EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0937

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/937 tas-16 ta’ Ġunju 2022 li tħassar id-Deċiżjoni 2006/563/KE dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien b’rabta mal-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna tas-sottotip H5N1 fi tjur slavaġ fil-Komunità (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/3937

ĠU L 162, 17.6.2022, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/07/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/937/oj

17.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 162/37


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/937

tas-16 ta’ Ġunju 2022

li tħassar id-Deċiżjoni 2006/563/KE dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien b’rabta mal-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna tas-sottotip H5N1 fi tjur slavaġ fil-Komunità

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 71(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu miżuri speċjali għall-kontroll tal-mard fil-qafas tal-kontroll tat-tifqigħat tal-mard elenkat kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429, meta l-miżuri għall-kontroll tal-mard li kienu diġà meħuda mhumiex adatti għas-sitwazzjoni epidemjoloġika.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (2) jikkategorizza l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (HPAI) bħala marda elenkata kif imsemmija fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/563/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ ħarsien li jridu jiġu applikati f’każijiet meta l-HPAI kkawżata mill-virus tal-influwenza A tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 tkun instabet u n-newraminidażi tat-tip N1 (H5N1) tkun issuspettata jew ikkonfermata fl-għasafar selvaġġi. Il-bażi ġuridika ta’ din id-Deċiżjoni tinkludi l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE (4) u l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE (5). Dawk id-Direttivi tħassru fl-14 ta’ Diċembru 2019 bir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Madankollu, l-Artikolu 164(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/662/KEE u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425/KEE għandhom ikomplu japplikaw fir-rigward ta’ kwistjonijiet irregolati bir-Regolament (UE) 2016/429 sad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429. Ir-Regolament (UE) 2016/429 beda japplika fil-21 ta’ April 2021.

(4)

Barra minn hekk, il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2006/563/KE, mhumiex adatti għas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2006/563/KE titħassar.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/563/KE titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/563/KE tal-11 ta’ Awwissu 2006 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien b’rabta mal-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna tas-sottotip H5N1 fi tjur slavaġ fil-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/115/KE (ĠU L 222, 15.8.2006, p. 11).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).


Top