This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D2356
Council Decision (CFSP) 2022/2356 of 1 December 2022 on an assistance measure under the European Peace Facility to support the Lebanese Armed Forces
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2356 tal-1 ta’ Diċembru 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tal-Libanu
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2356 tal-1 ta’ Diċembru 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tal-Libanu
ST/14368/2022/INIT
ĠU L 311, 2.12.2022, p. 161–164
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
2.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 311/161 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2356
tal-1 ta’ Diċembru 2022
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tal-Libanu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1), u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
(2) |
Is-sigurtà u l-istabbiltà nazzjonali tal-Libanu huma essenzjali għall-Unjoni u għall-komunità internazzjonali. Saru sforzi konsiderevoli biex jiġi appoġġat il-Libanu, u b’mod partikolari l-Forzi Armati tal-Libanu (LAF), u biex jingħata kontribut għal din il-kwistjoni. |
(3) |
Ir-riżoluzzjoni 1701 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) stabbiliet il-missjoni tal-Forza Interim tan-NU fil-Libanu (UNIFIL) biex tappoġġa lil-LAF fiż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà fin-Nofsinhar tal-Libanu. L-Unjoni tafferma mill-ġdid l-appoġġ tagħha għall-UNIFIL, li għaliha diversi Stati Membri tal-Unjoni jagħtu kontribuzzjonijiet sinifikanti. Il-KSNU appella wkoll lill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-LAF biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabbiltà nazzjonali tal-Libanu. |
(4) |
Fil-25 ta’ Ottubru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-‘Rappreżentant Għoli’) rċieva talba biex l-Unjoni tappoġġa lil-LAF. |
(5) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu tal-EPF. |
(6) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u tul taż-żmien
1. Miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tal-Libanu (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”) hija b’dan stabbilita.
2. L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-Forzi Armati tal-Libanu (LAF) biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabbiltà nazzjonali tal-Libanu, permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet mediċi militari tagħhom, u l-provvista ta’ tagħmir lill-persunal operazzjonali tal-LAF.
3. Biex jinkiseb l-għan stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza ser tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex jipprovdu forza letali:
(a) |
tagħmir għall-kura tas-saħħa biex jiġu appoġġati s-servizzi mediċi militari (ċentri reġjonali u fiċ-ċentru); |
(b) |
tagħmir individwali lill-brigata loġistika. |
4. It-tul ta’ żmien tal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, li jaġixxi bħala uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 32(2), il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, inkluż fil-kuntest tal-arranġamenti amministrattivi f’konformita’ mal-Artikolu 37 tal-istess Deċiżjoni.
5. Il-kuntratt għall-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza ma għandux jiġi konkluż qabel ma tkun ġiet adottata emenda tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-EPF mill-Kumitat tal-Faċilità.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 6 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
(a) |
il-konformità tal-unitajiet tal-LAF appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe ass ipprovdut taħt il-miżura ta’ assistenza għall-iskopijiet li għalihom ikun ġie pprovdut; |
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe ass ipprovdut taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tiegħu u d-disponibbiltà operazzjonali tiegħu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu; |
(d) |
li kwalunkwe ass ipprovdut taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilifx, jew jiġu ttrasferit mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, skont il-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, inkluż permezz ta’ arranġamenti amministrattivi f’konformita’ mal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tissorvelja l-ħarsien mill-benefiċjarju tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dan il-monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-LAF appoġġati mill-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
(a) |
verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja jridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju tal-oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
(c) |
kontroll fuq il-post, fejn il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli, fuq talba, biex iwettaq kontroll fuq il-post. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandha twettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ assistenza tkunx ikkontribwiet biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-Amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa, f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-subkuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SÍKELA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(2) Il-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari. (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).