EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2408

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2408 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-emendar tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, tar-Regolamenti tal-Persunal, u fir-rigward tal-introduzzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport

ST/14455/2022/INIT

ĠU L 317, 9.12.2022, p. 66–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2408/oj

9.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/66


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2408

tal-5 ta’ Diċembru 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-emendar tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, tar-Regolamenti tal-Persunal, u fir-rigward tal-introduzzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (it-“TCT”) ġie ffirmat mill-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 (1).

(2)

It-TCT ġie approvat f’isem l-Unjoni fl-4 ta’ Marzu 2019 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

(3)

Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali ġie stabbilit mit-TCT għall-amministrazzjoni u għall-implimentazzjoni tajba tat-TCT.

(4)

L-Artikolu 24(5) tat-TCT jipprevedi li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 30 tat-TCT jipprevedi li għandu jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.

(5)

Huwa previst li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali jadotta deċiżjoni li temenda r-regoli ta’ proċedura tiegħu, sabiex jipprevedi limitu ta’ żmien iqsar għad-distribuzzjoni tal-abbozz tal-aġenda u ta’ kwalunkwe dokument relatat qabel laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, deċiżjoni li tadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u r-regoli għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għas-Segretarjat Permanenti, biex jirregolaw il-każijiet ta’ tilwim bejn is-Segretarjat Permanenti u l-membri tal-persunal tiegħu, u deċiżjoni dwar l-emendi g]ar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport meħtieġa mill-adozzjoni ta’ dawk ir-regoli.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali rigward l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet billi huma neċssarji għall-funzjonament bla xkiel tas-Segretarjat Permanenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-emendar tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u r-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, u l-emendi għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Tibdiliet minuri fl-abbozzi tad-deċiżjonijiet jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KUPKA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, (ĠU L 278 27.10.2017, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2022 TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

ta’ …

dwar l-emendar tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 30 tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport, adottati kif stabbilit fl-Anness II għad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport tal-5 ta’ Ġunju 2019, huma emendati kif ġej:

(a)

it-Taqsima 14 hija emendata kif ġej:

(i)

il-punt b, subparagrafu (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

rappreżentant tal-Presidenza preċedenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali”;

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiddeċiedi b’unanimità.”;

(b)

it-Taqsima 15 hija emendata kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Kwalunkwe tilwima bejn is-Segretarjat u membru tal-persunal li tikkonċerna dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn għandha, fit-tieni istanza, tiġi solvuta mill-Kummissjoni Ewropea li taġixxi bħala l-arbitru.”;

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Il-proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim kollha għandhom isiru f’Belgrad jew online, u l-lingwa ta’ dawn il-proċedimenti għandha tkun l-Ingliż. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi r-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bl-għan li jiffaċilita proċedura tempestiva bi spejjeż raġonevoli għall-partijiet.”

Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

Il-President


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru .../2022 TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

ta’ …

dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 30 tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Ir-Regoli ta’ Proċedura dettaljati tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u r-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, mehmuża ma’ din id-deċiżjoni, huma b’dan adottati.

Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

Il-President


Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni

I.   Ġenerali

1.

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistabbilixxu l-proċeduri interni għall-operat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni kif imsemmi fit-Taqsima 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-trasport, adottati skont id-Deċiżjoni Nru. 3/2019 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport.

2.

F’każ ta’ kwalunkwe kunflitt bejn dawn ir-Regoli ta’ Proċedura u r-Regolamenti tal-Persunal, ir-Regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn adottati mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

3.

Għall-finijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, l-espressjoni “membri tal-persunal” għandha tfisser l-uffiċjali kollha tas-Segretarjat, jiġifieri d-Direttur, il-Viċi Diretturi u l-persunal l-ieħor kollu mill-Partijiet Kontraenti, li jaħdmu b’mod permanenti fis-Segretarjat f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, minbarra l-persunal lokali, esperti sekondati u esperti kuntrattati lokalment.

4.

Kwalunkwe tilwima bejn is-Segretarjat u membru tal-persunal dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn għandha, fl-ewwel istanza, tiġi ppreżentata lil Kumitat ta’ Konċiljazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”).

5.

Il-membri tal-persunal jistgħu jressqu appell lill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fir-rigward tat-Taqsima 2.1, punt 12 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport jew meta jkunu ġew soġġetti għal trattament mhux ġustifikat jew inġust minn superjur.

II.   Kumitat ta’ Konċiljazzjoni

1.

Il-Kumitat għandu jkollu l-awtorità li jipproponi deċiżjonijiet dwar appelli ppreżentati minn membri tal-persunal kontra deċiżjonijiet amministrattivi li jaffettwawhom.

2.

Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn:

(a)

rappreżentant tal-Presidenza attwali tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali;

(b)

rappreżentant tal-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għall-mandat li jmiss u

(c)

rappreżentant tal-Presidenza preċedenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali.

Il-Kumitat għandu jkun ippresedut mill-Presidenza attwali tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali.

3.

Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu kompletament indipendenti u ggwidati biss mill-ġudizzju indipendenti tagħhom. La għandhom ifittxu u lanqas jirċievu struzzjonijiet mis-Segretarjat, jenħtieġgħandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’indipendenza sħiħa u għandhom jevitaw kunflitti ta’ interess. Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata fil-kuntest ta’ appell mill-persunal.

4.

Il-Kumitat għandu jiġi stabbilit fi żmien 30 jum kalendarju mid-data li fiha jiġi ppreżentat appell lid-Direttur jew lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Id-Direttur għandu jgħaddi l-appell fi żmien 10 ijiem kalendarji, mid-data ta’ riċeviment, lill-President tal-Kumitat.

5.

Ladarba l-President tal-Kumitat jirċievi appell li jkun sar lill-Kumitat, il-President għandu jlaqqa’ flimkien lill-membri tal-Kumitat biex jeżaminaw l-appell. Fil-każ ta’ tilwima dwar jekk il-Kumitat għandux il-kompetenza, il-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-Kumitat.

6.

Sa fejn ikun possibbli, il-Kumitat għandu jkollu l-istess kompożizzjoni għall-perjodu kollu meħtieġ biex isolvi l-każ.

7.

Il-Kumitat għandu jiddetermina:

(a)

il-possibbiltà li jiġi riċevut l-appell;

(b)

il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tat-tweġiba għall-appell mis-Segretarjat u s-sottomissjoni ta’ evidenza u kwistjonijiet proċedurali rilevanti oħrajn;

(c)

kwistjonijiet oħrajn relatati mal-konċiljazzjoni, inkluż jekk għandhomx isiru seduti orali jew jekk l-appell għandux jiġi deċiż biss abbażi tad-dokumenti ppreżentati; u,

(d)

il-proċedura li għandha tiġi segwita fir-rigward tas-seduti tal-Kumitat.

Il-proċedura għandha titwettaq b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jingħataw l-opportunità li jippreżentaw fatti u ċirkostanzi rilevanti għall-appell.

8.

Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar l-appell f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn. Kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport ma għandhomx ikunu fi ħdan il-kompetenza tal-Kumitat.

9.

Il-President għandu jinforma lid-Direttur, lill-Viċi Direttur tas-Segretarjat u lill-membru tal-persunal ikkonċernat bil-passi proċedurali kollha relatati mal-każ.

10.

Is-sessjonijiet tal-Kumitat għandhom isiru jew f’Belgrad jew online, u l-lingwa tal-proċedimenti għandha tkun l-Ingliż. L-appoġġ amministrattiv lill-Kumitat għandu jiġi pprovdut mir-Riżorsi Umani u mill-Amministrazzjoni tas-Segretarjat.

11.

Jekk jiġu ppreżentati appelli simultanji lill-Kumitat li jkunu relatati mal-istess problema, il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li jittratta l-appelli flimkien u jifformula deċiżjoni waħda.

12.

Il-proċedura ta’ appell għandha tintemm minnufih jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat jirtira l-appell tiegħu jew jekk jintlaħaq ftehim reċiproku. Il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jinforma lill-President tal-Kumitat dwar dan bil-miktub. Il-proċedura ta’ appell għandha tintemm minnufih f’każ ta’ ksur tal-parti III, il-punt 5.

III.   Proċedura ta’ appell

1.

Kemm il-membru tal-persunal kif ukoll is-Segretarjat jistgħu jibdew riżoluzzjoni informali tal-kwistjonijiet involuti, fi kwalunkwe ħin qabel jew wara li l-membru tal-persunal jagħżel li jsegwi l-kwistjoni b’mod formali.

2.

Appell ma għandux ikun jista’ jiġi riċevut mill-Kumitat jekk it-tilwima li tirriżulta minn deċiżjoni kkontestata tkun ġiet solvuta bi ftehim milħuq permezz ta’ riżoluzzjoni informali.

3.

Madankollu, membru tal-persunal jista’ jressaq appell direttament lill-Kumitat sabiex tiġi infurzata l-implimentazzjoni ta’ ftehim milħuq permezz ta’ riżoluzzjoni informali fi żmien 90 jum kalendarju mill-iskadenza għall-implimentazzjoni kif speċifikat fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni informali jew, meta l-ftehim ta’ riżoluzzjoni informali ma jibqax trasparenti dwar il-kwistjoni, fi żmien 90 jum kalendarju mit-tlettax-il jum kalendarju mid-data li fiha ġie ffirmat il-ftehim.

4.

Membru tal-persunal li jkun jixtieq jikkontesta formalment deċiżjoni amministrattiva, għandu, bħala l-ewwel pass, jippreżenta bil-miktub lid-Direttur – jew lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija, meta l-ilment jikkonċerna lid-Direttur – appell għal evalwazzjoni mill-Kumitat tad-deċiżjoni amministrattiva.

5.

La l-membru tal-persunal ikkonċernat u lanqas kwalunkwe rappreżentant tas-Segretarjat ma għandhom jitħallew jiddiskutu l-kwistjoni tal-appell mal-membri tal-Kumitat matul il-proċedura ta’ appell jew li javviċinawhom dwar il-kwistjoni tal-appell, fi kwalunkwe forma, minbarra kif previst fil-parti II, il-punt 7.

6.

Appell għall-evalwazzjoni mill-Kumitat tad-deċiżjoni amministrattiva ma għandux ikun jista’ jiġi riċevut mid-Direttur jew mill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija sakemm ma jintbagħatx fi żmien 30 jum kalendarju mid-data li fiha l-membru tal-persunal ikun irċieva notifika tad-deċiżjoni amministrattiva li għandha tiġi kkontestata. Din l-iskadenza tista’ tiġi estiża mis-Segretarjat waqt li jkunu qed isiru sforzi għal soluzzjoni informali tat-tilwima.

7.

Fl-aħħar tal-valutazzjoni, il-Kumitat għandu jfassal rapport. Ir-rapport għandu jistabbilixxi l-passi proċedurali segwiti, il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti għall-appell u l-proposta finali tiegħu għal deċiżjoni.

IV.   Teħid ta’ deċiżjonijiet

1.

Il-Kumitat għandu jiddeċiedi b’unanimità.

2.

Il-proposta għal deċiżjoni dwar id-deċiżjoni amministrattiva kkontestata għandha ssir fi żmien 120 jum kalendarju minn meta l-appell ikun ġie ppreżentat lid-Direttur jew lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

3.

Il-proposta għal deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-membru tal-persunal ikkonċernat, kif ukoll lid-Direttur u lill-Viċi Diretturi. Id-deċiżjoni tista’ tiddaħħal fil-fajl personali tal-membru tal-persunal.

4.

It-tweġiba tas-Segretarjat, li tirrifletti l-eżitu tal-evalwazzjoni mill-Kumitat, għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-membru tal-persunal fi żmien 30 jum kalendarju minn meta s-Segretarjat jirċievi l-proposta għal deċiżjoni mill-Kumitat.

V.   Sospensjoni tal-azzjoni

1.

La s-sottomissjoni ta’ appell għal evalwazzjoni mill-Kumitat u lanqas il-preżentazzjoni ta’ appell quddiem l-Arbitru ma għandu jkollhom l-effett li jissospendu l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata.

2.

Madankollu, meta tkun meħtieġa evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ deċiżjoni amministrattiva:

(a)

membru tal-persunal jista’ jressaq talba lis-Segretarjat biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata sakemm titlesta l-evalwazzjoni mill-Kumitat u l-membru tal-persunal ikun irċieva notifika tal-eżitu. Is-Segretarjat jista’ jissospendi l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni f’każijiet ta’ urġenza partikolari u fejn l-implimentazzjoni tagħha tikkawża dannu irreparabbli. Id-deċiżjoni tas-Segretarjat dwar talba bħal din ma hijiex soġġetta għal appell;

(b)

f’każijiet li jinvolvu s-separazzjoni mis-servizz, membru tal-persunal jista’ jagħżel li l-ewwel jitlob lis-Segretarjat jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni sakemm titlesta l-evalwazzjoni mill-Kumitat u l-membru tal-persunal ikun irċieva notifika tal-eżitu. Is-Segretarjat jista’ jissospendi l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni meta jiddetermina li d-deċiżjoni kkontestata tkun għadha ma ġietx implimentata, f’każijiet ta’ urġenza partikolari u meta l-implimentazzjoni tagħha tkun tikkawża dannu irreparabbli lid-drittijiet tal-membru tal-persunal. Jekk is-Segretarjat jirrifjuta t-talba, il-membru tal-persunal jista’ mbagħad iressaq talba għal sospensjoni ta’ azzjoni lill-Kumitat.

VI.   Dispożizzjonijiet finali

1.

Kwalunkwe emenda għal dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandha tiġi adottata b’deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.

Sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regoli jew fi kwalunkwe ħin wara dan, abbażi tal-esperjenza prattika bl-applikazzjoni tagħhom, is-Segretarjat jista’ jipproponi emendi għal dawn ir-Regoli li huwa jqis utli jew neċessarji. Meta xi membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija jkun jixtieq jipproponi tali emenda, il-membru għandu l-ewwel jikkonsulta lis-Segretarjat.

3.

Dawn ir-Regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta’ Tmexxija.

Regoli dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim

I.   Ġenerali

1.

Dawn ir-Regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim jirreferu għat-Taqsima 15 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport, adottat skont id-Deċiżjoni Nru. 3/2019 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport, sabiex tiġi ffaċilitata proċedura f’waqtha bi spejjeż raġonevoli għall-partijiet.

2.

F’każ ta’ kwalunkwe kunflitt bejn dawn ir-Regoli u r-Regolamenti tal-Persunal, ir-Regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn adottati mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar.

3.

Il-membri tal-persunal jew is-Segretarjat ma jistgħux iressqu appell lil Arbitru għajr biex tiġi kkontestata l-proposta għal deċiżjoni magħmula fl-ewwel istanza mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

4.

Kwalunkwe tilwima li jifdal bejn is-Segretarjat u l-membru tal-persunal dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn għandhom, fit-tieni istanza, jitressqu quddiem Arbitru.

II.   Arbitru

1.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi bħala Arbitru fit-tieni istanza.

2.

L-Arbitru għandu jkun kompletament indipendenti u ggwidat biss mill-ġudizzju indipendenti tiegħu. La għandu jfittex u lanqas jirċievi struzzjonijiet mis-Segretarjat, jgħandu jwettaq il-kompiti tiegħu b’indipendenza sħiħa u għandu jevita kunflitti ta’ interess. Il-proċedimenti tal-Arbitraġġ għandhom ikunu kunfidenzjali. L-Arbitru għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata fil-kuntest ta’ appell mill-persunal.

3.

L-Arbitru għandu jinħatar fi żmien 30 jum kalendarju mid-data li fiha jiġi riċevut appell ippreżentat lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali.

4.

L-Arbitru għandu jkollu mandat għall-perjodu kollu meħtieġ biex isolvi l-każ.

5.

L-Arbitru għandu jiddetermina:

(a)

il-limiti ta’ żmien fir-rigward tal-preżentazzjoni tat-tweġiba għall-appell tat-tilwim mis-Segretarjat u fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ evidenza mill-membru tal-persunal ikkonċernat; u,

(b)

kwistjonijiet oħrajn relatati mal-proċedimenti, inkluż jekk għandhomx isiru seduti orali jew jekk l-appell għandux jiġi deċiż biss abbażi tad-dokumenti ppreżentati.

Il-proċedura għandha titwettaq b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jingħataw l-opportunità li jippreżentaw fatti u ċirkostanzi rilevanti għall-appell.

6.

L-Arbitru għandu jiddeċiedi dwar it-tilwima f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn. Kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport ma għandhomx ikunu fi ħdan il-kompetenza tal-Arbitru.

7.

Il-kompetenza tal-Arbitru tinkludi l-awtorità li jordna, fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, miżura interim, li ma hijiex soġġetta għal appell, biex jipprovdi eżenzjoni temporanja lil kwalunkwe waħda mill-partijiet meta d-deċiżjoni kkontestata tidher prima facie li hija illegali, f’każijiet ta’ urġenza partikolari, u meta l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tikkawża dannu irreparabbli. Tali eżenzjoni temporanja tista’ tinkludi s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata, ħlief f’każijiet ta’ ħatra jew terminazzjoni.

8.

Il-proċedimenti ta’ tilwim għandhom isiru f’Belgrad jew online u l-lingwa tal-proċedimenti għandha tkun l-Ingliż. L-appoġġ amministrattiv għall-Arbitru għandu jiġi pprovdut mir-Riżorsi Umani u mill-Amministrazzjoni tas-Segretarjat.

9.

L-Arbitru għandu jinforma lill-membru tal-persunal ikkonċernat u lis-Segretarjat dwar il-passi proċedurali kollha relatati mal-każ.

10.

Jekk żewġ appelli jew iktar ppreżentati lill-Arbitru jkunu relatati mal-istess problema, l-Arbitru jista’ jiddeċiedi li jittrattawhomflimkien u jifformula deċiżjoni waħda.

11.

Il-proċedura tat-tilwim għandha tintemm minnufih jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat jirtira l-appell tiegħu jew jekk jintlaħaq ftehim reċiproku. Il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jinforma lill-Arbitru b’dan bil-miktub. Il-proċedura ta’ appell għandha tintemm minnufih f’każ ta’ ksur tal-parti III, il-punt 3.

III.   Proċedura ta’ appell

1.

Appell jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe parti kontra deċiżjoni amministrattiva kkontestata. Dan irid jiġi ppreżentat lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali fi żmien 30 jum kalendarju wara li tasal il-proposta għal deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Appell ma għandux ikun jista’ jiġi riċevut mill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali sakemm ma tkunx intlaħqet l-iskadenza.

2.

Il-preżentazzjoni ta’ appell quddiem il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali fit-tieni istanza għandu jkollha l-effett li tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li hija kkontestata, u li hija bbażata fuq proposta tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

3.

La l-membru tal-persunal ikkonċernat, u lanqas kwalunkwe rappreżentant tas-Segretarjat ma għandhom jitħallew jiddiskutu mal-Arbitru jew li javviċinaw l-Arbitru dwar, fi kwalunkwe forma, matul il-proċedimenti, ħlief kif previst fil-parti II, il-punt 5.

4.

Malli tintlaħaq is-soluzzjoni tat-tilwim, l-Arbitru għandu jfassal rapport. Ir-rapport għandu jistabbilixxi l-passi proċedurali segwiti, il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti għall-appell u r-riżoluzzjoni finali tiegħu.

IV.   Teħid ta’ deċiżjonijiet

1.

Id-deċiżjoni mill-Arbitru dwar id-deċiżjoni amministrattiva kkontestata għandha tittieħed fi żmien 90 jum kalendarju mill-jum li fih l-appell ikun tressaq quddiem il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.

Id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-membru tal-persunal ikkonċernat u lis-Segretarjat u d-deċiżjoni tista’ tiddaħħal fil-fajl personali tal-membru tal-persunal.

3.

Id-deċiżjoni tal-Arbitru hija finali u vinkolanti għall-partijiet kollha.

V.   Dispożizzjonijiet finali

1.

Kwalunkwe emenda għal dawn ir-Regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għandha tiġi adottata b’deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.

Sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regoli jew fi kwalunkwe ħin wara dan, abbażi tal-esperjenza prattika bl-applikazzjoni tagħhom, is-Segretarjat jista’ jipproponi emendi għal dawn ir-Regoli li huwa jqis utli jew neċessarji. Meta xi membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija jkun jixtieq jipproponi tali emenda, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lis-Segretarjat.

3.

Dawn ir-Regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta’ Tmexxija.

ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru .../ TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

ta’…

dwar l-emendar tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

L-intestatura IV, il-punt 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

L-abbozz tal-aġenda tal-laqgħa għandu jintlaħaq qbil dwaru mill-Presidenza u mill-Viċi Presidenza. L-abbozz tal-aġenda u kwalunkwe dokument relatat miegħu għandhom jitqassmu lill-membri u lill-osservaturi mill-inqas erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa rilevanti. Il-membri jistgħu jagħmlu kummenti u jipproponu li jiżdiedu elementi ġodda. Għandu wkoll jitqassam lil Stati oħrajn, organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet oħrajn li jkunu mistiedna f’konformità mal-paragrafu 3 tat-Taqsima II, il-materjal li jkun ta’ interess għal dawk l-Istati oħrajn, organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet oħrajn.”

Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

Il-President


Top