Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1337

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1337 tat-18 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja

    C/2021/4263

    ĠU L 289, 12.8.2021, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R0128

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1337/oj

    12.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 289/9


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1337

    tat-18 ta’ Ġunju 2021

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 46(6) u l-Artikolu 104 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (2) jistabbilixxi r-regoli ġenerali applikabbli għad-dikjarazzjoni tal-infiq u d-dħul assenjat iddikjarati mill-aġenziji tal-pagamenti fir-rigward ta’ xahar partikolari. Fil-mument li jiġu stabbiliti l-pagamenti ta’ kull xahar lill-Istati Membri, il-Kummissjoni tqis il-korrezzjonijiet deċiżi mill-Kummissjoni skont l-approvazzjoni tal-kontijiet u l-approvazzjoni tal-konformità. Għaldaqstant, minħabba li l-ammonti li jikkorrispondu għal dawn il-korrezzjonijiet huma magħrufa mill-Kummissjoni, ma hemmx ħtieġa speċifika li l-Istati Membri jinkluduhom fid-dikjarazzjoni ta’ kull xahar u jiddikjarawhom lill-Kummissjoni. Sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura fir-rigward tal-ammonti li għandhom jiġu ddikjarati mill-Istati Membri, jenħtieġ li dak ir-rekwiżit jitħassar.

    (2)

    L-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jistipula li meta tiddeċiedi li tagħmel il-pagamenti ta’ kull xahar, il-Kummissjoni għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri r-riżorsi meħtieġa biex ikopru l-infiq li ser jiġi ffinanzjat skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (“EAGF”). Madankollu, hija u tagħmel dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis id-dħul riċevut mill-aġenziji tal-pagamenti f’isem il-baġit tal-Unjoni. Bħalissa, skont il-FAEG, il-Kummissjoni qed tinnettja l-ammonti tan-nefqa mal-ammonti tad-dħul assenjat direttament fid-deċiżjoni ta’ pagament ta’ kull xahar maħruġa mill-Kummissjoni. Din l-operazzjoni finanzjarja tidderoga mill-mod ta’ kif jiġi ġestit id-dħul assenjat skont Fondi oħra tal-Unjoni, fejn dan ma jkunx innettjat imma rkuprat permezz ta’ ordni ta’ rkupru mfassla skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Sabiex jiġu armonizzati l-prattiki kontabilistiċi tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, il-mod kif id-dħul assenjat jiġi ġestit, huwa meħtieġ li dan l-aspett tekniku tal-ġestjoni finanzjarja tal-FAEG jiġi allinjat mal-fluss użat minn Fondi oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi emendat il-mod kif għandu jiġi paċut id-dħul affettwat skont il-FAEG.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u estenda l-perjodu għat-tul ta’ żmien tal-programmi tal-iżvilupp rurali appoġġati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (“FAEŻR”) sal-31 ta’ Diċembru 2022, filwaqt li ta l-possibilità lill-Istati Membri li jiffinanzjaw il-programmi estiżi tagħhom mill-allokazzjoni baġitarja korrispondenti għas-snin 2021 u 2022. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2020/2220 għamel ir-riżorsi addizzjonali mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (“EURI”) disponibbli fil-programmi estiżi fis-snin 2021 u 2022 biex jiġu ffinanzjati miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha għas-settur agrikolu u ż-żoni rurali tal-Unjoni.

    (4)

    Kif stabbilit fil-premessa (24) tar-Regolament (UE) 2020/2220, ir-riżorsi addizzjonali mill-EURI huma soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi. Jenħtieġ għalhekk li dawk ir-riżorsi addizzjonali jiġu pprogrammati u mmonitorjati b’mod separat mill-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, filwaqt li jiġu applikati, b’mod ġenerali, ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawk ir-riżorsi addizzjonali jiġu implimentati permezz tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u jitqiesu fil-qafas ta’ dak ir-Regolament bħala ammonti li jiffinanzjaw il-miżuri skont il-FAEŻR. Bħala konsegwenza, jenħtieġ li r-regoli rispettivi ta’ implimentazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja fir-rigward tar-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiġu adattati. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-previżjoni tal-bżonnijiet tal-iffinanzjar, id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri u l-kalkolu tal-ammont li għandu jitħallas fir-rigward tal-allokazzjonijiet tal-FAEŻR, jiġu aġġustati.

    (5)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 11(1), il-punt (c), titħassar l-aħħar sentenza;

    (2)

    fl-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Meta l-pagamenti li għandhom isiru mill-Kummissjoni jwasslu għal ammont negattiv għal Stat Membru, it-tnaqqis żejjed għandu jiġi riportat għax-xhur ta’ wara.”;

    (3)

    fl-Artikolu 21, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għal kull programm ta’ żvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u f’konformità mal-Artikolu 102(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c)(ii), tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, darbtejn fis-sena, mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu, il-previżjonijiet tagħhom tal-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FAEŻR għas-sena finanzjarja. Dawk il-previżjonijiet għandhom jindikaw separatament l-ammonti previsti għar-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jibagħtu stima aġġornata tat-talbiet għall-finanzjament tagħhom għas-sena finanzjarja ta’ wara.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 487).’;"

    (4)

    fl-Artikolu 22(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   L-aġenziji ta’ pagament għandhom jiddikjaraw in-nefqa għal kull programm għall-iżvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

    Għal kull miżura ta’ żvilupp rurali, l-aġenziji ta’ pagament għandhom jispeċifikaw f’dikjarazzjoni tan-nefqa l-ammont imsemmi fl-Artikolu 58(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 58a(2) ta’ dak ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.”;

    (5)

    fl-Artikolu 23, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Mingħajr preġudizzju għal-limitu massimu previst fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, meta t-total ikkombinat tal-kontribut tal-Unjoni imħallas għall-programm ta’ żvilupp rurali jaqbeż it-total ipprogrammat għal miżura ta’ żvilupp rurali, l-ammont li għandu jitħallas, għandu jitnaqqas kif ġej:

    (a)

    għar-riżorsi skont l-FAEŻR, mingħajr ir-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, huwa għandu jitnaqqas għall-ammont programmat għal dik il-miżura skont il-FAEŻR, mingħajr ir-riżorsi addizzjonali;

    (b)

    għar-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, huwa għandu jitnaqqas għall-ammont ipprogrammat għal dik il-miżura skont ir-riżorsi addizzjonali.

    Kull kontribut tal-Unjoni eskluż b’riżultat ta’ dan jista’ jitħallas aktar tard diment li jkun tressaq pjan aġġustat ta’ finanzjament mill-Istat Membru u jiġi aċċettat mill-Kummissjoni.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255 28.8.2014, p. 59).

    (3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 487).


    Top