqas ta’ miżuri oħra, bħal dawk relatati mal-prezzijiet għoljin tal-enerġija, id-defiċit kien jonqos saħansitra aktar. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jilħaq il-livell massimu ta' 80,0 % fl-2022 u li jonqos għal 77,1 % fl-2023. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 3,1 % tal-PDG u 1,5 % rispettivament. Dan huwa konformi mad-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 80,0 % fl-2022 u 77,5 % fl-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju (medja ta’ 10 snin) fil-prodott hija stmata fil-livell ta’ 1,2 %. Madankollu, dik l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Awstrija.

    (15)

    Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 4,3 % tal-PDG fl-2021 għal 1,1 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,4 % tal-PDG fl-2022 u 0,2 % tal-PDG fl-2023. (12) Dawk il-miżuri jikkonsistu prinċipalment fi trasferimenti soċjali għall-familji ifqar, tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija, u miżuri temporanji ta’ salvataġġ għall-vjaġġaturi transfruntieri fil-kuntest tat-taxxi fuq l-introjtu personali. Dawk il-miżuri tħabbru bħala temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin fl-2023, xi wħud minn dawk il-miżuri jistgħu jitkomplew. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispiża biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni hija pproġettata li tkun 0,3 % tal-PDG fl-2022 u 0,4 % fl-2023 (13).

    (16)

    Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 l-Awstrija żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lill-Awstrija biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata biex tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju u, fl-istess ħin, li ssaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

    (17)

    Fl-2022, skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni u inkluż l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Awstrija, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ appoġġ fil-livell ta’ – 1,2 % tal-PDG kif irrakkomandat mill-Kunsill (14). L-Awstrija qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali, kif rakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,1 punti perċentwali tal-PDG fl-2022, imqabbla mal-2021. L-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 punt perċentwali fl-2022 (15). Għalhekk, l-Awstrija qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,5 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,4 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,3 % tal-PDG).

    (18)

    Fl-2023, fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni l-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun fil-livell ta’ 0,4 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika (16). L-Awstrija hija pproġettata li tkompli tuża l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tibqa' stabbli meta mqabbla mal-2022. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,4 punt perċentwali fl-2023 (17). Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni ġeneralment newtrali ta’ 0,0 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,2 % tal-PDG) u l-ispejjeż addizzjonali biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG).

    (19)

    Fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 0,7 % fl-2024 u għal 0,3 % sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG mill-2023 ’l quddiem sa tmiem il-perjodu tal-Programm. Dawn il-proġettazzjonijiet jassumu tnaqqis fin-nefqa pubblika għal dan il-perjodu ta’ żmien (minn 50,4 % tal-PDG fl-2023 għal 49,6 % fl-2024 u 49,4 % fl-2025). Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos sal-2025, b’mod speċifiku bi tnaqqis għal 74,5 % fl-2024 u li jkompli jonqos għal 72,1 % fl-2025. Skont l-analiżi tal-Kummissjoni, jidher li hemm riskju medju fuq perjodu medju ta’ żmien fejn tidħol is-sostenibbiltà tad-dejn.

    (20)

    L-Awstrija qed tħabbat wiċċha ma’ riskji medji għas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju u twil, li huma prinċipalment minħabba pressjonijiet baġitarji li jirriżultaw mit-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-proporzjon tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol (persuni ta’ bejn l-20 u l-64 sena) mal-adulti akbar fl-età huwa mistenni li jonqos minn tliet ħaddiema għal bejn wieħed u ieħor żewġ ħaddiema għal kull persuna li għandha aktar minn 65 sena fil-50 sena li ġejjin. B’mod ġenerali, skont ix-xenarju tar-riskju tal-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tixjiħ li jinsab fir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2021 maħruġ mill-Kummissjoni, in-nefqa pubblika għall-kura fit-tul hija mistennija li tiżdied minn 1.8 % tal-PDG fl-2019 għal 2.3 % tal-PDG fl-2030. Minbarra l-iżviluppi demografiċi, il-ħtieġa għal kura aktar intensiva minħabba mard relatat max-xjuħija hija mistennija wkoll li jkollha rwol biex jiżdiedu l-ispejjeż tal-kura għal terminu twil. Tħabbret riforma komprensiva tas-sistema tal-kura fit-tul, iżda għadha pendenti. Sa issa, task force apposta ġabret fil-qosor il-punti ewlenin minn konsultazzjoni pubblika. Skont ir-rapport tat-task force, prijorità waħda tar-riforma se tkun li jitwaqqaf il-kontroll ikkoordinat tas-sistema. Dan jinkludi assenjar ċar tar-responsabbiltajiet fil-livelli kollha tal-gvern u trasparenza dwar l-oriġini u l-użu tal-fondi.

    (21)

    Il-federaliżmu fiskali tal-Awstrija huwa kkaratterizzat minn diskrepanza sinifikanti fin-nefqa u r-responsabbiltajiet li jżidu d-dħul fil-livell sottonazzjonali. Minflok ma jiddependu fuq l-awtonomija tat-taxxa, il-baġits sottonazzjonali huma alimentati minn sistema kumplessa ta’ kondiviżjoni tat-taxxa u ta’ trasferimenti intergovernattivi. Dan ifixkel it-trasparenza fiskali kif ukoll ir-responsabbiltà politika, u jipprovdi ftit inċentivi għal infiq pubbliku effiċjenti. Billi l-ħtieġa għal riforma tippersisti, din jenħtieġ li tiġi indirizzata fin-negozjati għall-Att dwar ir-Relazzjonijiet Fiskali Intergovernattivi li jmiss, li huma mistennija li jibdew f’Diċembru 2022. Minbarra r-riforma tal-qafas fiskali nazzjonali, l-użu aħjar tar-rieżamijiet tal-infiq jista’ jtejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku billi dawn jgħinu fl-iskrutinju tal-allokazzjonijiet finanzjarji skont il-prijoritajiet politiċi.

    (22)

    Is-sistema tat-taxxa tal-Awstrija għad għandha ambitu biex ittejjeb is-sens ta’ ġustizzja u tiffavorixxi t-tkabbir. Is-sistema tat-taxxa hija kkaratterizzata minn piż kbir fuq ix-xogħol li jirriżulta mit-taxxi fuq il-pagi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, bil-piż tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jintrefa’ kemm mill-impjegati kif ukoll mill-impjegaturi. Dan ixekkel il-ħolqien tal-impjiegi. Fl-istess ħin, ir-rati tat-taxxa marġinali għoljin jaġixxu bħala diżinċentiv għan-nies biex jaħdmu speċjalment fin-naħa t’isfel tad-distribuzzjoni tal-introjtu u għat-tieni sors ta’ dħul fil-familja. Ir-riforma tat-taxxa ekosoċjali li ġiet adottata dan l-aħħar hija pass fid-direzzjoni t-tajba u l-introduzzjoni ta' prezz tas-CO2 għas-setturi mhux koperti mis-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) hija proġett importanti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija. Madankollu, għad hemm sfidi strutturali. Hemm lok biex jitnaqqsu aktar l-ispejjeż tax-xogħol mhux relatati mal-pagi, biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u l-provvista tax-xogħol, speċjalment għal dawk bi dħul baxx. L-użu aħjar ta’ taxxi li jiffavorixxu aktar it-tkabbir jista’ jgħin biex jinħoloq l-ispazju baġitarju meħtieġ u jissaħħaħ is-sens ta’ ġustizzja fis-sistema tat-taxxa.

    (23)

    F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin bi skeda ta' żmien indikattiva għall-implimentazzjoni li għandha titlesta sal-31 ta' Awwissu 2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Awstrija mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. B’mod partikolari, il-miżuri fil-pjan jikkontribwixxu biex jiġi indirizzat subsett sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż identifikati f’dawn l-aħħar snin fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Il-bidliet ippjanati fis-sistema tat-taxxa se jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra filwaqt li jikkontribwixxu għat-trasferiment tat-taxxi lil hinn mix-xogħol u jqisu l-aspetti ekoloġiċi u soċjali. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tista’ tibbenefika mid-disponibbiltà mtejba ta’ faċilitajiet ta’ kwalità għall-indukrar bikri tat-tfal. L-isfida li ilha rikonoxxuta, relatata mad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneru, hija wkoll indirizzata parzjalment. It-tranżizzjoni ekoloġika se tiġi promossa permezz ta’ investiment (i) fl-effiċjenza enerġetika, (ii) fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, (iii) fid-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, (iv) fil-bijodiversità u (v) fl-ekonomija ċirkolari, flimkien ma’ riformi relatati, inklużi r-reviżjoni tal-qafas ta’ appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-eliminazzjoni gradwali tas-sistemi tat-tisħin taż-żejt. Il-pjan se jgħin ukoll biex tiżdied b’mod sostanzjali l-kapaċità diġitali tal-intrapriżi. Il-piż amministrattiv għan-negozji se jitnaqqas permezz ta’ punti diġitali ta’ aċċess uniku.

    (24)

    L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija huwa mistenni li jikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw objettivi klimatiċi fl-Awstrija jammontaw għal 58,7 % tal-allokazzjoni finanzjarja totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw objettivi diġitali jammontaw għal 52,8 % tal-allokazzjoni finanzjarja totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti se tgħin lill-Awstrija tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki oħra ekonomiċi u tal-impjiegi li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata s-sjieda wiesgħa tal-aġenda tal-politika kumplessiva.

    (25)

    Fit-2 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni approvat il-Ftehim ta’ Sħubija tal-Awstrija previst fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). L-Awstrija ppreżentat il-programmi tagħha tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) previsti f'dak ir-Regolament fil-21 ta’ Ottubru 2021, li għalihom is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu lura l-kummenti fl-4 ta’ Jannar 2022. L-Awstrija għadha ma ppreżentatx il-programm tagħha tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+). F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Awstrija għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawk il-fondi tal-politika ta' koeżjoni u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex jiġu appoġġati t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali kif ukoll l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.

    (26)

    Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Awstrija qed tiffaċċa għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mas-suq tax-xogħol tagħha. Is-sistema b’saħħitha tal-protezzjoni soċjali u l-miżuri ta’ politika estensivi tal-Awstrija llimitaw l-impatt soċjali tal-pandemija tal-COVID-19. L-Awstrija għandha prestazzjoni tajba fil-biċċa l-kbira tad-dimensjonijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm xi sfidi. B’mod partikolari, dawn l-isfidi jinkludu l-potenzjal mhux użat biżżejjed tan-nisa, il-ħaddiema bi kwalifiki baxxi, il-ħaddiema akbar fl-età u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Dan huwa partikolarment problematiku minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati. L-isfruttar tal-potenzjal mhux użat biżżejjed ta’ dawn il-gruppi jista’ jnaqqas il-pressjoni fuq is-suq tax-xogħol Awstrijak.

    (27)

    Filwaqt li r-rata ta’ impjieg tan-nisa hija ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni, l-Awstrija tinsab fit-tieni l-ogħla post fl-Unjoni fir-rigward tal-impjiegi part-time tan-nisa. Fl-2021, 49,9 % tan-nisa Awstrijaċi ħadmu part-time, meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni ta’ 28,3 %. Dan iħalli potenzjal konsiderevoli għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni full-time tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Il-provvista limitata ta’ kura tat-tfal affordabbli u ta’ kwalità għolja tagħmilha diffiċli għall-ommijiet biex jipparteċipaw b’mod aktar attiv fis-suq tax-xogħol. 21,1 % biss tat-tfal taħt it-tliet snin jiġu indukrati formalment, waħda mill-aktar rati baxxi fl-Unjoni u ferm 'il bogħod mill-mira ta’ Barċellona stabbilita mill-Kunsill Ewropew fl-2002 li jkun hemm 33 % tat-tfal taħt l-età ta’ tliet snin indukrati formalment. Is-sehem għoli ta’ xogħol part-time, flimkien mar-rappreżentanza żejda tan-nisa f’setturi b’pagi baxxi huma l-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għad-differenza kbira bejn il-ġeneri fil-pagi u d-differenza relattivament kbira bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet fl-Awstrija. Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tamplifika dawn l-inugwaljanzi relatati mal-ġeneru, b’sehem sinifikanti ta’ nisa li jikkombinaw l-obbligi tax-xogħol u tal-indukrar. Iż-żieda fil-provvista ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità permezz ta’ standards ta’ kwalità li dejjem qed jogħlew, il-ħinijiet ta’ ftuħ itwal għall-indukrar tat-tfal u l-indirizzar ta’ diżinċentivi biex jiżdiedu s-sigħat tax-xogħol (pereż. billi jittejbu l-inċentivi fiskali) huma kruċjali biex jiġi żgurat l-użu aħjar tal-potenzjal tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

    (28)

    Diversi gruppi żvantaġġati jistgħu jiġu integrati aħjar fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari l-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u l-ħaddiema akbar fl-età, u dawk bi sfond ta’ migrazzjoni. Kważi nofs il-persuni qiegħda fit-tul fl-Awstrija ma lestewx aktar mil-livell skolastiku sekondarju tal-ewwel livell (Pflichtschule). Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni għadha baxxa, b’livell ta’ impjieg fl-2020 ta’ 12,7 punti perċentwali inqas mir-residenti nattivi. Dan huwa partikolarment problematiku billi l-eżiti edukattivi, l-opportunitajiet ta’ impjieg u l-livelli futuri ta’ introjtu tat-tfal fl-Awstrija għandhom it-tendenza li jiġu ddeterminati b’mod partikolari minn dawk tal-ġenituri tagħhom. Il-miżuri fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Awstrija biex jiġu promossi t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet se jindirizzaw dawn l-isfidi billi jappoġġaw it-taħriġ għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u għall-persuni qiegħda fit-tul. Fl-istess ħin, il-miżuri ppjanati ma jindirizzawx bis-sħiħ il-problema ta’ parteċipazzjoni sottostanti fost persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-edukazzjoni għal dawn il-gruppi jeħtieġ li jittejbu ħafna aktar kmieni fil-ħajja. Għad hemm bżonn ta’ aktar taħriġ mill-ġdid u ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema ta’ kull età.

    (29)

    In-nuqqas dejjem jikber ta’ ħiliet (Fachkräftemangel) qed isir dejjem sfida akbar għall-kumpanniji li jiddependu fuq professjonisti bi kwalifiki għolja, bħall-esperti tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT), kif ukoll professjonisti tas-sengħa meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li qed tikber b'mod rapidu. Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati huma diversi, u l-pandemija tal-COVID-19 żidithom. L-espansjoni tal-opportunitajiet għal talenti b’ħiliet għolja minn barra l-pajjiż għal pożizzjonijiet li ma jistgħux jimtlew mill-forza tax-xogħol Awstrijaka jew tal-Unjoni tista’ ttaffi dawn in-nuqqasijiet. Bħalissa l-proċeduri fis-seħħ jinvolvu piż amministrattiv sinifikanti fuq il-kumpaniji li jixtiequ jimpjegaw ħaddiema minn barra l-UE, u dan jagħmilha diffiċli biex jiġi attirat it-talent barrani meħtieġ. Dan ifixkel it-tkabbir tal-produttività, speċjalment għas-settur tas-servizzi u b’mod partikolari fis-settur tal-IT. Ir-riformi fl-2019 u l-2020 tal-iskema “rapida” tal-Awstrija għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati minn pajjiżi li mhumiex fl-UE (Rot-Weiß-Rot-Karte) ma wrewx li kienu effettivi biex tiġi indirizzata l-isfida kumplessiva. Għalhekk jistgħu jittieħdu aktar miżuri biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jimpjegaw ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati minn barra l-pajjiż. Dan jinkludi li l-proċeduri jsiru aktar rapidi u aktar immirati lejn il-ħtiġijiet individwali tal-kumpaniji.

    (30)

    Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Unjoni, stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta' Versailles, il-proposta tal-Kummissjoni għal pjan REPowerEU għandha l-għan li telimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista' jkun. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tidentifika l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jmexxu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.

    (31)

    L-iżviluppi ġeopolitiċi kkawżati mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja esponew riskji għas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija tal-Awstrija. L-Awstrija tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja. Fl-2020, l-Awstrija importat madwar 80 % tal-importazzjonijiet kollha tal-gass tagħha mir-Russja, meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni ta’ 44 %. Il-gass jammonta wkoll għal sehem sinifikanti mid-domanda għall-enerġija tal-Awstrija (22,7 %, ftit inqas mill-medja tal-Unjoni ta’ 24,4 %), l-aktar għall-konsum industrijali u t-tisħin. Madankollu l-Awstrija hija inqas dipendenti fuq ir-Russja għaż-żejt (10 % taż-żejt mhux raffinat tagħha ġej mir-Russja, ferm inqas mill-medja tal-Unjoni ta’ 26 %). (19) Id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u ż-żieda fil-flessibbiltà u l-kapaċità ta’ fluss fid-direzzjoni opposta tal-interkonnettività diġà estensiva ma’ Stati Membri oħra se jkunu kruċjali biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-gass Russu. Madankollu huwa rrakkomandat li investimenti l-ġodda fl-infrastruttura u fin-networks relatati mal-gass ikunu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà tagħhom fit-tul billi fil-futur jiġu adattati għall-fjuwils sostenibbli. It-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-gass Russu jinkludi wkoll l-investiment fil-produzzjoni ta’ gassijiet rinnovabbli, (bħall-idroġenu rinnovabbli u l-bijometan sostenibbli) biex b’hekk ikun possibbli li l-gass naturali jiġi sostitwit, b’mod partikolari f’setturi u reġjuni li huma l-aktar vulnerabbli għall-interruzzjonijiet fil-provvista. Barra minn hekk, sorsi addizzjonali ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija ġeotermali, għadhom ma jintużawx biżżejjed u jistgħu jiġu esplorati aktar.

    (32)

    Fl-2020, is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tal-Awstrija kien ta’ 37 %, ogħla mill-mira ta’ 34 % għall-istess sena. Ir-riforma tal-2021 għall-appoġġ għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli inkluża fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ħolqot il-qafas meħtieġ biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-elettriku. Ir-riforma se tippermetti li 27 TWh ta’ kapaċità tal-elettriku jiġu ġġenerati ta’ kull sena minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli sal-2030, u b’hekk tgħin biex tintlaħaq il-mira ta’ 100 % sal-2030 (minn dik attwali ta’ 81 % fl-2020). Madankollu, l-investiment fl-enerġija rinnovabbli huwa mxekkel minn ippjanar spazjali u proċeduri ta’ permessi twal, problema li hija wkoll parzjalment dovuta għad-diviżjoni kumplessa fil-kompetenzi bejn il-livelli tal-gvern federali u reġjonali, u problemi ta’ persunal fl-amministrazzjoni. Biex takkomoda l-espansjoni ppjanata tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-Awstrija tista’ tikkunsidra li żżid b’mod sinifikanti l-investiment fl-infrastruttura tan-network (bħall-ħżin, id-distribuzzjoni u t-trażmissjoni) u tiżgura l-użu f’waqtu ta’ din l-infrastruttura. Iż-żieda fil-livell ta’ ambizzjoni għall-effiċjenza enerġetika fis-setturi tal-bini u tal-industrija se tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. L-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tal-Awstrija tistabbilixxi stadji importanti ċari għall-2050 u tfittex li tikseb dekarbonizzazzjoni ta’ 80 % tal-istokk tal-bini tagħha. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha se jaċċellera l-eliminazzjoni gradwali tal-bojlers tal-fjuwils fossili fis-settur tal-bini u jissostitwihom b’teknoloġija tat-tisħin rinnovabbli jew bit-tisħin distrettwali. Madankollu, il-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-Awstrija għall-2030 huma baxxi fl-ambizzjoni tagħhom u l-pajiż jista’ jħaffef l-investiment fir-rinnovazzjoni profonda tal-bini, is-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili bit-tisħin rinnovabbli u l-ġestjoni aħjar tal-konsum tal-enerġija permezz tad-diġitalizzazzjoni tal-utilitajiet (bħall-meters intelliġenti u t-termostati). Fl-istess ħin, aktar sforzi biex jiġu dekarbonizzati l-proċessi tal-industrija, inkluż permezz ta’ gassijiet rinnovabbli, jgħinu biex titnaqqas id-domanda għall-gass u biex in-negozji jiġu protetti mill-volatilità tal-prezzijiet. Sabiex l-Awstrija tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, se tkun meħtieġa żieda ulterjuri fl-ambizzjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll żieda fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

    (33)

    Filwaqt li t-tħaffif tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili f’xi setturi se toħloq spejjeż sinifikanti ta’ ristrutturar, f’diversi setturi l-Awstrija tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, l-Awstrija tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.

    (34)

    Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu (21) hija riflessa fir-rakkomandazzjoni (1).

    (35)

    Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-Rakkomandazzjoni tal-2022 dwar iż-żona tal-euro. Għall-Awstrija, dan huwa rifless b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3).

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fl-2022 u l-2023 biex:

    1.   

    Fl-2023, tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni politika ġeneralment newtrali, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u l-aktar ditti vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija billi tqis l-inizjattiva RePowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju. Tiżgura l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-kura fit-tul. Tissimplifika u tirrazzjonalizza r-relazzjonijiet fiskali u r-responsabbiltajiet fis-saffi kollha tal-gvern u tallinja r-responsabbiltajiet tal-finanzjament u tal-infiq. Ittejjeb it-taħlita tat-taxxa biex tappoġġa t-tkabbir inklużiv u sostenibbli.

    2.   

    Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2021. Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021–2027, sabiex tibda l-implimentazzjoni tagħhom.

    3.   

    Tagħti spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż billi ttejjeb is-servizzi ta’ kwalità għall-indukrar tat-tfal, u ttejjeb l-eżiti tas-suq tax-xogħol għall-gruppi żvantaġġati.

    4.   

    Tnaqqas d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili, u tiddiversifika l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, billi tħaffef it-tnedija tal-enerġija rinnovabbli u tal-infrastruttura meħtieġa, b’mod partikolari billi tissimplifika l-proċeduri tal-ippjanar u tal-permessi, u ttejjeb l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-setturi tal-industrija u tal-bini, u tiddiversifika l-provvisti u r-rotot tal-enerġija kif ukoll iżżid il-flessibbiltà u l-kapaċità tal-fluss fid-direzzjoni opposta tal-interkonnessjonijiet.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. STANJURA


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta' April 2022 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C 153, 7.4.2022, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

    (7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Awstrija, (ĠU C 304, 29.7.2021, p. 93).

    (8)  L-istimi dwar il-pożizzjoni fiskali u l-komponenti tagħha f’din ir-rakkomandazzjoni huma stimi tal-Kummissjoni bbażati fuq is-suppożizzjonijiet sottostanti għat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni. L-istimi tal-Kummissjoni tat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju ma jinkludux l-impatt pożittiv tar-riformi li huma parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali.

    (9)  Mhux iffinanzjati minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jew fondi oħra tal-Unjoni.

    (10)  ST 10159/2021; ST 10159/2021 ADD 1; ST 10159/2021 COR 1.

    (11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Awstrija (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 129).

    (12)  Iċ-ċifri jirrappreżentaw il-livell tal-ispejjeż baġitarji annwali ta’ dawk il-miżuri meħuda mill-ħarifa tal-2021, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.

    (13)  Huwa maħsub li l-għadd totali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna lejn l-Unjoni se jilħaq gradwalment is-6 miljun sa tmiem l-2022, u d-distribuzzjoni ġeografika tagħhom hija stmata fuq il-bażi tad-daqs tad-dijaspora eżistenti, il-popolazzjoni relattiva tal-Istat Membru riċeventi, u d-distribuzzjoni reali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna madwar l-Unjoni f'Marzu 2022. Għall-ispejjeż baġitarji għal kull persuna, l-istimi huma bbażati fuq il-mudell ta’ mikrosimulazzjoni tal-Euromod taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu kemm it-trasferimenti ta’ flus li n-nies jistgħu jkunu eliġibbli għalihom kif ukoll il-benefiċċji in natura bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.

    (14)  Sinjal negattiv (pożittiv) tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess (nuqqas) tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja (restrittiva).

    (15)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 punt perċentwali tal-PDG. Dan huwa prinċipalment minħabba l-istabbiliment ta’ riżerva strateġika tal-gass, kif stabbilit ukoll fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022.

    (16)  Sinjal negattiv (pożittiv) tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess (nuqqas) ta’ tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fuq terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja (restrittiva).

    (17)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.

    (18)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

    (19)  Eurostat (2020), is-sehem tal-importazzjonijiet Russi mill-importazzjonijiet totali ta’ gass naturali u żejt mhux raffinat. Il-medja tal-EU27 hija bbażata fuq l-importazzjonijiet minn barra l-EU27. Minn Marzu 2022 l-Awstrija waqfet timporta żejt mhux raffinat mir-Russja.

    (20)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

    (21)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.


    Top