EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0366

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366 tat-3 ta’ Marzu 2022 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir

ST/6190/2022/INIT

ĠU L 69, 4.3.2022, p. 105–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/02/2023; Imħassar b' 32022D2198

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/366/oj

4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/105


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/366

tat-3 ta’ Marzu 2022

dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-28 ta’ Mejju 2015 u ġie konkluż fit-12 ta' Frar 2016 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/272 (2). Il-Ftehim jiffaċilita l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu u l-ivvjaġġar lejn Vanuatu għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

(2)

Il-Ftehim huwa bbażat fuq ix-xewqa komuni tal-Partijiet Kontraenti li jinkoraġġixxu l-kuntatti bejn il-persuni, jagħtu spinta lit-turiżmu u jagħtu spinta lin-negozju bejn l-Unjoni u Vanuatu.

(3)

Skont l-Artikolu 8(4) tal-Ftehim, kull Parti Kontraenti tista’ tissospendi b’mod sħiħ jew parzjalment l-applikazzjoni tal-Ftehim b’mod partikolari għal raġunijiet tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Jekk ir-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu, il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni tal-Ftehim għandha tinforma lill-Parti Kontraenti l-oħra minnufih u għandha tneħħi s-sospensjoni.

(4)

Vanuatu jopera skemi ta’ ċittadinanza b’investiment li bihom ta n-nazzjonalità ta’ Vanuatu lil ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn li ma kellhom l-ebda konnessjoni preċedenti ma’ Vanuatu, u ħareġ deċiżjonijiet pożittivi dwar il-maġġoranza vasta tal-applikazzjonijiet. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Passaporti ta’ Vanuatu fl-14 ta’ Ġunju 2021, sa Marzu 2021 Vanuatu kien ħareġ 10 500 passaport taħt tali skemi, b’rata ta’ ċaħda estremament baxxa. Dan iqajjem dubji dwar l-affidabilità tal-investigazzjoni ta’ sigurtà u ta’ diliġenza dovuta mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu.

(5)

Fi skambji f’Ottubru 2017, Novembru 2019, Ġunju 2020 u Marzu 2021, il-Kummissjoni esprimiet tħassib serju u wissiet lill-Gvern ta’ Vanuatu dwar il-possibbiltà li jerġa’ jiddaħħal ir-rekwiżit tal-viża. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Vanuatu ma kinux biżżejjed biex itaffu dan it-tħassib.

(6)

L-għoti taċ-ċittadinanza lill-applikanti elenkati fil-bażijiet tad-data tal-INTERPOL jikkontradixxi l-assigurazzjonijiet preċedenti mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu fir-rigward tal-investigazzjoni ta’ sigurtà u jqajjem aktar tħassib dwar l-affidabbiltà tal-proċeduri ta’ investigazzjoni ta’ sigurtà tal-iskemi.

(7)

Fost l-applikanti li rnexxew jiksbu n-nazzjonalità ta’ Vanuatu hemm ċittadini ta’ diversi pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qajmet tħassib dwar in-nuqqas ta’ preżenza fiżika jew ta’ rekwiżiti ta’ residenza, il-perijodi qosra ta’ pproċessar tal-iskemi u n-nuqqas ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti jew mal-pajjiżi ta’ residenza prinċipali passata. Il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li l-investigazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment f’Vanuatu ma tiggarantix livell għoli ta’ sigurtà.

(8)

Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim jenħtieġ li tkun limitata għall-passaporti ordinarji maħruġa mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem, meta l-għadd ta’ applikanti li rnexxew taħt l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu bdew jiżdiedu b’mod sinifikanti.

(9)

L-applikazzjoni tal-Ftehim fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Vanuatu li għandhom passaport ordinarju maħruġ minn Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015 jenħtieġ għalhekk li tiġi sospiża.

(10)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiexx marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir huwa b’dan sospiż mill-4 ta’ Mejju 2022 fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Vanuatu li għandhom passaport ordinarju maħruġ minn Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 8(4) tal-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DARMANIN


(1)  ĠU L 173, 3.7.2015, p. 48.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/272 tat-12 ta’ Frar 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (ĠU L 52, 27.2.2016, p. 11).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).


Top