Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1922

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1922 tal-4 ta’ Novembru 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/581 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru

    C/2021/7709

    ĠU L 391, 5.11.2021, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1922/oj

    5.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 391/43


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1922

    tal-4 ta’ Novembru 2021

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/581 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/581 tas-16 ta’ April 2018 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1147/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2018/581 temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru.

    (2)

    L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1517 (2) jelenka ċ-ċertifikati li jitqiesu ekwivalenti għaċ-ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat tal-Formola 1 tal-EASA, li jistgħu jintużaw mill-operaturi ekonomiċi tal-UE meta jimportaw oġġetti milquta mis-sospensjoni u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament (UE) 2018/581.

    (3)

    Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) (3) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fid-29 ta’ Diċembru 2020. Dan applika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ April 2021 u daħal fis-seħħ formalment fl-1 ta’ Mejju 2021.

    (4)

    Il-Ftehim ikopri kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-avjazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni mal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili (Civil Aviation Authority, CAA) tar-Renju Unit li toħroġ ċertifikati tar-rilaxx awtorizzat. Għaldaqstant, huwa xieraq li ċ-ċertifikati tal-Formola 1 tas-CAA maħruġa mis-CAA jitqiesu bħala ekwivalenti għall-Formola 1 tal-EASA u li jiġu inklużi fil-lista tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517.

    (5)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Skont l-Anness 30 “Ċertifikazzjoni tal-Ajrunavigabbiltà u tal-Ambjent” tal-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikolu 15, il-punt (a), u l-Artikolu 21(1) u (2) tiegħu, iċ-ċertifikati tal-Formola 1 tas-CAA maħruġa mis-CAA għall-prodotti żviluppati u ċċertifikati qabel l-31 ta’ Diċembru 2020 huma meqjusa bħala suffiċjenti għall-oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517 biex jibbenefikaw mis-sospensjoni tad-dazju tal-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2018/581, mill-1 ta’ Jannar 2021. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika b’mod retroattiv fir-rigward ta’ tali ċertifikati sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi, u jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517 huwa emendat u tiżdied ir-ringiela li ġejja:

    Awtorità tal-Avjazzjoni

    Ċertifikat tar-Rilaxx Awtorizzat

    “L-awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit

    Formola 1 tas-CAA  (4)

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 98, 18.4.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1517 tal-11 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/581 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru (ĠU L 256, 12.10.2018, p. 58).

    (3)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

    (4)  Mill-1.1.2021.”


    Top