Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1108

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 tal-1 ta’ Lulju 2022 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (notifikata bid-dokument C(2022) 4469) (It-testi biċ-Ċek, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż biss huma awtentiċi

C/2022/4469

ĠU L 178, 5.7.2022, p. 57–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1108/oj

5.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 178/57


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1108

tal-1 ta’ Lulju 2022

dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna

(notifikata bid-dokument C(2022) 4469)

(It-testi biċ-Ċek, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż biss huma awtentiċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerta merkanzija (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Frar 2022, ir-Russja bdiet aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna. Wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, sal-24 ta’ Mejju 2022 waslu madwar 6,2 miljun ruħ fl-Unjoni. L-influss ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna joħloq sfida għall-Istati Membri kkonċernati meta jiġu biex jiżguraw li tingħata biżżejjed assistenza umanitarja u li jissodisfaw il-ħtiġijiet primarji ta’ dawk in-nies. Is-Slovakkja fis-27 ta’ Frar 2022, il-Polonja fit-28 ta’ Frar 2022, u ċ-Ċekja fil-11 ta’ Marzu 2022 talbu għall-assistenza f’konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rigward ta’ kenn temporanju ta’ emerġenza, merkanzija ta’ akkomodazzjoni, mediċini u merkanzija mediċi, tagħmir li għandu jintuża għall-ġestjoni u l-forniment tal-ikel lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna.

(2)

Fl-24 ta’ Frar 2022, l-Ukrajna talbet assistenza f’konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE fir-rigward tal-provvisti tal-protezzjoni ċivili.

(3)

Bħala espressjoni ta’ solidarjetà u appoġġ, l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali wieġbu billi pprovdew merkanzija ta’ assistenza umanitarja sabiex titqassam lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra u li jaslu fl-Unjoni u lill-persuni affettwati mill-gwerra fl-Ukrajna.

(4)

Fl-14 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni kkonsultat mal-Istati Membri dwar il-ħtieġa ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprevedi eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) fuq merkanzija importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għad-distribuzzjoni jew li ssir disponibbli mingħajr ħlas għal persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Wara dik l-inkjesta, tali talbiet saru mill-Awstrija, miċ-Ċekja, mill-Estonja, minn Franza, mill-Greċja, mill-Kroazja, mil-Lussemburgu, minn Malta, min-Netherlands, mill-Polonja, mir-Rumanija, mis-Slovakkja, mis-Slovenja, u mill-Ungerija fit-18 ta’ Marzu 2022, mill-Irlanda u mil-Litwanja fil-21 ta’ Marzu 2022, u mill-Finlandja u mill-Italja fit-23 ta’ Marzu 2022 (“l-Istati Membri rikjedenti”).

(5)

Peress li l-kriżi umanitarja kkawżata mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna għandha konsegwenzi kbar mhux biss fl-Ukrajna, iżda wkoll f’għadd ta’ Stati Membri, din tikkostitwixxi diżastru li jaffettwa t-territorju ta’ għadd ta’ Stati Membri fis-sens tal-Kapitolu XVII, it-Taqsima C tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tat-Titolu VIII, il-Kapitolu 4, tad-Direttiva 2009/132/KE.

(6)

Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri rikjedenti jiġu awtorizzati jagħtu eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni li għandhom jitħallsu fuq merkanzija importata għall-iskopijiet deskritti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżenzjoni mill-VAT li għandha titħallas fuq merkanzija importata għall-iskopijiet deskritti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE minn organizzazzjonijiet tal-Istat, organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rikjedenti, jew f’isimhom. Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni bla preċedent u l-ħtieġa ta’ reazzjoni rapida, huwa xieraq li l-Istati Membri rikjedenti jiġu awtorizzati jagħtu eżenzjoni mid-dazju u mill-VAT għall-merkanzija għal assistenza umanitarja importati biex tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera anki minn organizzazzjonijiet tal-Istat jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi oħra li huma approvati u jwettqu attivitajiet simili fi Stat Membru ieħor rikjedenti fejn il-merkanzija tkun maħsuba biex tintuża. Sabiex tingħata tweġiba għat-talbiet tal-Istati Membri biex tingħata assistenza lill-persuni li baqgħu fl-Ukrajna u li huma affettwati serjament mill-gwerra, jeħtieġ ukoll li jiġi awtorizzat aktar trasferiment ta’ dik il-merkanzija lejn organizzazzjonijiet tal-Istat Ukreni jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti Ukreni għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas tal-merkanzija lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna. Barra minn hekk, huwa xieraq li l-Istati Membri rikjedenti jiġu awtorizzati jagħtu eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni li għandhom jitħallsu fuq il-merkanzija importata għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżenzjoni mill-VAT li għandha titħallas fuq merkanzija importata għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE meta dawn jiġu importati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn l-aġenziji ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastru, jew f’isimhom, sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom matul il-perjodu li jipprovdu għajnuna f’każ ta’ diżastru lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna.

(7)

Sabiex jiġu mmonitorjati l-importazzjonijiet li għalihom jingħata l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji jew tal-eżenzjoni mill-VAT, l-Istati Membri rikjedenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bin-natura u bil-kwantitajiet tal-merkanzija differenti ammessa mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u l-VAT għad-distribuzzjoni jew id-disponibbiltà mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, bl-organizzazzjonijiet li jkunu approvaw għad-distribuzzjoni jew għad-disponibbiltà ta’ dik il-merkanzija u bil-miżuri meħuda biex jiġi evitat li l-merkanzija tintuża għal skopijiet oħra għajr dawk li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, jiġu evitati l-irregolaritajiet, u jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Istati Membri rikjedenti jiżguraw l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll doganali pertinenti fir-rigward tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni u l-użu liberi u t-trasferiment sussegwenti lejn l-Ukrajna ta’ merkanzija li għaliha jingħata l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji doganali jew mill-eżenzjoni mill-VAT. Il-miżuri meħuda għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni qabel l-iskadenza stabbilita b’din id-Deċiżjoni.

(9)

Filwaqt li jitqiesu l-isfidi estremi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri rikjedenti, jenħtieġ li l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT jingħataw għall-importazzjonijiet li saru mill-24 ta’ Frar 2022. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tibqa’ fis-seħħ sat-31 ta’ Diċembru 2022.

(10)

Fid-19 ta’ April 2022, l-Istati Membri ġew ikkonsultati f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/132/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-merkanzija għandha tiddaħħal mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tkun eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-merkanzija tkun maħsuba għal wieħed minn dawn l-użi li ġejjin:

(i)

distribuzzjoni mingħajr ħlas mill-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c) għall-benefiċċju tal-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna;

(ii)

tkun magħmula disponibbli mingħajr ħlas għall-benefiċċju tal-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna filwaqt li tibqa’ l-proprjetà tal-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c);

(b)

il-merkanzija tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 75, 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u fl-Artikoli 52, 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE;

(c)

il-merkanzija tkun importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-organizzazzjonijiet tal-Istat, fosthom korpi tal-Istat, korpi pubbliċi u korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika, jew f’isimhom, jew minn organizzazzjonijiet filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri rikjedenti fejn il-merkanzija tkun maħsuba li tintuża, jew f’isimhom.

2.   Il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiddaħħal ukoll ħielsa mid-dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżentati mill-VAT mal-importazzjoni skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/132/KE fi Stat Membru rikjedenti għajr l-Istat Membru rikjedenti fejn il-merkanzija hija maħsuba li tintuża, sakemm il-merkanzija tiġi importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn organizzazzjoni tal-Istat jew organizzazzjoni tal-karità jew filantropika oħra li tkun approvata mill-awtoritajiet kompetenti u li twettaq attivitajiet simili fl-Istat Membru fejn il-merkanzija hija maħsuba li tintuża.

3.   It-trasferiment tal-merkanzija bejn iż-żewġ Stati Membri għandu jkun soġġett għal notifika minn qabel minn organizzazzjoni tal-karità jew filantropika approvata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti li jagħti eżenzjoni mid-dazju u mill-VAT.

4.   Soġġett għal notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti li jagħti l-eżenzjoni mid-dazju, l-organizzazzjonijiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazju u mill-eżenzjoni mill-VAT f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, jistgħu jittrasferixxu l-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1, li għaliha jkunu ngħataw eżenzjoni mid-dazju u mill-VAT, lill-organizzazzjonijiet tal-Istat Ukreni jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi oħra approvati mill-awtoritajiet kompetenti Ukreni għad-distribuzzjoni tal-merkanzija mingħajr ħlas lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna.

5.   Soġġett għall-Artikoli 75 sa 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u l-Artikoli 52 sa 57 tad-Direttiva 2009/132/KE, il-merkanzija għandha tiddaħħal ukoll mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tkun eżentata mill-VAT mal-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta din tkun importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn aġenziji li jagħtu l-għajnuna f’każ ta’ diżastru jew f’isimhom, sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom tul il-perjodu li fih jagħtu għajnuna f’każ ta’ diżastru lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni rigward in-natura u l-kwantitajiet ta’ merkanzija li huma jkunu daħħlu kull xahar mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT skont l-Artikolu 1, fil-ħmistax-il jum tax-xahar ta’ wara x-xahar ta’ rappurtar.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2023:

(a)

lista tal-organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1);

(b)

l-informazzjoni kkonsolidata dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-merkanzija li tkun iddaħħlet mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT skont l-Artikolu 1;

(c)

il-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-Artikoli 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE u, kif jixraq, il-ġestjoni tar-riskju u l-miżuri ta’ kontroll doganali meħuda skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fir-rigward tal-merkanzija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet lejn l-Awstrija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, u l-Ungerija mill-24 ta’ Frar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika tal-Estonja, lill-Irlanda, lir-Repubblika Ellenika, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, u lir-Repubblika tal-Finlandja.

Għandha tapplika mill-24 ta’ Frar 2022.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5.

(2)   ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


Top