Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2335

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2335 tat-28 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

    ST/12600/2022/INIT

    ĠU L 309, 30.11.2022, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2335/oj

    30.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 309/6


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2335

    tat-28 ta’ Novembru 2022

    li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 167(3) u l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(6), il-il-punt (a)(v) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 (1) dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra.

    (2)

    Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (“il-Protokoll”) (2) anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (3) (“il-Ftehim”)jistabbilixxi l-qafas li fi ħdanu l-Partijiet għandhom jikkooperaw għall-iffaċilitar ta’ skambji li jirrigwardaw l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali, inkluż fis-settur awdjoviżiv.

    (3)

    Il-Protokoll jinkludi dispożizzjonijiet dwar dritt ta’ koproduzzjonijiet awdjoviżivi li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-Ftehim.

    (4)

    Skont l-Artikolu 5(8), il-punt (b), tal-Protokoll, wara l-perjodu inizjali ta’ tliet snin, id-dritt jiġġedded għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx id-dritt billi tavża bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu suċċessiv ieħor.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169, il-Kummissjoni għandha tavża lir-Repubblika tal-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma testendix il-perjodu tad-dritt għal koproduzzjoni sakemm, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma jaqbilx b’mod unanimu erba’ xhur qabel tmiem il-perjodu tad-dritt li jkompli d-dritt.

    (6)

    Fis-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2022 fil-kawża C-275/20, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (4), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 ma tikkonformax mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) sa fejn tirrikjedi li l-Kunsill jivvota b’mod unanimu. Ir-regola tal-votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 jenħtieġ li tkun dik stabbilita fl-Artikolu 218(8), l-ewwel subparagrafu, TFUE, jiġifieri votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

    (7)

    Għalhekk, ir-rekwiżit li l-Kunsill jaġixxi b’unanimità sabiex jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tad-dritt jenħtieġ li jitħassar.

    (8)

    F’konformità mal-Artikolu 266 TFUE, sabiex is-sentenza tiġi implimentata malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169, titħassar it-tielet sentenza.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. BALAŠ


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2).

    (2)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418.

    (3)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

    (4)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-275/20, ECLI:EU:C:2022:142.


    Top