Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1005

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1005 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    ST/9756/2021/INIT

    ĠU L 222, 22.6.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1005/oj

    22.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 222/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1005

    tal-21 ta’ Ġunju 2021

    li jemenda r-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333.

    (2)

    Fis-16 ta’ April 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) adotta r-riżoluzzjoni 2571 (2021). L-UNSC fakkar fir-riżoluzzjoni 2174 (2014), li ddeterminat li l-miżuri stabbiliti fir-riżoluzzjoni 1970 (2011) japplikaw ukoll għal individwi u entitajiet involuti f'atti, jew jappoġġawhom, diversi minn dawk speċifikati fir-riżoluzzjoni 1970 (2011), li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew jostakolaw jew jimminaw it-twettiq b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha. Huwa enfasizza wkoll li tali atti jistgħu jinkludu l-ostakolar jew l-imminar tal-elezzjonijiet ippjanati fil-Pjan Direzzjonali tal-Forum ta' Djalogu Politiku Libjan.

    (3)

    Fil-21 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1014 (3) li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, fejn iċċara li l-kriterji għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kienu jinkludu wkoll persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li jfixklu jew jimminaw l-elezzjonijiet ippjanati fil-Pjan Direzzjonali tal-Forum tad-Djalogu Politiku Libjan.

    (4)

    Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għaldaqstant, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

    (5)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/44 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/44, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    huma impenjati fi jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jostakolaw jew jimminaw it-twettiq b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Libja, inkluż:

    (i)

    billi jippjanaw, jidderieġu jew iwettqu atti fil-Libja li jiksru d-dritt internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem, fil-Libja;

    (ii)

    b’attakki kontra kwalunkwe port tal-ajru, tal-art jew tal-baħar fil-Libja, jew kontra istituzzjoni jew installazzjoni statali Libjana, jew kontra kwalunkwe missjoni barranija fil-Libja;

    (iii)

    billi jagħtu appoġġ lil gruppi armati jew networks kriminali permezz tal-isfruttament illeċitu ta’ żejt mhux maħdum jew kull riżorsa naturali oħra fil-Libja;

    (iv)

    billi jheddu jew iġiegħlu lill-istituzzjonijiet finanzjarji Statali Libjani u l-Libyan National Oil Company, jew billi jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal jew tirriżulta fil-miżapproprjazzjoni tal-fondi Statali Libjani;

    (v)

    billi jiksru, jew jassistu fl-evażjoni ta’, id-dispożizzjonijiet tal-embargo tal-armi fil-Libja stabbiliti fl-UNSCR 1970 (2011) u l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament;

    (vi)

    billi jostakolaw jew jimminaw l-elezzjonijiet ippjanati fil-pjan direzzjonali tal-Forum tad-Djalogu Politiku Libjan;

    (vii)

    billi huma persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu għal jew f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ kwalunkwe waħda minn dawn ta’ hawn fuq, jew billi huma entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew minn persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II jew III; jew”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1014 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ara paġna 38 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top