Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0346

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/346 tal-1 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    ĠU L 63, 2.3.2022, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/346/oj

    2.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 63/5


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/346

    tal-1 ta’ Marzu 2022

    li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

    (2)

    L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

    (3)

    Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    (4)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta’ pakkett ta’ sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri.

    (5)

    Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ messaġġi finanzjarji speċjalizzati lil ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu Russi u s-sussidjarji Russi tagħhom, li huma rilevanti għas-sistema finanzjarja Russa u li huma diġa’ soġġetti għal miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni jew mill-pajjiżi sħab u, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, fir-rigward tal-impenn mal-Fond Russi tal-Investiment Dirett. Huwa xieraq ukoll li tiġi pprojbita, suġġetta għal ċerti eċċezzjonijiet, il-provvista ta’ karti tal-flus tal-euro lir-Russja.

    (6)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

    (7)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jkunu effettivi, jenħtieġ li hija tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

    (8)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 1e

    Għandu jkun ipprojbit mit-12 ta’ Marzu 2022 il-forniment ta’ servizzi ta’ messaġġi finanzjarji speċjalizzati, li jintużaw għall-iskambju ta’ data finanzjarja, lill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness VIII jew lil xi persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja li jkollhom sjieda, direttament jew indirettament, ta’ 50% jew aktar tad-drittijiet proprjetarji ta’ xi entità elenkata fl-Anness VIII.

    Artikolu 1f

    1.   Għandu jkun ipprojbit li jinbiegħu, jiġu pprovduti, trasferiti jew esportati karti tal-flus tal-euro lejn ir-Russja jew lil xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluż il-gvern u l-Bank Ċentrali tar-Russja, jew biex jintużaw fir-Russja.

    2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każ ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro sakemm tali bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni jkun neċessarju għal:

    (a)

    l-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jkunu qegħdin jivvjaġġaw lejn ir-Russja, jew il-membri tal-familji immedjati tagħhom li jkunu qegħdin jivvjaġġaw magħhom; jew

    (b)

    l-iskopijiet uffiċjali ta’ missjonijiet diplomatiċi, postijiet konsulari jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet skont id-dritt internazzjonali.”;

    (2)

    fl-Artikolu 4b, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “3.   Għandu jkun ipprojbit l-investiment, il-parteċipazzjoni jew il-kontribuzzjoni b’xi mod ieħor għal proġetti kofinanzjati mill-Fond Russu tal-Investiment Dirett.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, xi parteċipazzjoni ta’ investiment fi jew kontribuzzjoni għal, proġetti kofinanzjati mill-Fond Russu tal-Investiment Dirett, wara li jkunu ddeterminaw li tali parteċipazzjoni ta’ investiment jew kontribuzzjoni tkun dovuta taħt kuntratti konklużi qabel it-2 ta’ Marzu 2022 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.”;

    (3)

    l-Anness għal din id-Deċiżjoni jiżdied bħala l-Anness VIII għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-Y. LE DRIAN


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


    ANNESS

    ANNESS VIII

    LISTA TA’ PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1e

    Bank Otkritie

    Novikombank

    Promsvyazbank

    Bank Rossiya

    Sovcombank

    VNESHECONOMBANK (VEB)

    VTB BANK

    ”.

    Top