Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H0901(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022 tal-Belġju

    ST/9736/2022/INIT

    ĠU C 334, 1.9.2022, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 334/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Lulju 2022

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022 tal-Belġju

    (2022/C 334/01)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Din tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari biex għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tiġi aġġornata f’Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (2)

    Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dan ikkunsidra kif dovut l-Impenn Soċjali ta’ Porto iffirmat fis-7 ta’ Mejju 2021 biex ikompli jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kienet meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (4) (“Rakkomandazzjoni tal-2022 dwar iż-żona tal-euro”) fil-5 ta’ April 2022 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-14 ta’ Marzu 2022.

    (3)

    L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass, fost l-oħrajn, permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija, l-ikel u l-materja prima, u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż kbir fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li jgħixu fil-faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku kif ukoll fuq l-aktar kumpaniji vulnerabbli għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. L-Unjoni qed tesperjenza wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-effetti ekonomiċi li rriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kellhom impatt asimmetriku fuq l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (5) ġiet attivata għall-ewwel darba permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (6), li tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-Unjoni, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali.

    (4)

    B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza adottati hija essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru Ewropew tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż oħra maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni ta’ tali pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew modifikati.

    (5)

    Il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021 intitolata “Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali”, il-Kummissjoni spjegat il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni. Inċertezza akbar u riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.

    (6)

    Skont l-approċċ fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 (7) dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Belġju, il-pożizzjoni fiskali ġenerali attwalment titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju (8). Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (9) (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u l-investiment.

    (7)

    Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023 (“il-gwida fiskali”) li għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni ta’ politika. Il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali aggregata ta’ appoġġ fl-2020–2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi, tidher xierqa fl-2023. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-linji ta’ gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew tal-aħħar ta’ Mejju 2022.

    (8)

    Fir-rigward tal-gwida fiskali, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa 2022 tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji. Il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, inkluż l-isfidi li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fir-rigward tad-difiża u s-sigurtà, u għandha tiddistingwi bejn l-Istati Membri skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment tagħhom għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.

    (9)

    Fit-30 ta’ April 2021, il-Belġju ppreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li ssostni li l-Belġju jkun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

    (10)

    Fit-30 ta’ April 2022, il-Belġju ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu għall-2022 u l-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2022, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Belġju dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

    (11)

    Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Belġju fit-23 ta’ Mejju 2022. Huwa vvaluta l-progress tal-Belġju fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Belġju tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Abbażi ta’ dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Belġju fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (12)

    Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Belġju, billi fl-2021 id-defiċit tal-gvern estiż tiegħu qabeż il-valur referenzjarju stabbilit fit-Trattat ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tiegħu qabeż il-valur referenzjarju stabbilit fit-Trattat ta’ 60 % tal-PDG u ma rrispettax il-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn ma ġewx issodisfati. Skont il-komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni tqis, fil-valutazzjoni tagħha tal-fatturi rilevanti kollha, li l-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn tinvolvi sforz fiskali kkonċentrat fil-bidu eżiġenti żżejjed li jista’ jipperikola t-tkabbir. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn mhijiex iġġustifikata bil-kundizzjonijiet ekonomiċi eċċezzjonali attwali. Kif imħabbar, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ġodda fir-rebbiegħa tal-2022 u ser tivvaluta mill-ġdid jekk huwiex meħtieġ li tipproponi l-ftuħ ta’ tali proċeduri fil-ħarifa tal-2022.

    (13)

    Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2020 (11), il-Kunsill irrakkomanda lill-Belġju biex fl-2020 u fl-2021 jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex jindirizza b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, isostni l-ekonomija u jappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Huwa rrakkomanda wkoll lill-Belġju biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, isegwi politiki fiskali mmirati biex fi żmien medju jikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti u biex jiżgura li d-dejn ikun sostenibbli, filwaqt li jtejjeb l-investiment. Fl-2021, skont data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Belġju niżel minn 9,0 % tal-PDG fl-2020 għal 5,5 %. Ir-rispons tal-politika fiskali tal-Belġju appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ emerġenza naqsu minn 4,4 % tal-PDG fl-2020 għal 2,9 % fl-2021. Il-miżuri li ħa l-Belġju fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 kienu fil-biċċa l-kbira temporanji jew akkumpanjati minn miżuri kumpensatorji. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern matul il-perjodu 2020-2021 ma kinux temporanji jew akkumpanjati minn miżuri kumpensatorji, u kienu jikkonsistu prinċipalment f’żidiet permanenti fil-pensjonijiet minimi u fil-pagi fis-settur tas-saħħa. Skont data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż naqas minn 112,8 % tal-PDG fl-2020 għal 108,2 % tal-PDG fl-2021.

    (14)

    Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 huwa favorevoli. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 3,0 % fl-2022 u b’1,9 % fl-2023. B’paragun, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 2,0 % fl-2022 u 1,6 % fl-2023, prinċipalment minħabba d-data ta’ skadenza aktar bikrija għall-proġettazzjonijiet makroekonomiċi sottostanti għall-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, li kienet qabel il-bidu tal-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2022, il-gvern jistenna li d-defiċit nominali ser jonqos għal 5,2 % tal-PDG fl-2022 u għal 3,6 % fl-2023. It-tnaqqis fl-2022 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir solidu fl-attività ekonomika u t-temma tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ emerġenza. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni li jonqos (b’mod marġinali) għal 108,0 % fl-2022 u li jitla’ għal 108,8 % fl-2023. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 5,0 % tal-PDG u 4,4 %, rispettivament. Fl-2022, dan huwa konformi mad-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, minkejja x-xenarju makroekonomiku inqas favorevoli fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, peress li l-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 iqisu korrezzjoni teknika li tirrifletti l-impatt baġitarju tal-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna fl-2022 biss. Fl-2023, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit ogħla tal-baġit tal-gvern estiż, prinċipalment minħabba xenarju makroekonomiku inqas favorevoli u miżuri li għadhom mhumiex speċifikati fis-snin imbiegħda tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ġeneralment simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG ta’ 107,5 % fl-2022 iżda proporzjon aktar baxx ta’ 107,6 % fl-2023, li jirrifletti ż-żieda aktar baxxa fid-deflatur tal-PDG fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju (medja ta’ 10 snin) fil-prodott hija stmata fil-livell ta’ 1,4 %. Madankollu, dik l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Belġju.

    (15)

    Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 2,9 % tal-PDG fl-2021 għal 0,4 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern fl-2022 huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,5 % tal-PDG fl-2022 u 0 % tal-PDG fl-2023 (12). Dawk il-miżuri jikkonsistu prinċipalment fi trasferimenti ta’ somma f’daqqa lill-unitajiet domestiċi u tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija. Dawk il-miżuri tħabbru bħala temporanji u jikkonċernaw l-2022. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin fl-2023, xi wħud minn dawk il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawk il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari trasferimenti ġenerali lil unitajiet domestiċi biex jiġi appoġġat il-konsum tal-enerġija u tnaqqis fir-rati tal-VAT fuq il-gass u l-elettriku u tad-dazji tas-sisa fuq il-petrol. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma pproġettati li jkunu 0,1 % tal-PDG kemm fl-2022 kif ukoll fl-2023 (13), kif ukoll miż-żieda fl-ispiża fuq id-difiża (0,1 % tal-PDG fl-2022).

    (16)

    Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Belġju juża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru filwaqt li jsegwi politika fiskali prudenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li jippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lill-Belġju biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, isegwi politika fiskali mmirata biex tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti ta’ perjodu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju u, fl-istess ħin, li jsaħħaħ l-investiment biex jingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

    (17)

    Fl-2022, fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Belġju, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ appoġġ għal - 2,4 % tal-PDG (14). Il-Belġju qed jippjana li jipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi jagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzja investiment addizzjonali kif rakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,2 punti perċentwali tal-PDG, imqabbel mal-2021. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali fl-2022 (15). Għalhekk, il-Belġju qed jippjana li jippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 2,1 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dik il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,5 % tal-PDG), kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG). Barra minn hekk, iż-żieda fl-infiq tal-gvern minħabba l-indiċjar awtomatiku tal-pagi u l-benefiċċji soċjali tas-settur pubbliku, u sa ċertu punt ferm inqas importanti minħabba konsum ogħla tal-gvern ta’ oġġetti u servizzi, huma wkoll ipproġettati li jikkontribwixxu għall-kontribuzzjoni espansiva tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fuq livell nazzjonali. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, dawn il-miżuri u l-muturi ta’ nefqa ogħla mhumiex rikonċiljati bis-sħiħ minn miżuri ta’ tpaċija.

    (18)

    Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni li tkun fil-livell ta’ 0,0 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika (16). Il-Belġju huwa pproġettat li jkompli juża l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex jiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tibqa’ stabbli, imqabbel mal-2022. L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja lill-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG fl-2023 (17). Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni ġeneralment newtrali ta’ 0,1 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,5 % tal-PDG).

    (19)

    Fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 3,4 % tal-PDG fl-2024 u għal 2,7 % sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt it-3 % tal-PDG sal-2025. Dawn il-proġettazzjonijiet huma bbażati fuq xenarju makroekonomiku elaborat qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, u jassumu miżuri li għadhom mhux speċifikati fl-aħħar snin tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, b’mod partikolari l-hekk imsejjaħ “sforz baġitarju flessibbli” li jammonta għal 0,8 % tal-PDG bejn l-2023 u l-2025. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jiżdied sal-2025, speċifikament b’żieda għal 109,7 % fl-2024, u żieda għal 110,1 % fl-2025. Skont l-analiżi tal-Kummissjoni, jidher li hemm riskju għoli fuq perjodu medju ta’ żmien fejn tidħol is-sostenibbiltà tad-dejn.

    (20)

    Jekk il-politiki ma jinbidlux, il-popolazzjoni li qed tixjieħ malajr mistennija taggrava l-impatt tan-nefqa relatata mat-tixjiħ fuq il-finanzi pubbliċi. Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2021 mill-Kummissjoni (18) jipproġetta żieda ta’ 3,6 punti perċentwali sal-2040 u b’5,4 punti perċentwali tal-PDG sal-2070 fl-infiq relatat mat-tixjiħ, l-aktar minħabba n-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-kura fit-tul. Fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu, il-Belġju impenja ruħu li jimplimenta riforma tal-pensjonijiet, fost l-oħrajn biex itejjeb is-sostenibbiltà finanzjarja u soċjali tas-sistema u jippromwovi l-konverġenza fost skemi differenti tal-pensjoni. Fir-rigward tal-kura fit-tul, il-Belġju diġà kien wieħed minn dawk li jonfoq l-aktar fl-UE fl-2019 u l-infiq tiegħu huwa mistenni li jkompli jiżdied b’14 % sal-2030 u bi 2,2 punti perċentwali tal-PDG sal-2070. Ir-riformi biex jittejjeb l-użu kosteffettiv tal-ambjenti ta’ kura differenti, b’mod partikolari biex tiġi evitata u mdewma istituzzjonalizzazzjoni bla bżonn jew qabel iż-żmien, li jikkonċerna waħda minn erba’ persuni f’kura residenzjali (19), inbdew, għalkemm huma osservati differenzi reġjonali kbar. Il-kriżi tal-COVID-19 waqqfet l-implimentazzjoni ta’ miżuri ppjanati għall-iffrankar tal-ispejjeż. Dan jissuġġerixxi li jista’ jkun hemm lok biex tkompli titnaqqas l-istituzzjonalizzazzjoni żejda filwaqt li jissaħħaħ l-użu ta’ servizzi ta’ kura fid-djar ta’ kwalità u jiġu indirizzati l-ostakli finanzjarji li jillimitaw l-aċċess għal dawn is-servizzi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli. Implimentazzjoni rapida u ambizzjuża tar-riformi tgħin biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sostenibbiltà.

    (21)

    Is-sistema tat-taxxa Belġjana hija kkaratterizzata minn piż għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol, b’rati tat-taxxa relattivament għoljin, u kategoriji tat-taxxa dojoq. Dan jillimita l-progressività reali tas-sistema tat-taxxa u jkompli jdgħajjef il-parteċipazzjoni fix-xogħol. Filwaqt li r-riforma tat-taxxa tal-2016 naqqset il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol għal dawk bl-aktar dħul baxx, il-porzjon ta’ taxxa jibqa’ l-ogħla fl-Unjoni għal dawk li jaqilgħu l-paga medja. Tassazzjoni għolja fuq ix-xogħol tista’ wkoll tiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja. Barra minn hekk, xi karatteristiċi tad-disinn tas-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad jirriskjaw li jimminaw l-inċentivi għax-xogħol għal dawk li qed ifittxu impjieg u jistgħu jnaqqsu l-effettività tal-politiki ta’ attivazzjoni. Il-kumplessità tal-appoġġ soċjali u l-possibbiltajiet limitati biex jiġi kkombinat id-dħul mix-xogħol u l-benefiċċji soċjali jistgħu joħolqu wkoll diżinċentivi biex wieħed jibda jaħdem, b’mod partikolari għal dawk b’potenzjal baxx ta’ qligħ. Barra minn hekk, biex parzjalment jiġu moderati r-rati għoljin tat-taxxa, il-bażijiet tat-taxxa jonqsu kawża ta’ bosta eżenzjonijiet, tnaqqis u rati mnaqqsa, li joħolqu telf fl-effiċjenza u jintroduċu distorsjonijiet. Xi karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa jikkontribwixxu għad-distorsjoni tal-għażliet ta’ investiment u jwasslu għal investiment żejjed f’ċerti assi. Pereżempju, il-kirjiet minn proprjetà immobbli mhumiex intaxxati biżżejjed u l-imgħax fuq is-self għad-djar għal residenzi sekondarji jista’ jitnaqqas mit-taxxa. Barra minn hekk, l-inċentivi fiskali għat-tfaddil u t-tfassil riġidu tar-regoli tat-taxxa li japplikaw għal skemi ta’ tfaddil u pensjonijiet fit-tul, joħolqu ostakli għal allokazzjoni aħjar tal-kapital. It-taxxa fuq kontijiet ta’ titoli, introdotta bil-liġi tas-17 ta’ Frar 2021, taġixxi wkoll bħala diżinċentiv għall-investiment fi strumenti finanzjarji. Barra minn hekk, hemm lok biex tiġi żviluppata tassazzjoni ambjentali, billi jitnaqqsu s-sussidji għall-fjuwils fossili u jitħeġġeġ l-investiment fl-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Pereżempju, ir-rieżami tad-dazji tas-sisa fuq il-fjuwils fossili użati għat-tisħin (eż. żejt tal-gass u gass naturali), li huma baxxi meta mqabbla mal-elettriku, jinkoraġġixxi l-investiment f’soluzzjonijiet tat-tisħin b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Għażliet ta’ politika bħall-introduzzjoni ta’ pedaġġ tat-triq għal vetturi privati (kif ukoll għat-trakkijiet), filwaqt li jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ provvediment tat-trasport pubbliku, jistgħu jintużaw biex tiġi indirizzata l-konġestjoni (l-għadd medju ta’ sigħat kull sena mqatta’ f’konġestjoni tat-traffiku huwa fost l-ogħla fl-Unjoni). Tista’ tgħin tnaqqas ukoll l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mhux koperti mill-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Il-kombinazzjoni ta’ bidla lil hinn mix-xogħol u t-twessigħ tal-bażi tat-taxxa jistgħu jtejbu l-ġustizzja tas-sistema tat-taxxa, jagħtu spinta lill-impjiegi kif ukoll jippromwovu l-objettivi soċjali u ambjentali.

    (22)

    F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin bi skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni li għandha titlesta sal-31 ta’ Awwissu 2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Belġju mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. B’mod partikolari, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju huwa mistenni jgħin biex jiġi indirizzat subsett sinifikanti tal-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. B’mod partikolari, biex jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju jinkludi l-integrazzjoni sistematika tar-rieżamijiet tal-infiq fiċ-ċikli tal-ippjanar baġitarju tal-livelli kollha tal-gvern. Fl-isfond ta’ żieda fin-nefqa pubblika fuq il-pensjonijiet, il-pjan jinkludi riforma tal-pensjonijiet, li għandha l-għan, fost l-oħrajn, li ttejjeb is-sostenibbiltà finanzjarja u soċjali tas-sistema tal-pensjonijiet. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju jinkludi wkoll diversi miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-suq tax-xogħol u tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi vulnerabbli, bħal persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, nisa, żgħażagħ, persuni b’diżabbiltà u persuni f’riskju ta’ esklużjoni diġitali. Taħt il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Belġju ser jiżgura l-introduzzjoni tal-5G. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju fih ukoll riforma tal-iskema tat-taxxa għal karozzi tal-kumpanija, li għandha l-għan tal-elettrifikazzjoni sħiħa tal-flotot tal-karozzi tal-kumpanija.

    (23)

    L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju hija mistennija tikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fil-Belġju jammontaw għal 49,6 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 26,6 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, ser tgħin lill-Belġju jirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li jsaħħaħ ir-reżiljenza tiegħu. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

    (24)

    Il-Belġju għadu ma ppreżentax il-Ftehim ta’ Sħubija previst fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) jew il-programmi l-oħra tal-politika ta’ koeżjoni previsti f’dak ir-Regolament. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Belġju għandu jqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawk il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.

    (25)

    Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Belġju qed jiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mas-suq tax-xogħol u mas-sistema edukattiva tiegħu. Ir-rata rekord għolja ta’ postijiet tax-xogħol battala fil-Belġju tindika li l-impjegaturi qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jimpjegaw impjegati bil-ħiliet it-tajba. In-nuqqas ta’ ħaddiema jikkonċerna l-livelli kollha tal-ħiliet u huwa persistenti f’diversi setturi, inkluż it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-edukazzjoni, is-settur tal-kura u l-kostruzzjoni. B’mod partikolari, hemm ftit wisq persuni li huma gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (science, technology, engineering and mathematics, STEM), kemm fost il-gradwati tal-edukazzjoni sekondarja għolja minn programmi vokazzjonali kif ukoll fost il-gradwati terzjarji. In-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet huwa spjegat ukoll minn parteċipazzjoni baxxa fit-tagħlim għall-adulti, b’mod partikolari għal dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni li għalihom it-titjib tal-ħiliet jista’ joffri opportunitajiet ta’ impjieg aħjar. Skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, ser jiġu żviluppati kontijiet individwali tal-apprendiment u drittijiet individwali tal-apprendiment għall-impjegati. Madankollu, is-sehem tan-nefqa fuq il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol iddedikati għat-taħriġ huwa limitat u proporzjon żgħir biss — għalkemm qed jiżdied — ta’ dawk li qed ifittxu impjieg isegwu taħriġ relatat ma’ impjieg fejn hemm nuqqas. L-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet huwa lieva essenzjali biex tiġi ffaċċjata t-trasformazzjoni diġitali u tiġi permessa t-tranżizzjoni ekoloġika, kif ukoll biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-UE għall-2030 dwar l-impjiegi u l-ħiliet.

    (26)

    F’termini ta’ nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ spariġġi fil-ħiliet, hemm tħassib b’mod partikolari dwar il-prestazzjoni u l-inklużività tas-sistema edukattiva, anke fl-isfond tal-infiq pubbliku għoli fuq l-edukazzjoni (21). Id-distakk fl-eżiti edukattivi huwa marbut mill-qrib mal-isfond soċjoekonomiku u ta’ migrazzjoni tal-istudenti u huwa fost l-akbar fl-Unjoni, li jwassal għal inugwaljanzi fl-edukazzjoni. Aktar minn żagħżugħ wieħed minn kull tliet adulti b’diżabilità ma jtemmux l-edukazzjoni sekondarja. Barra minn hekk, 6,2 % biss tal-istudenti pparteċipaw f’tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fil-Belġju fl-2019, li hu ammont ferm taħt il-medja tal-UE (29 %). Iż-żieda tar-rilevanza tas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) hija partikolarment ġustifikata fil-Komunità Franċiża billi tlieta biss mill-10 għażliet tal-ETV sekondarji għolja l-aktar popolari jħejju għal okkupazzjonijiet b’nuqqas ta’ ħaddiema. B’mod ġenerali, għad hemm tħassib fil-Belġju dwar l-attraenza tal-ETV bħala linja ta’ eċċellenza, kif rifless fis-sehem kbir tal-popolazzjoni b’perċezzjoni negattiva tal-ETV. It-tisħiħ tal-professjoni tat-tagħlim jgħin biex jinżammu l-għalliema u jitnaqqas in-nuqqas dejjem jikber ta’ għalliema kwalifikati. Dan joħloq sfida partikolari għall-iskejjel żvantaġġati, u jirriskja li jkompli jżid l-inugwaljanzi eżistenti fis-sistema edukattiva. Minkejja l-miżuri li diġà ttieħdu, l-attraenza tal-professjoni tal-għalliema tissaħħaħ billi jiġu pprovduti edukazzjoni inizjali aħjar u żvilupp professjonali kontinwu, u billi jiġu żviluppati perkorsi ta’ karriera aktar flessibbli u attraenti.

    (27)

    Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni, stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-proposta tal-Kummissjoni għal pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tidentifika l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jmexxu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili ’l bogħod mir-Russja.

    (28)

    Madwar 70 % tal-konsum gross intern tal-enerġija tal-Belġju huwa kopert mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Skont id-data tal-2020, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja hija ta’ 30 % għaż-żejt mhux raffinat (sehem tal-importazzjonijiet totali), ogħla mill-medja tal-UE-27 (26 %) u komparattivament aktar baxxa għall-gass naturali (7 % meta mqabbla ma’ 44 % għall-UE) u għall-faħam (39 % meta mqabbla ma’ 54 %) (22). Il-proporzjonijiet fit-taħlita tal-enerġija taż-żejt (39 % tal-konsum gross intern meta mqabbel ma’ 33 %) u tal-gass naturali (30 % meta mqabbel ma’ 24 %) it-tnejn huma ogħla mill-medja tal-Unjoni, filwaqt li l-proporzjon tal-faħam huwa aktar baxx (5 % meta mqabbel ma’ 11 %). Il-proporzjon tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija huwa ta’ 16 % tal-konsum gross intern. L-enerġija rinnovabbli kienet tammonta biss għal 13 % biss tal-konsum finali tal-enerġija fl-2020. Il-Belġju ser ikollu bżonn jieħu passi addizzjonali sinifikanti biex jaċċellera l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sabiex jagħmel progress lejn in-newtralità klimatika fl-2050 u jnaqqas id-dipendenza tiegħu fuq il-fjuwils fossili importati. Madankollu, l-iżvilupp ta’ proġetti eoliċi fuq l-art u l-espansjoni relatata tal-grilja tal-elettriku huma mxekkla serjament minn dewmien twil għall-permessi tal-bini b’mod partikolari minħabba għadd kbir ta’ proċeduri ta’ appell ripetittivi u twal. L-allinjament bejn il-livelli governattivi kollha (federali, reġjonali, lokali) dwar l-objettivi u l-istrateġija meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-Belġju jipprovdi qafas aktar ċar għall-investituri u jnaqqas l-għadd ta’ appelli u jaċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli u t-tisħiħ relatat tal-grilja. Barra minn hekk, il-permess jista’ jiġi ffaċilitat billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-korpi ta’ appell u jiġu adottati miżuri ulterjuri biex jitnaqqas it-tul tal-proċeduri ta’ appell u l-probabbiltà ta’ appelli suċċessivi, billi jittaffew ir-restrizzjonijiet fil-viċinat tal-ajruporti, ir-radars u ż-żoni militari, u billi jiġu aġġornati r-rekwiżiti minimi ta’ distanza (għat-turbini eoliċi). L-introduzzjoni ta’ ppjanar spazjali li jqis il-potenzjal tar-riżorsi tat-territorji u parteċipazzjoni akbar tal-muniċipalitajiet fi proġetti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jżidu l-aċċettabbiltà fost ir-residenti lokali.

    Il-potenzjal tax-xemx fuq il-bjut (kemm għall-installazzjonijiet fuq skala żgħira kif ukoll għal dawk fuq skala kbira) jista’ jiġi sfruttat aħjar billi jiġu adottati kundizzjonijiet qafas li huma prevedibbli u suffiċjenti biex jistimulaw l-awtokonsum, il-kondiviżjoni tal-enerġija u r-rispons fin-naħa tad-domanda. Biex takkomoda l-livell miżjud ta’ sorsi tal-enerġija varjabbli fil-grilja tal-elettriku, il-grilja jkollha bżonn tissaħħaħ u ssir aktar intelliġenti. Huwa rrakkomandat li l-investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-networks relatati mal-gass ikunu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex jiffaċilitaw is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli.

    (29)

    Mezzi addizzjonali biex tkompli tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika u jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili jinkludu investimenti fil-katina tal-valur tal-idroġenu, fir-rinnovazzjoni tal-enerġija u fid-dekarbonizzazzjoni tal-bini. Dan jimplika li s-sussidji jiġu diretti mill-ġdid lejn sorsi tat-tisħin b’livell baxx ta’ karbonju u li jiġu introdotti jew aċċellerati projbizzjonijiet reġjonali fuq installazzjonijiet tal-bojlers li jaħdmu biż-żejt jew tal-bojlers tal-gass f’bini ġdid. Il-bidla tal-fjuwil se ssir aktar faċli jekk il-konsum tal-enerġija jitnaqqas u t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jiżdied (billi titħeġġeġ rinnovazzjoni aktar profonda) u jitwettaq b’mod parallel mal-bidla tal-fjuwil. Sabiex il-Belġju jkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, ser tkun meħtieġa żieda ulterjuri fl-ambizzjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Fit-trasport, is-sehem għoli tal-użu tal-karozzi privati jirrappreżenta parti kbira mill-konsum taż-żejt fil-Belġju. Il-promozzjoni ta’ “mobilità mhux motorizzata” (pereżempju, iċ-ċikliżmu, il-mobbiltà kondiviża) u l-użu tat-trasport pubbliku, inkluż permezz ta’ servizzi mtejba tat-trasport pubbliku, tgħin biex jitnaqqas l-użu ta’ karozzi privati u l-konsum relatat taż-żejt.

    (30)

    Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili ser toħloq spejjeż ta’ aġġustament sinifikanti f’xi setturi, il-Belġju jista’ jagħmel użu mill-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex itaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, il-Belġju jista’ jagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), biex itejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali.

    (31)

    Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu (24) hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1).

    (32)

    Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-Rakkomandazzjoni tal-2022 dwar iż-Żona tal-Euro. Għall-Belġju, dan huwa rifless b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3).

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2022 u fl-2023 biex:

    1.   

    Fl-2023, jiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi jqiegħed limitu fuq it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment li jkun f’livell taħt it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju, filwaqt li jqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Ikun lest jaġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija billi jqis l-inizjattiva RePowerEU, inkluż billi jagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, isegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali fuq terminu medju u jiżgura t-tnaqqis kredibbli u gradwali tad-dejn u s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju permezz ta’ konsolidazzjoni gradwali, investiment u riformi. Jagħti prijorità lir-riformi u jtejjeb is-sostenibbiltà fiskali fit-tul, inkluż billi jippromwovi użu kosteffiċjenti tal-kuntesti differenti tal-kura. Jirriforma s-sistemi tat-tassazzjoni u tal-benefiċċji biex jitnaqqsu d-diżinċentivi ggħax-xogħol billi jċaqlaq il-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol u billi jissimplifika s-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji. Inaqqas l-infiq tat-taxxa u jagħmel is-sistema tat-taxxa aktar newtrali għall-investiment.

    2.   

    Jipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021. Jippreżenta d-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021–2027 bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati n-negozjati mal-Kummissjoni u sussegwentement tinbeda l-implimentazzjoni tagħhom.

    3.   

    Jindirizza n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u l-ispariġġi fil-ħiliet, b’mod partikolari billi jtejjeb il-prestazzjoni u l-inklużività tas-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, itejjeb il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u jiżviluppa perkorsi tal-karriera u taħriġ aktar flessibbli u attraenti għall-għalliema.

    4.   

    Inaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jżid it-titjib fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-użu tal-fjuwils fossili fil-bini, jippromwovi l-użu u l-provvista tat-trasport pubbliku u jaċċellera l-użu tal-enerġiji rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja relatata billi jkompli jissimplifika l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi inkluż billi jnaqqas it-tul tal-proċeduri ta’ appell u jadotta kundizzjonijiet qafas biex jagħtu spinta lill-investimenti f’installazzjonijiet tal-enerġija solari.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. STANJURA


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C 153, 7.4.2022, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

    (7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà 2021 tal-Belġju (ĠU C 304, 29.7.2021, p. 1).

    (8)  L-istimi dwar il-pożizzjoni fiskali u l-komponenti tagħha f’din ir-Rakkomandazzjoni huma stimi tal-Kummissjoni bbażati fuq is-suppożizzjonijiet sottostanti għat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni. L-istimi tal-Kummissjoni ta’ tkabbir potenzjali fuq terminu medju ma jinkludux l-impatt pożittiv tar-riformi li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali.

    (9)  Mhux iffinanzjati minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jew fondi oħra tal-Unjoni.

    (10)  ST 10161/21 INIT; ST 10161/21 ADD 1.

    (11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Belġju (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 1).

    (12)  Iċ-ċifri jirrappreżentaw il-livell tal-ispejjeż baġitarji annwali ta’ dawk il-miżuri meħuda mill-ħarifa tal-2021, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll — fejn rilevanti — il-miżuri tan-nefqa kapitali.

    (13)  Huwa preżunt li l-għadd totali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna lejn l-Unjoni ser jilħaq gradwalment is-6 miljun sa tmiem l-2022, u d-distribuzzjoni ġeografika tagħhom hija stmata fuq il-bażi tad-daqs tad-dijaspora eżistenti, il-popolazzjoni relattiva tal-Istat Membru riċeventi, u d-distribuzzjoni reali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna madwar l-Unjoni f’Marzu 2022. Għall-ispejjeż baġitarji għal kull persuna, l-istimi huma bbażati fuq il-mudell ta’ mikrosimulazzjoni tal-Euromod taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu kemm it-trasferimenti ta’ flus kontanti li n-nies jistgħu jkunu eliġibbli għalihom kif ukoll il-benefiċċji materjali bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.

    (14)  Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.

    (15)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fuq livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansiva ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG.

    (16)  Sinjal negattiv (pożittiv) tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess (nuqqas) tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja (restrittiva).

    (17)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.

    (18)  Il-Kummissjoni Ewropea, 2021, Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2021: Proġettazzjonijiet Ekonomiċi u Baġitarji għall-Istati Membri tal-UE (2019–2070), Dokument Istituzzjonali 148.

    (19)  Devos C, Cordon A, Lefèvre M, Obyn C, Renard F, Bouckaert N, Gerkens S, Maertens de Noordhout C, Devleesschauwer B, Haelterman M, Léonard C, Meeus P (2019), Performance du système de santé belge — Rapport 2019 — Synthèse. Health Services Research (HSR). Bruxelles: Centre Fédéral d’Expertise des Soins de Santé (KCE). KCE Reports 313B. D/2019/10.273/33.

    (20)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

    (21)  OECD — PISA Results 2018, Volume 1.

    (22)  Eurostat (2020), is-sehem tal-importazzjonijiet Russi fuq l-importazzjonijiet totali ta’ gass naturali, żejt mhux raffinat u faħam iebes. Għall-medja tal-UE-27, l-importazzjonijiet totali huma bbażati fuq importazzjonijiet ekstra-UE-27. Għall-Belġju, l-importazzjonijiet totali jinkludu l-kummerċ intra-UE. Iż-żejt mhux raffinat ma jinkludix prodotti taż-żejt raffinat.

    (23)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

    (24)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.


    Top