EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0393

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/393 tat-3 ta’ Marzu 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-65 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi fir-rigward taż-żieda ta’ tliet sustanzi mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi

ST/6202/2022/INIT

ĠU L 79, 9.3.2022, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/393/oj

9.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/36


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/393

tat-3 ta’ Marzu 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-65 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi fir-rigward taż-żieda ta’ tliet sustanzi mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-1988 (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE (1) u daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Novembru 1990.

(2)

Skont l-Artikolu 12(2) sa (7) tal-Konvenzjoni, jistgħu jiżdiedu sustanzi fit-Tabelli tal-Konvenzjoni li jelenkaw il-prekursuri tad-droga.

(3)

Waqt il-65 sessjoni, li ser issir fi Vjenna mill-14 sat-18 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi għandha tadotta deċiżjoni dwar iż-żieda ta’ tliet sustanzi mat-Tabella tal-Konvenzjoni.

(4)

Skont il-valutazzjoni tal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi, tliet sustanzi, jiġiferi 4-AP, 1-boc-4-AP u norfentanil huma ta’ spiss użati fil-manifattura ille`ita tal-fentanil u huma adattati ferm għall-manifattura illeċita tal-fentanil u ta’ għadd ta’ analogi tal-fentanil, li huma oppjojdi sintetiċi qawwija ħafna. Hemm evidenza li l-volum u l-firxa tal-manifattura illeċita tal-fentanil u tal-analogi tal-fentanil joħolqu problemi serji ta’ saħħa pubblika u soċjali. Għaldaqstant huwa ġustifikat it-tqegħid tas-sustanzi 4-AP, 1-boc-4-AP u norfentanil taħt kontroll internazzjonali.

(5)

Fit-2 ta’ Frar 2022 il-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi irrakkomanda li l-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi żżid is-sustanzi 4-AP, 1-boc-4-AP u norfentanil mat-Tabella I tal-Konvenzjoni.

(6)

Il-fentanil u s-sustanzi analogi tal-fentanil manifatturati b’mod illeċitu kkawżaw problemi sinifikanti ta’ saħħa pubblika u soċjali f’ċerti Stati Membri.

(7)

Id-deċiżjoni dwar iż-żieda ta’ sustanzi mat-Tabella I tal-Konvenzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. L-Unjoni għandha status ta’ osservatur fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, u minnha 12-il Stat Membru tal-Unjoni huma membri tagħha bi dritt għall-vot.

(8)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, billi d-deċiżjoni ta’ dik il-Kummissjoni ser tkun vinkolanti għall-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-li[i tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 (3).

(9)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(10)

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jenħtieġ li tkun li jiżdiedu s-sustanzi 4-AP, 1-boc-4-AP u norfentanil mat-Tabella I tal-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-65 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li ser issir mill-14 sat-18 ta’ Marzu 2022 għandha tkun li jiżdiedu s-sustanzi li ġejjin mat-Tabella I tal-Konvenzjoni:

(a)

4-AP;

(b)

1-boc-4-AP; u

(c)

norfentanil.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DARMANIN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE tat-22 ta’ Ottubru 1990 fir-rigward tal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (ĠU L 326, 24.11.1990, p. 56).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1)–.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat- 22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1).


Top