Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1242

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1242 tat-18 ta’ Lulju 2022 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill

    ST/10548/2022/INIT

    ĠU L 190, 19.7.2022, p. 137–138 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1242/oj

    19.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 190/137


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1242

    tat-18 ta’ Lulju 2022

    li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (1) jipprevedi li l-atti tal-Kunsill dwar kwistjoni urġenti jistgħu jiġu adottati b’vot bil-miktub meta l-Kunsill jew il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper) jiddeċiedi b’mod unanimu li juża dik il-proċedura.

    (2)

    Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fejn il-laqgħat tal-Kunsill ma setgħux isiru regolarment, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/430 (2) li introduċiet deroga temporanja li tiġġedded mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fir-rigward ta’ deċiżjonijiet biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub, fejn dawk id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Coreper. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430, deċiżjoni mill-Coreper biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub kellha tittieħed f’konformità mar-regola ta’ votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni tal-att tal-Kunsill ikkonċernat. Dik id-deroga ġiet estiża mill-Kunsill tnax-il darba, ġustifikata mill-kontinwazzjoni taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. L-estensjoni l-aktar reċenti, introdotta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/321 (3), skadiet fit-30 ta’ Ġunju 2022.

    (3)

    Minkejja t-titjib tas-sitwazzjoni ġenerali fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19, l-użu li sar mid-deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill matul l-aħħar sentejn, u l-avvenimenti internazzjonali reċenti li kienu jeħtieġu azzjoni urġenti, juru li huwa importanti li l-Kunsill ikun jista’ jkompli juża tali għodda fil-futur.

    (4)

    Għalhekk, filwaqt li nibnu fuq l-esperjenza miksuba fl-iżgurar b’suċċess tal-kontinwità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill matul il-pandemija tal-COVID-19 b’mod effiċjenti, filwaqt li nqisu l-probabbiltà għolja li fil-futur iseħħu sitwazzjonijiet li jkunu jeħtieġu azzjoni urġenti, u b’mod konsistenti mar-rwol tal-Coreper fit-tħejjija tal-ħidma fil-Kunsill u fl-iżgurar tal-konsistenza tal-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi previst li d-deċiżjonijiet biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub, fejn dawk id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Coreper, jenħtieġ li jittieħdu f’konformità mar-regola tal-votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni tal-att tal-Kunsill ikkonċernat.

    (5)

    Il-proċedura ordinarja bil-miktub deċiża mill-Coreper jenħtieġ li tintuża biss f’ċirkostanzi li jeħtieġu azzjoni urġenti u jenħtieġ li din tkun preċeduta dejjem minn tħejjija bir-reqqa fil-Coreper, sabiex jiġu żgurati kemm jista’ jkun possibbli, fost l-oħrajn, il-koordinazzjoni nazzjonali, it-trasparenza pubblika, u l-involviment tal-parlamenti nazzjonali f’konformità mal-prattiki tal-Istati Membri.

    (6)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill jiġu emendati, f’konformità mal-Artikolu 240(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (7)

    F’konformità mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Artikolu 240 TFUE japplika għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Atti tal-Kunsill dwar kwistjoni urġenti jistgħu jiġu adottati b’vot bil-miktub fejn il-Kunsill jiddeċiedi unanimament li juża dik il-proċedura jew fejn il-Coreper jiddeċiedi li juża dik il-proċedura f’konformità mar-regola tal-votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni tal-atti tal-Kunsill ikkonċernati. F’ċirkostanzi speċjali, il-President jista’ wkoll jipproponi l-użu ta’ dik il-proċedura; f’każ bħal dan, jistgħu jintużaw voti bil-miktub fejn il-membri kollha tal-Kunsill jaqblu ma’ dik il-proċedura.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 88I, 24.3.2020, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/321 tal-24 ta’ Frar 2022 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 55, 28.2.2022, p. 45).


    Top