Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 32022D0101

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/101 tal-24 ta’ Jannar 2022 dwar abbozz ta’ Digriet mir-Renju tan-Netherlands dwar il-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar innotifikat f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 313) (It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/313

    ĠU L 17, 26.1.2022, blz. 56–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Juridische status van het document Van kracht

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/101/oj

    26.1.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 17/56


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/101

    tal-24 ta’ Jannar 2022

    dwar abbozz ta’ Digriet mir-Renju tan-Netherlands dwar il-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar innotifikat f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2022) 313)

    (It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2)(b) u 12 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel jipprovdi, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni Komunitarja, għan-notifika u l-valutazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda li jikkonċernaw inter alia l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni fuq l-użu ta’ ċerti sustanzi oħra fil-manifattura ta’ ikel speċifikat.

    (2)

    F’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 12 moqri flimkien mal-Artikolu 11(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, l-awtoritajiet Netherlandiżi, fit-28 ta’ Lulju 2020, innotifikaw lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ digriet li fih regoli dwar ikel ibbażat fuq proteina tal-ħalib tal-baqra jew tal-mogħża, li miegħu ġew miżjuda mill-inqas vitamina, mineral jew sustanza oħra waħda jew aktar, u li huwa maħsub biex jintuża bħala xarba għal tfal żgħar bejn l-etajiet ta’ sena u tliet snin (Digriet tal-Att dwar il-Komoditajiet dwar il-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib tat-tfal żgħar).

    (3)

    L-Artikolu 1 tal-abbozz ta’ digriet jistabbilixxi definizzjoni ta’ “formula tat-tfal żgħar” u ta’ “ħalib għat-tfal żgħar”.

    (4)

    L-Artikoli 3 u 4 tal-abbozz tad-digriet jistabbilixxu rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni ta’ “formula tat-tfal żgħar” u “ħalib għat-tfal żgħar”, inklużi restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti sustanzi oħra fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

    (5)

    B’mod partikolari, l-Artikolu 3 tal-abbozz tad-digriet jipprevedi rekwiżiti minimi ta’ kompożizzjoni għall-proteini, il-lipidi u l-karboidrati kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 (2).

    (6)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-abbozz tad-digriet jipprevedi li fir-rigward ta’ ċerti sustanzi oħra, japplikaw ir-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127.

    (7)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi jqisu li l-abbozz tal-miżura huwa ġġustifikat abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. B’mod aktar preċiż, l-awtoritajiet Netherlandiżi jargumentaw li sabiex jiġi żgurat li kwantitajiet sikuri ta’ “sustanza oħra” jiġu kkunsmati minn tfal żgħar, il-“ħalib għat-tfal żgħar” u l-“formula tat-tfal żgħar” jenħtieġ jikkonformaw mal-istess rekwiżiti ta’ kompożizzjoni għal “sustanza oħra” bħal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni armonizzata għall-formuli tal-prosegwiment.

    (8)

    F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li kien jirrikjedi li l-Kummissjoni tanalizza jekk humiex meħtieġa dispożizzjonijiet speċifiċi għax-xarbiet ibbażati fuq il-ħalib u xarbiet simili maħsuba għat-tfal żgħar, il-Kummissjoni adottat rapport fil-31 ta’ Marzu 2016 (4). Dan ir-rapport ikkonkluda li ma hemm l-ebda ħtieġa għal dispożizzjonijiet speċifiċi għal din il-kategorija ta’ ikel peress li l-applikazzjoni korretta u sħiħa tal-qafas ġenerali tal-liġi dwar l-ikel tal-Unjoni Ewropea tista’ tirregola b’mod adegwat il-kompożizzjoni ta’ xarbiet ibbażati fuq il-ħalib għat-tfal żgħar u l-komunikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti. Tali konklużjonijiet kienu bbażati fuq il-parir xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”) maħruġ fl-2013 dwar formuli għat-tfal żgħar (5) li fih hija nnotat li dawn il-prodotti ma għandhom “l-ebda rwol uniku” u “ma jistgħux jitqiesu bħala neċessità biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti nutrittivi tat-tfal żgħar” meta mqabbla ma’ ikel ieħor li jista’ jiġi inkluż fid-dieta normali tagħhom.

    (9)

    Għalhekk, mill-20 ta’ Lulju 2016, ix-xarbiet magħmulin mill-ħalib maħsuba għat-tfal żgħar jitqiesu bħala ikel normali u għalhekk huma koperti esklussivament mir-regoli orizzontali tal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar l-ikel.

    (10)

    Fil-każ fejn Stat Membru joħloq ostaklu għall-kummerċ dan jenħtieġ jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat u xieraq u proporzjonat għall-għan ġustifikabbli li għandu jintlaħaq. Dwar il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżura ma għandiex tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex effettivament jiġi protett l-għan ġustifikabbli.

    (11)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi ma jipprovdu l-ebda evidenza xjentifika b’appoġġ għall-argument tagħhom li għandhom jiġu promulgati regoli addizzjonali fil-livell nazzjonali u jonqsu milli juru u jissostanzjaw kwalunkwe riskju għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta jekk “formula tat-tfal żgħar” u “ħalib għat-tfal żgħar” ma jikkonformawx ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ kompożizzjoni. Minflok, huma jispjegaw li l-Kunsill tas-Saħħa tan-Netherlands bħalissa qed iwettaq riċerka dwar l-istandards djetetiċi u riċerka dwar id-dieta tat-tfal bejn it-twelid u l-età ta’ sentejn, u li abbażi ta’ dawn ir-riżultati u l-pariri, jista’ jiġi kkunsidrat l-adattament tal-abbozz tad-digriet.

    (12)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Netherlandiżi ma pprovdewx evidenza xjentifika li tqajjem dubji dwar il-parir xjentifiku pprovdut mill-Awtorità fl-2013 (6) u li fuqu l-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha fir-rapport tagħha adottat fl-2016. Il-konklużjonijiet tar-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar xarbiet ibbażati fuq il-ħalib u prodotti simili maħsuba għat-tfal żgħar sabu li ma hemm l-ebda ħtieġa għal dispożizzjonijiet speċifiċi dwar rekwiżiti ta’ kompożizzjoni bħal dawk fl-abbozz notifikat għall-ikel ikkunsmat minn tfal żgħar.

    (13)

    Għalhekk, l-awtoritajiet Netherlandiżi jonqsu milli jipprovdu xi ġustifikazzjoni xjentifika li tissostanzja l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni fir-rigward ta’ “sustanzi oħra” għall-prodotti kummerċjalizzati bħala “formula tat-tfal żgħar” u “ħalib għat-tfal żgħar”.

    (14)

    F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, fil-5 ta’ Ottubru 2020 il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

    (15)

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, fis-27 ta’ Jannar 2021 il-Kummissjoni tat opinjoni negattiva skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 dwar l-abbozz innotifikat, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 3 u 4 tiegħu, u għandha tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12(3) ta’ dak ir-Regolament.

    (16)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi jeħtieġu għalhekk jintalbu biex ma jadottawx l-Artikoli 3 u 4 tal-abbozz tad-digriet inkwistjoni peress li abbażi tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq huma naqsu milli jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tagħhom u dawk l-Artikoli kienu soġġetti għal opinjoni negattiva tal-Kummissjoni mis-27 ta’ Jannar 2021.

    (17)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu Uniku

    Abbażi tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-opinjoni negattiva tagħha u ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Renju tan-Netherlands ma għandux jadotta l-Artikoli 3 u 4 tal-abbozz tad-Digriet tal-Att dwar il-Prodotti Bażiċi dwar il-formula tat-tfal żgħar u l-ħalib għat-tfal żgħar, li huwa nnotifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, u li kien soġġett għal opinjoni negattiva tal-Kummissjoni nnotifikata lill-awtoritajiet Netherlandiżi fis-27 ta’ Jannar 2021.

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar (ĠU L 25, 2.2.2016, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

    (4)  Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-formuli tat-tfal żgħar (COM/2016/0169 final).

    (5)  EFSA Panel on Dietetic Products, Nutrition and Allergies, 2013, Scientific Opinion on nutrient requirements and dietary intakes of infants and young children in the European Union, EFSA Journal 2013; 11 (10): 3408.

    (6)  Ibid.


    Naar boven