EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D1158
Council Decision (EU) 2022/1158 of 27 June 2022 on the signing, on behalf of the Union, and provisional application of the Agreement between the European Union and Ukraine on the carriage of freight by road
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq
ST/10407/2022/INIT
ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1158/oj
6.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 179/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1158
tas-27 ta’ Ġunju 2022
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fit-2 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill awtorizza l-bidu ta’ negozjati mal-Ukrajna dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim”). |
(2) |
In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fl-14 ta’ Ġunju 2022. |
(3) |
Fid-dawl tat-tfixkil importanti fis-settur tat-trasport fl-Ukrajna kkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa, huwa neċessarju li jinstabu rotot alternattivi bit-triq għall-Ukrajna biex tesporta l-ħażniet tagħha tal-qmuħ, tal-fjuwil, tal-oġġetti tal-ikel u ta’ prodotti rilevanti oħra. |
(4) |
Peress li l-permessi mogħtija fil-qafas tas-sistema multilaterali tal-kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport fil-Forum Internazzjonali tat-Trasport u l-ftehimiet bilaterali eżistenti mal-Ukrajna ma jippermettux il-flessibbiltà neċessarja għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq Ukreni biex iżidu u jippjanaw bil-quddiem l-operazzjonijiet tagħhom mill-Unjoni Ewropea u mal-Unjoni Ewropea, hu kruċjali li t-trasport tal-merkanzija bit-triq jiġi lliberalizzat għall-operazzjonijiet bilaterali u għat-tranżitu. |
(5) |
Minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna, ħafna sewwieqa Ukreni ma għadhomx jistgħu jimxu mal-proċeduri amministrattivi relatati mad-dokumenti tas-sewwieqa bħall-applikazzjonijiet għall-permessi internazzjonali tas-sewqan jew il-ħruġ ta’ dokumenti ġodda f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew misruqa. Għalhekk hu importanti li jiġu indirizzati dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali billi jiġu previsti miżuri speċifiċi li jeżentaw lis-sewwieqa mir-rekwiżit li jippreżentaw permess internazzjonali tas-sewqan, jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet tal-Ukrajna li jestendu l-validità amministrattiva tad-dokumenti tas-sewwieqa, u jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Partijiet biex jiġu miġġielda l-frodi u l-falsifikazzjoni tad-dokumenti tas-sewwieqa. |
(6) |
Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u uniċi li jeħtieġu l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim u f’konformità mat-Trattati, huwa xieraq li l-Unjoni teżerċita b’mod temporanju l-kompetenza kondiviża rilevanti mogħtija lilha mit-Trattati. Kwalunkwe effett ta’ din id-Deċiżjoni dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkun strettament limitat fiż-żmien. Il-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni abbażi ta’ din id-Deċiżjoni u tal-Ftehim għalhekk jenħtieġ li tiġi eżerċitata biss matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-kompetenza kondiviża hekk eżerċitata ser tieqaf tkun eżerċitata mill-Unjoni hekk kif jieqaf japplika l-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, dik il-kompetenza, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ser terġa’ tiġi eżerċitata mill-Istati Membri wara dan. Barra minn hekk, huwa mfakkar li, kif stabbilit fil-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f’din id-Deċiżjoni jkopri biss dawk l-elementi regolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim u ma jkoprix il-qasam kollu. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni b’din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor f’dak il-qasam. |
(7) |
Għalhekk, il-Ftehim, li huwa limitat fiż-żmien, b’possibbiltà ta’ tiġdid, soġġett għal deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim li għandu jsegwi l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li tiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni f’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ffirmat b’mod urġenti f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. |
(8) |
Biex jibdew jintużaw l-effetti ta’ benefiċċju tal-Ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija u titħalla l-esportazzjoni tal-prodotti Ukreni b’mod partikolari tal-qmuħ, mill-aktar fis possibbli, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 13 tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).
Artikolu 2
1. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun limitat għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, wara tmiem dak il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-Unjoni għandha tieqaf minnufih milli teżerċita dik il-kompetenza, u l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f’konformità mal-Artikolu 2(2) TFUE.
2. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali relatati mat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mal-Ukrajna, fir-rigward tal-perjodu wara li dan il-Ftehim ma jibqax japplika.
3. L-eżerċizzju tal-kompetenza mill-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 ikopri biss l-elementi rregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.
4. Din id-Deċiżjoni u l-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward ta’ elementi għajr dawk irregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li ser ikollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Skont l-Artikolu 13 tiegħu, il-Ftehim għandu japplika b’mod proviżorju sa mid-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
A. PANNIER-RUNACHER
(1) Ara l-paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.