Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0151

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/151 tat-3 ta’ Frar 2022 dwar azzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-evakwazzjoni ta’ ċerti persuni partikolarment vulnerabbli mill-Afganistan

    ST/5134/2022/INIT

    ĠU L 25, 4.2.2022, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/12/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/151/oj

    4.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 25/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/151

    tat-3 ta’ Frar 2022

    dwar azzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-evakwazzjoni ta’ ċerti persuni partikolarment vulnerabbli mill-Afganistan

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-10 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2001/875/PESK (1) li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (RSUE). Il-mandat tar-RSUE ġie estiż diversi drabi, l-aktar reċenti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/289 (2), sal-31 ta’ Awwissu 2017.

    (2)

    Fit-30 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK (3) li tistabbilixxi l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL Afganistan). L-EUPOL Afganistan ġiet estiża diversi drabi, l-aktar reċenti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2040 (4), sal-15 ta’ Settembru 2017.

    (3)

    Fl-1 ta’ Mejju 2021, it-Taliban nedew offensiva u bdew jaħtfu għadd dejjem jiżdied gradwalment ta’ distretti fl-Afganistan. Fil-15 ta’ Awwissu 2021, forzi Talibani ħadu l-kontroll ta’ Kabul u waqqgħu l-gvern li kien imsejjes fuq il-kostituzzjoni.

    (4)

    F’dikjarazzjoni tal-31 ta’ Awwissu 2021 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, il-Kunsill iddikjara: “l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tagħna u, sa fejn hu possibbli, ta’ nazzjonali Afgani li kkooperaw mal-UE u l-Istati Membri tagħha u l-familji tagħhom, twettqet bħala kwistjoni ta’ prijorità u ser titkompla. F’dan ir-rigward, għaddejja ħidma intensiva biex jiġu identifikati soluzzjonijiet immirati għall-bqija tal-każijiet speċifiċi ta’ persuni f’riskju fl-Afganistan”.

    (5)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2021 dwar l-Afganistan, il-Kunsill iddikjara: "... minn Awwissu 2021, il-komunità internazzjonali, inkluż l-UE u l-Istati Membri tagħha, għamlet sforz kollettiv, f’ċirkostanzi estremi, biex tevakwa eluf ta’ ċittadini tal-UE u nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, inkluż Afgani li ħadmu għal missjonijiet diplomatiċi u Afgani oħra f’riskju, minħabba l-impenn ta’ prinċipju tagħhom għall-valuri komuni tagħna. Din kienet turija vera tas-solidarjetà tal-UE. L-UE hija grata għas-sħubija b’saħħitha tal-Istati Uniti, in-NATO, l-alleati tagħha, u l-pajjiżi fir-reġjun f’dan ir-rigward. Din kienet turija vera tas-solidarjetà tal-UE.”

    (6)

    F’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, mill-1 ta’ Ġunju 2021, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) organizza u ġġestixxa l-evakwazzjoni ta’ Afgani, b’mod partikolari ta’ dawk li kienu ħadmu għar-RSUE jew għall-EUPOL Afganistan, ta’ Afgani oħrajn partikolarment vulnerabbli li kienu kkollaboraw mal-Unjoni, u tal-qraba stretti dipendenti tagħhom. Evakwazzjonijiet bħal dawn jenħtieġ li jkomplu matul is-sena 2022. Lista ta’ persuni eliġibbli għal din l-evakwazzjoni ġie stabbilita mis-SEAE mill-1 ta’ Ottubru 2021. Hija tista’ tiġi emendata kif meħtieġ mis-SEAE.

    (7)

    Azzjoni operazzjonali taħt il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni jenħtieġ li tappoġġa dawk l-evakwazzjonijiet,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Objettivi u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   L-Unjoni għandha tappoġġa l-evakwazzjoni mill-Afganistan, bejn l-1 ta’ Ġunju 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2022, ta’:

    (a)

    eks membri tal-persunal tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE fl-Afganistan (RSUE);

    (b)

    eks membri tal-persunal tal-EUPOL Afganistan;

    (c)

    il-persuni l-oħra partikolarment vulnerabbli segwenti:

    uffiċjali jew professjonisti oħra, attivi fis-settur politiku jew tas-sigurtà fl-Afganistan (bħal imħallfin, prosekuturi, uffiċjali tal-pulizija, persunal militari u ġurnalisti), li kienu mħarrġa taħt, jew li kienu involuti fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni;

    membri tal-persunal ta’ eks fornituri tal-EUPOL Afganistan u tar-RSUE;

    membri tal-persunal tal-fornituri tad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Kabul, impjegati f’dik il-kapaċità f’perijodu bejn is-16 ta’ Awwissu 2019 u l-15 ta’ Awwissu 2021; u,

    (d)

    il-konjuġi dipendenti, it-tfal, il-ġenituri u l-aħwa bniet mhux miżżewġa ta’ persuni elenkati fil-punti (a), (b) jew (c).

    2.   L-evakwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi organizzata u ġestita mis-SEAE, taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli).

    3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni għandu jkun ta’ EUR 1 990 000.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mas-SEAE.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u durata

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2021.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Frar 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-Y. LE DRIAN


    (1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/875/PESK tal-10 ta’ Diċembru 2001 dwar il-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 326, 11.12.2001, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/289 tas-17 ta’ Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2005 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan (ĠU L 42, 18.2.2017, p. 13).

    (3)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/PESK tat-30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGANISTAN) (ĠU L 139, 31.5.2007, p. 33).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2040 tal-21 ta’ Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/279/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN), li tipprevedi l-likwidazzjoni tagħha (ĠU L 314, 22.11.2016, p. 20).


    Top