Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2341

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2341 tal-21 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2021/1345 fir-rigward l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati mal-Kolombja u mal-Messiku bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi

    ST/13349/2022/INIT

    ĠU L 310, 1.12.2022, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2341/oj

    1.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 310/12


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2341

    tal-21 ta’ Novembru 2022

    li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2021/1345 fir-rigward l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati mal-Kolombja u mal-Messiku bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jistabbilixxi l-possibbiltà li jingħata aċċess għas-suq tal-Unjoni lil prodotti organiċi minn pajjiżi terzi li jkunu ġew rikonoxxuti li għandhom sistema ta’ produzzjoni li tissodisfa l-istess objettivi u prinċipji billi jiġu applikati regoli li jiżguraw l-istess livell ta’ assigurazzjoni tal-konformità bħal dawk tal-Unjoni, fi ftehim kummerċjali.

    (2)

    Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati rigward ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi bejn l-Unjoni u l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, il-Costa Rica, l-Indja, Iżrael, il-Ġappun, New Zealand, il-Korea t’Isfel, it-Tuneżija u l-Istati Uniti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1345 (2).

    (3)

    Il-Kummissjoni bdiet in-negozjati mal-Kolombja u mal-Messiku skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2014 (3). Dik id-Deċiżjoni kienet tinkludi limitazzjoni tat-tul tan-negozjati, li ma setgħux jiġu konklużi qabel ma n-negozjati jilħqu t-terminu.

    (4)

    Għalhekk, jentħieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi mal-Kolombja u l-Messiku. Jenħtieġ li dawk in-negozjati jitwettqu abbażi tad-direttivi ta’ negozjar stabbiliti fl-addendum għad-Deċiżjoni (UE) 2021/1345.

    (5)

    Għalhekk huwa xieraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni (UE) 2021/1345 sabiex tinkludi lill-Kolombja u lill-Messiku fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    (6)

    Id-direttivi għan-negozjar stabbiliti fl-addendum għad-Deċiżjoni (UE) 2021/1345 jenħtieġ li jiġu emendati sabiex jinkludu referenzi għall-Kolombja u għall-Messiku.

    (7)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2021/1345 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (UE) 2021/1345 hija emendata kif ġej:

    (1)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1345 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Arġentina, mal-Awstralja, mal-Kanada, mal-Kolombja, mal-Costa Rica, mal-Indja, ma’ Iżrael, mal-Ġappun, mal-Messiku, ma’ New Zealand, mal-Korea t’Isfel, mat-Tuneżija u mal-Istati Uniti bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi”

    ;

    (2)

    fl-Artikolu 1, il-paragrafu (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘1.   B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tiftaħ negozjati mal-Arġentina, mal-Awstralja, mal-Kanada, mal-Kolombja, mal-Costa Rica, mal-Indja, ma’ Iżrael, mal-Ġappun, mal-Messiku, ma’ New Zealand, mal-Korea t’Isfel, mat-Tuneżija u mal-Istati Uniti bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi.’

    ;

    (3)

    l-addendum huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. NEKULA


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1345 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, il-Costa Rica, l-Indja, Iżrael, il-Ġappun, New Zealand, il-Korea t’Isfel, it-Tuneżija u l-Istati Uniti bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi (ĠU L 306, 31.8.2021, p. 2).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2014 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati rigward ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi (Ara dokument ST 10474/14 fuq http://register.consilium.europa.eu).


    Top