Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0783

    Regolament (UE) 2021/783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/14/2021/INIT

    ĠU L 172, 17.5.2021, p. 53–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/783/oj

    17.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 172/53


    REGOLAMENT (UE) 2021/783 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-29 ta’ April 2021

    li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Il-leġiżlazzjoni u l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija wasslu għal titjib sostanzjali fl-istat tal-ambjent. Madankollu, għad baqa' sfidi ambjentali u klimatiċi kbar li jekk ma jiġux indirizzati ser ikollhom konsegwenzi negattivi sinifikanti għall-Unjoni u għall-benesseri taċ-ċittadini tagħha.

    (2)

    Il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għall-perijodu bejn l-2014 u l-2020, huwa l-aktar wieħed reċenti f'sensiela ta' programmi tal-Unjoni mill-1992 li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u ta' prijoritajiet politiċi ambjentali u klimatiċi. Il-Programm LIFE ġie vvalutat b'mod pożittiv f'evalwazzjoni ta' nofs it-terminu reċenti bħala li jinsab fit-triq it-tajba biex ikun effettiv, effiċjenti u rilevanti. Il-Programm LIFE 2014-2020 jenħtieġ, għalhekk, li jitkompla b'ċerti modifiki identifikati fl-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u f'valutazzjonijiet sussegwenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE) (il-"Programm LIFE") jiġi stabbilit għal perijodu ta' seba' snin biex it-tul tiegħu jiġi allinjat ma' dak tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (5).

    (3)

    Il-Programm LIFE, li jimmira li jikseb l-objettivi u l-miri stabbiliti bil-leġiżlazzjoni, il-politika u l-pjanijiet, b'mod partikolari l-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (“Patt Ekoloġiku Ewropew”) u l-impenji internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija, jenħtieġ li jikkontribwixxi lejn tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, lejn il-protezzjoni, ir-restawr u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, inkluż l-arja, l-ilma u l-ħamrija, u tas-saħħa, u lejn it-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, inkluż permezz tal-appoġġ tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000 u l-indirizzar tad-degradazzjoni tal-ekosistemi, permezz ta' interventi diretti jew inkella permezz tal-appoġġ tal-integrazzjoni ta' dawk l-objettivi f'politiki oħra. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-programmi ġenerali ta' azzjoni adottati skont l-Artikolu 192(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bħas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (6) u kwalunkwe programm ta' azzjoni ambjentali tal-Unjoni sussegwenti.

    (4)

    L-Unjoni hija impenjata li tiżviluppa rispons komprensiv għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jenfasizzaw il-konnessjoni intrinsika bejn il-ġestjoni tar-riżorsi naturali biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom fit-tul u s-servizzi tal-ekosistema, u r-rabta tagħhom mas-saħħa tal-bniedem u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u soċjalment inklużiv. F'dan l-ispirtu, il-Programm LIFE jenħtieġ li jirrifletti l-prinċipji tas-solidarjetà, filwaqt li jagħti kontribut materjali kemm għall-iżvilupp ekonomiku kif ukoll għall-koeżjoni soċjali.

    (5)

    Bil-għan li jiġi promoss żvilupp sostenibbli, jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali u klimatika jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Jenħtieġ li għaldaqstant jiġu promossi sinerġiji u komplementarjetà ma' programmi ta' finanzjament oħra tal-Unjoni, inkluż billi jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-attivitajiet li jikkomplementaw proġetti integrati strateġiċi u proġetti strateġiċi dwar in-natura u li jappoġġaw l-użu u r-replikazzjoni ta' soluzzjonijiet żviluppati fl-ambitu tal-Programm LIFE. Il-koordinazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi evitat finanzjament doppju. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi biex jipprevjenu duplikazzjoni amministrattiva u piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji ta' proġett li jkunu jirriżultaw minn obbligi ta' rappurtar minn strumenti finanzjarji differenti.

    (6)

    Il-Programm LIFE jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ilħuq tal-objettivi u l-miri tal-leġiżlazzjoni, tal-istrateġiji, tal-pjanijiet u tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija, b'mod partikolari fir-rigward tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (7) u l-Ftehim ta' Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (8) (il-“Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima”), u, fost l-oħrajn, il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-Teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (9) (il-“Konvenzjoni ta' Aarhus”), il-Konvenzjoni NU/KEE dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja Fuq Distanza Twila, il-Konvenzjoni tan-NU ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, il-Konvenzjoni tan-NU ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali, u l-Konvenzjoni tan-NU ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes.

    (7)

    L-Unjoni tagħti importanza kbira lis-sostenibbiltà fit-tul tar-riżultati tal-proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE, u lill-kapaċità li jiġu żgurati u miżmuma dawk ir-riżultati wara l-implimentazzjoni tal-proġett, fost l-oħrajn bit-tkomplija tal-proġett, jew bir-replikazzjoni jew bit-trasferiment tar-riżultati.

    (8)

    Il-konformità mal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima teħtieġ it-trasformazzjoni tal-Unjoni f'soċjetà sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Tali trasformazzjoni, min-naħa tagħha, tirrikjedi azzjoni b’enfasi speċjali fuq is-setturi li jikkontribwixxu l-aktar għal-livelli attwali ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta' tniġġis, li tippromovi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, kif ukoll li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istati Membri u għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija fit-tul, f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jinkludi wkoll miżuri li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar l-adattament għall-klima biex titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

    (9)

    Il-proġetti fil-qafas tas-sottoprogramm il-ġdid “Tranżizzjoni Lejn Enerġija Nadifa” tal-Programm LIFE jenħtieġ li jiffokaw fuq il-ħolqien tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u d-diffużjoni ta' għarfien, ħiliet, tekniki, metodi u soluzzjonijiet innovattivi biex jinkisbu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni u l-politika tal-Unjoni dwar it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija. Tali tisħiħ tal-kapaċitajiet u diffużjoni huma tipikament azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ ta’ valur miżjud għoli fil-livell tal-Unjoni, li għandhom l-għan li jkissru l-ostakli tas-suq li jfixklu t-tranżizzjoni soċjoekonomika għal enerġija sostenibbli, u li prinċipalment jinvolvu entitajiet żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll atturi multipli, inkluż awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Tali azzjonijiet iġibu magħhom kobenefiċċji multipli, bħall-indirizzar tal-faqar enerġetiku, it-titjib tal-kwalità tal-arja interna, it-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa lokali bis-saħħa tat-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ż-żieda fl-enerġiji rinnovabbli distribwiti, u l-kontribut għal effetti ekonomiċi lokali pożittivi u għal aktar tkabbir soċjalment inklużiv.

    (10)

    Sabiex jingħata kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-impenji internazzjonali tal-Unjoni fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni, teħtieġ li titħaffef it-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija. L-azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jappoġġaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, iffinanzjati sal-2020 fl-ambitu ta' Orizzont 2020 (10), jenħtieġ li jiġu integrati fis-sottoprogramm il-ġdid “Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa tal-Programm LIFE”, peress li l-objettiv tagħhom mhuwiex li jiffinanzjaw l-eċċellenza u jiġġeneraw l-innovazzjoni, iżda li jiffaċilitaw l-użu ta' teknoloġija diġà disponibbli għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li ser tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati u lis-setturi kollha involuti fi tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. L-inklużjoni ta' tali azzjonijiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-Programm LIFE toffri potenzjal għal sinerġiji bejn is-sottoprogrammi u żżid il-koerenza ġenerali tal-finanzjament tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li tinġabar u titqassam data dwar l-użu ta' soluzzjonijiet eżistenti ta' riċerka u innovazzjoni fil-proġetti tal-Programm LIFE, inkluż mill-programm Orizzont Ewropa stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (“Orizzont Ewropa”) u l-predeċessuri tiegħu.

    (11)

    Il-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat il-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li emendat id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), tikkalkula li l-ilħuq tal-miri tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ser teħtieġ investimenti addizzjonali ta' EUR 177 biljun kull sena fil-perijodu 2021-2030. L-akbar lakuni huma relatati mal-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni tal-bini biex jinżdiedu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, fejn il-kapital jeħtieġ jgħaddi lejn proġetti ta' natura distribwita ħafna. Wieħed mill-objettivi tas-sottoprogramm “Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa”, li jkopri l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu rapidu ta' enerġija rinnovabbli, huwa li jibni l-kapaċità għall-iżvilupp u l-aggregazzjoni ta' tali proġetti, biex b'hekk jgħin ukoll biex jiġu assorbiti l-fondi mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u jaġixxi ta' katalizzatur għall-investimenti f'enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, anki billi juża l-istrumenti finanzjarji pprovduti taħt ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

    (12)

    Il-programm LIFE huwa l-uniku programm iddedikat speċifikament għall-ambjent u l-azzjoni dwar il-klima, u għalhekk għandu rwol kruċjali fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni f’dawk l-oqsma.

    (13)

    Is-sinerġiji ma' Orizzont Ewropa jenħtieġ li jgħinu l-identifikazzjoni u l-istabbiliment tal–ħtiġijiet relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali, klimatiċi u tal-enerġija fi ħdan l-Unjoni matul il-proċess tal-ippjanar strateġiku tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Orizzont Ewropa. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jkompli jaġixxi bħala katalizzatur għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija, inkluż billi juża u japplika r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni minn Orizzont Ewropa u jgħin biex dawn jintużaw fuq skala ikbar jekk dan ikun jista' jgħin l-indirizzar ta' kwistjonijiet ambjentali, klimatiċi jew ta' tranżizzjoni enerġetika. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni ta' Orizzont Ewropa jista' jipprovdi appoġġ għall-espansjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ideat rivoluzzjonarji ġodda li jistgħu jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-proġetti LIFE. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll is-sinerġiji mal-Fond ta' Innovazzjoni fil-qafas tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, stabbilita taħt id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

    (14)

    Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni mill-Programm LIFE jenħtieġ li tkun tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn programmi oħrajn tal-Unjoni, dment li tali kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess spejjeż. L-azzjonijiet li jirċievu finanzjament kumulattiv minn programmi differenti tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu awditjati darba biss u b'mod li jkopri l-programmi kollha tal-Unjoni involuti u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.

    (15)

    Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2017 dwar l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali: L-isfidi ewlenin u kif ser ngħaqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar (EIR) tindika li huwa meħtieġ progress sinifikanti biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni dwar l-ambjent u biex jittejbu l-integrazzjoni u l-inklużjoni tal-objettivi ambjentali u klimatiċi f'politiki oħra. Il-Programm LIFE jenħtieġ għalhekk li jaġixxi bħala katalizzatur biex jiġu indirizzati l-isfidi orizzontali u sistemiċi kif ukoll il-kawżi fundamentali għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni identifikati fl-EIR u biex jinkiseb il-progress meħtieġ permezz tal-iżvilupp, l-ittestjar u r-replikazzjoni ta’ approċċi ġodda; l-appoġġ, il-monitoraġġ u r-rieżami tal-iżvilupp tal-politika; it-titjib tal-governanza dwar kwistjonijiet ambjentali, tat-tibdil fil-klima u ta’ tranżizzjoni tal-enerġija relatati, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, il-komunikazzjoni u l-għarfien; il-mobilizzazzjoni tal-investimenti mill-programmi ta' investiment tal-Unjoni jew sorsi finanzjarji oħra, u permezz tal-appoġġ għal azzjonijiet biex jingħelbu d-diversi ostakli għall-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet ewlenin mitluba mil-leġiżlazzjoni ambjentali.

    (16)

    It-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema, inkluż f'ekosistemi tal-baħar, jeħtieġu appoġġ għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, l-infurzar u l-valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika rilevanti tal-Unjoni, inkluż il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 - Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna, id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (16), id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' bażi ta' għarfien għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika u bl-iżvilupp, l-ittestjar, il-wiri u l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet, bħal pereżempju l-ġestjoni effettiva, fuq skala żgħira jew imfassla apposta għal kuntesti lokali, reġjonali jew nazzjonali speċifiċi, inkluż approċċi integrati għall-implimentazzjoni tal-oqfsa ta' azzjoni mogħtija prijorità adottati skont id-Direttiva 92/43/KEE. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni u għall-kisba tal-ambizzjoni ġenerali li 7,5 % tal-infiq annwali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024 u 10 % tal-infiq annwali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2026 u fl-2027, filwaqt li jitqiesu s-sovrappożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u dawk tal-bijodiversità.

    L-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jimmonitorjaw in-nefqa tagħhom relatata mal-bijodiversità biex jissodisfaw l-obbligi ta' rappurtar tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Jenħtieġ li jiġu ssodisfati wkoll ir-rekwiżiti għal monitoraġġ previsti f'leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-infiq tal-Unjoni relatat mal-bijodiversità jiġi mmonitorjat f'konformità ma' metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva li tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, kif imsemmi fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (19).

    (17)

    L-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet reċenti, inkluż ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 u l-Kontroll tal-Idoneità tal-leġiżlazzjoni dwar in-Natura, jindikaw li waħda mill-kawżi sottostanti ewlenin tal-implimentazzjoni insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-natura u tal-istrateġija għall-bijodiversità hija n-nuqqas ta' finanzjament adegwat.

    L-istrumenti ewlenin ta' finanzjament tal-Unjoni, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) (il-“Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali”) u l-Fond ta' Koeżjoni stabbilit skont ir-Regolament 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) (il-“Fond ta’ Koeżjoni”), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali stabbilit skont ir-Regolament (UE) 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) (il-“Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali”) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit skont Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 (“il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura”), jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jiġu ssodisfati dawk il-ħtiġijiet, fuq bażi komplementari. Il-Programm LIFE jista' jtejjeb aktar l-effiċjenza ta' tali inklużjoni permezz ta' proġetti strateġiċi dwar in-natura ddedikati li jaġixxu ta' katalizzatur għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politika tal-Unjoni dwar in-natura u l-bijodiversità, inkluż l-azzjonijiet stabbiliti fl-oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati adottati skont id-Direttiva 92/43/KEE. Il-proġetti strateġiċi dwar in-natura jenħtieġ li jappoġġaw programmi ta' azzjonijiet fl-Istati Membri immirati lejn l-inklużjoni tal-objettivi tan-natura u tal-bijodiversità rilevanti f'politiki u fi programmi ta' finanzjament oħra, u b'hekk ikun żgurat li jiġu mmobilizzati fondi adattati għall-implimentazzjoni ta' dawk il-politiki.

    L-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jiddeċiedu fi ħdan il-Pjan Strateġiku tagħhom għall-Politika Agrikola Komuni li jużaw ċertu proporzjon tal-allokazzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali sabiex jinkiseb appoġġ għal azzjonijiet li jikkumplementaw il-proġetti strateġiċi dwar in-natura kif definiti skont dan ir-Regolament.

    (18)

    Il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari u l-effiċjenza fir-riżorsi jirrikjedu bidla fil-mod kif il-materjali u l-prodotti, inkużi l-plastiks, jiġu mfassla, prodotti, ikkunsmati, imsewwija, użati mill-ġdid, irriċiklati u mormija, u jirrikjedu fokus fuq iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn mudell ta' ekonomija ċirkolari permezz ta' appoġġ finanzjarju li jimmira lejn varjetà ta' atturi(bħal negozji, awtoritajiet pubbliċi u konsumaturi, b'mod partikolari billi japplika, jiżviluppa, u jirreplika l-aħjar teknoloġiji, prattiki u soluzzjonijiet imfassla apposta għal kuntesti lokali, reġjonali jew nazzjonali speċifiċi, inkluż permezz ta' approċċi integrati għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart u permezz tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-iskart. Permezz tal-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar Strateġija Ewropea għall-plastiks f'ekonomija ċirkolari, tista' tittieħed azzjoni biex tkun indirizzata l-problema tal-iskart fil-baħar b'mod partikolari.

    (19)

    Livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali huwa ta’ importanza fundamentali għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa l-objettivi tal-Unjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-użu ta' sustanzi kimiċi b’modi li jwasslu għall-minimizzazzjoni tal-effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv ta’ ambjent mhux tossiku fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Programm LIFE jappoġġa wkoll attivitajiet biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) sabiex jinkisbu livelli ta’ storbju li ma jirriżultawx f’impatti negattivi sinifikanti u riskji għas-saħħa tal-bniedem.

    (20)

    L-objettiv fit-tul tal-Unjoni fir-rigward tal-politika dwar l-arja huwa li jinkisbu livelli ta' kwalità tal-arja li ma jikkawżawx riskji u impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, filwaqt li jissaħħu s-sinerġiji bejn it-titjib fil-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Il-pubbliku huwa konxju ħafna dwar it-tniġġis tal-arja u ċ-ċittadini jistennew li l-awtoritajiet jaġixxu, b’mod partikolari f’żoni fejn il-popolazzjoni u l-ekosistemi huma esposti għal livelli għolja ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja. Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) tenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-finanzjament tal-Unjoni biex jintlaħqu l-objettivi ta' arja nadifa. Għalhekk, jenħtieġ li l-Programm LIFE jappoġġa proġetti, inkluż proġetti integrati strateġiċi, li għandhom il-potenzjal li jisfruttaw fondi pubbliċi u privati, biex ikunu eżempji tal-aħjar prattika u jaġixxu ta' katalizzaturi għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet u leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja fil-livell lokali, reġjonali, multireġjonali, nazzjonali u transnazzjonali.

    (21)

    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) stabbiliet qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ, l-ilmijiet tal-kosta, l-ilmijiet transitorji u l-ilma ta' taħt l-art tal-Unjoni. L-objettivi ta' dik id-Direttiva ser ikunu appoġġati b'implimentazzjoni mtejba u bl-integrazzjoni tal-objettivi tal-politika dwar l-ilma f'oqsma ta' politika oħra. Il-Programm LIFE jenħtieġ għaldaqstant li jappoġġa proġetti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/60/KE u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni dwar l-ilma li tikkontribwixxi lejn il-kisba ta' status tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni, l-iżvilupp u r-replikazzjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll permezz tal-mobilizzazzjoni ta' azzjonijiet komplementari fl-ambitu ta' programmi jew sorsi finanzjarji oħra tal-Unjoni.

    (22)

    Il-protezzjoni u r-restawr tal-ambjent tal-baħar huma wieħed mill-miri ġenerali tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa dawn li ġejjin: il-ġestjoni, il-konservazzjoni, ir-restawr u l-monitoraġġ tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar, b'mod partikolari f'siti tal-baħar ta' Natura 2000, u l-protezzjoni tal-ispeċi skont l-oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati adottati skont id-Direttiva 92/43/KEE; il-kisba ta' Status Ambjentali Tajjeb f'konformità mad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26); il-promozzjoni ta' ibħra nodfa u b'saħħithom; l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Jannar 2018 dwar Strateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari, l-indirizzar b’mod partikolari tal-problema tal-irkaptu tas-sajd mitluf u tal-iskart fil-baħar; u l-promozzjoni tal-involviment tal-Unjoni fil-governanza tal-oċeani internazzjonali, li hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jiġu garantiti oċeani b'saħħithom għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-proġetti integrati strateġiċi u l-proġetti strateġiċi dwar in-natura tal-Programm LIFE jenħtieġ li jinkludu azzjonijiet rilevanti li jkollhom il-mira li jipproteġu l-ambjent tal-baħar.

    (23)

    It-titjib tal-governanza fuq kwistjonijiet ambjentali, tat-tibdil fil-klima u kwistjonijiet relatati ta’ tranżizzjoni enerġetika jirrikjedi l-involviment tas-soċjetà ċivili billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, inkluż permezz ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni li tieħu kont tal-media l-ġodda u n-netwerks soċjali, l-involviment tal-konsumaturi, u t-twessigħ tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati, inkluż l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), f’konsultazzjonijiet dwar il-politiki relatati u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livelli kollha. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-Programm LIFE jappoġġa firxa wiesgħa ta’ NGOs kif ukoll netwerks ta’ entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ li jsegwu għan li huwa ta’ interess ġenerali għall-Unjoni, u li huma primarjament attivi fil-qasam tal-ambjent jew l-azzjoni dwar il-klima, bl-għoti, b’mod kompetittiv u trasparenti, ta’ għotjiet operattivi sabiex jgħinu lil NGOs, netwerks u entitajiet bħal dawn, jagħtu kontribut effettiv lill-politika tal-Unjoni, u biex jibnu u jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex b'hekk isiru sħab aktar effiċjenti.

    (24)

    Filwaqt li t-titjib tal-governanza fil-livelli kollha jenħtieġ li jkun objettiv trasversali għas-sottoprogrammi kollha tal-Programm LIFE, il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis dwar l-ambjent u l-klima u l-konformità miegħu, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni orizzontali dwar il-governanza ambjentali, inkluża l-leġiżlazzjoni li timplimenta l-Konvenzjoni Aarhus (NU/KEE).

    (25)

    Il-Programm LIFE jenħtieġ li jħejji u jappoġġa lill-atturi fis-suq għal tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima billi jittestja opportunitajiet tan-negozju ġodda, jaġġorna l-ħiliet professjonali, jiffaċilita l-aċċess tal-konsumaturi għal prodotti u servizzi sostenibbli, jinvolvi u jagħti s-setgħa lill-influwenzaturi, u jittestja metodi ġodda biex jiġu adattati l-proċessi eżistenti u l-pajsaġġ kummerċjali. Biex ikun appoġġat użu kummerċjali usa' ta' soluzzjonijiet sostenibbli, jenħtieġ li jiġu promossi l-aċċettazzjoni tal-pubbliku ġenerali u l-involviment tal-konsumatur.

    (26)

    Il-Programm LIFE huwa mfassal biex jappoġġa t-turija ta’ tekniki, approċċi u l-aħjar prattiki li jistgħu jiġu replikati u użati fuq skala ikbar. Soluzzjonijiet innovattivi jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u s-sostenibbiltà, b’mod partikolari għall-iżvilupp ta’ prattiki ta’ biedja sostenibbli fiż-żoni attivi fl-oqsma tal-klima, l-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità u l-iskart. Jenħtieġ li ssir enfasi f’dan ir-rigward fuq is-sinerġiji ma’ programmi u politiki oħra, bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikola u l-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali tal-UE.

    (27)

    Fil-livell tal-Unjoni, investimenti kbar f'azzjonijiet dwar l-ambjent u l-klima huma primarjament iffinanzjati minn programmi ta' finanzjament ewlenin tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa essenzjali li jiżdiedu l-isforzi ta’ inklużjoni biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima ta' attivitajiet taħt programmi ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni u l-integrazzjoni ta’ salvagwardji tas-sostenibbiltà fl-istrumenti kollha tal-Unjoni. Fil-kuntest tar-rwol tagħhom ta’ katalizzaturi, il-proġetti integrati strateġiċi u l-proġetti strateġiċi dwar in-natura li jridu jiġu żviluppati fl-ambitu tal-Programm LIFE jenħtieġ li jisfruttaw opportunitajiet ta' finanzjament fi ħdan dawk il-programmi ta' finanzjament u sorsi oħrajn ta' finanzjament, bħalma huma l-fondi nazzjonali, u joħolqu sinerġiji.

    (28)

    Is-suċċess ta’ proġetti strateġiċi dwar in-natura u ta’ proġetti integrati strateġiċi jiddependi minn kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-atturi mhux Statali affettwati mill-objettivi tal-Programm LIFE. Il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ żvelar rigward deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta’ proġetti jenħtieġ, għalhekk, li jiġu applikati, b’mod partikolari fil-każ ta’ integrazzjoni jew meta jkunu involuti sorsi ta’ finanzjament multipli.

    (29)

    Filwaqt li jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima b'mod koordinat u ambizzjuż, f'konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil tal-Klima u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm LIFE ser jikkontribwixxi biex jiġu inklużi azzjonijiet dwar il-klima u biex tinkiseb mira ġenerali ta' mill-inqas 30 % tal-infiq tal-baġit tal-UE li jappoġġa l-objettivi klimatiċi. L-azzjonijiet fl-ambitu tal-Programm LIFE huma mistennija li jikkontribwixxu 61 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-Programm LIFE għal objettivi klimatiċi. Matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE ser jiġu identifikati azzjonijiet rilevanti, u dawn ser jiġu valutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u l-proċessi ta' rieżami rilevanti. Jenħtieġ li, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-azzjonijiet taħt il-programm LIFE jirrispettaw il-prinċipju 'la tagħmilx ħsara'.

    (30)

    Fl-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-istrateġija għar-reġjuni ultraperiferiċi, li tinsab fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, fid-dawl tal-Artikolu 349 TFUE u l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta' dawk ir-reġjuni. Il-politiki tal-Unjoni, għajr dawk fil-qasam tal-ambjent, tal-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll.

    (31)

    B'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkollabora man-netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-Programm LIFE biex tistimula l-kooperazzjoni bil-għan li s-servizzi tal-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali madwar l-Unjoni jitjiebu u jsiru aktar effettivi, sabiex iżżid il-kwalità ġenerali tal-proposti ppreżentati, torganizza seminars u workshops, tippubblika listi ta' proġetti ffinanzjati fl-ambitu tal-Programm LIFE jew twettaq attivitajiet oħra, pereżempju kampanji tal-media, sabiex isiru magħrufa aktar ir-riżultati tal-proġetti u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' esperjenza, għarfien u l-aħjar prattiki u r-replikazzjoni tar-riżultati ta' proġetti fl-Unjoni kollha, u b'hekk ikunu promossi l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni. Jenħtieġ li tali attivitajiet ikunu mmirati b'mod partikolari lejn l-Istati Membri li fihom hemm użu baxx ta' fondi u jenħtieġ li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-benefiċjarji tal-proġetti, l-applikanti u l-partijiet ikkonċernati ta' proġetti li tlestewjew dawk li għadhom għaddejjin fl-istess qasam. Huwa essenzjali li tali attivitajiet ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni jiġu indirizzati lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-partijiet ikkonċernati.

    (32)

    Il-kwalità jenħtieġ li tkun il-kriterju li jirregola l-evalwazzjoni tal-proġett u l-proċess tal-għoti fil-Programm LIFE. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Programm LIFE madwar l-Unjoni u biex tiġi promossa kwalità għolja fi proposti ta’ proġetti, jenħtieġ li jitqiegħed għad-dispożizzjoni finanzjament għal proġetti ta’ assistenza teknika li jimmiraw lejn parteċipazzjoni effettiva fil-Programm LIFE. Il-Kummissjoni jenħtieġ li ssegwi kopertura ġeografika effettiva u bbażata fuq il-kwalità madwar l-Unjoni, inkluż billi tappoġġa lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tal-proġetti permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet. Parteċipazzjoni effettiva baxxa għall-Programm LIFE, l-attivitajiet eliġibbli u l-kriterji għall-għoti tal-Programm LIFE jenħtieġ li jkunu speċifikati fil-Programm ta' Ħidma Pluriennali ggwidat mill-parteċipazzjoni u r-rata ta' suċċess tal-applikanti mill-Istati Membri rilevanti, b'kont meħud, fost l-oħrajn, tal-popolazzjoni u tad-densità tal-popolazzjoni, tal-arja totali tas-siti ta' Natura 2000 għal kull Stat Membru espressa bħala proporzjon tal-arja totali ta' Natura 2000, u tal-proporzjon tat-territorju ta' Stat Membru kopert minn siti ta' Natura 2000. Jenħtieġ li l-attivitajiet eliġibbli jkunu ta' tali natura li jkollhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-applikazzjoni għall-proġetti.

    (33)

    F'konformità mal-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Jannar 2018 dwar "Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali", in-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL), in-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE), u l-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin għall-Ambjent (EUFJE) inħolqu biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u jkollhom irwol uniku fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni. Huma jagħtu kontribut sostanzjali biex tissaħħaħ il-konsistenza fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni fl-Unjoni kollha, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, u biex itejbu l-kwalità tal-ispezzjoni ambjentali u l-mekkaniżmi tal-infurzar tal-liġi permezz ta' sistema ta' networking kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, u jipprovdu għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza f'livelli amministrattivi differenti, permezz ta' taħriġ u diskussjonijiet fil-fond dwar kwistjonijiet ambjentali u aspetti ta' infurzar, inkluż il-proċessi ta' monitoraġġ u ta' għoti ta' permessi. Fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-Programm LIFE, jixraq li jiġi awtorizzat l-għoti ta' għotjiet lil IMPEL, ENPE u EUFJE mingħajr sejħa għal proposti sabiex ikompli jingħata appoġġ lill-attivitajiet ta' dawk il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, f'każijiet oħra, tista' ma tkunx meħtieġa sejħa skont ir-rekwiżiti ġenerali tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) (ir-“Regolament Finanzjarju”), per eżempju għall-korpi maħtura mill-Istati Membri u li joperaw taħt ir-responsabbiltà tagħhom, fejn dawk l-Istati Membri jkunu identifikati bħala benefiċjarji ta' għotja b'att leġiżlattiv tal-Unjoni.

    (34)

    Jixraq li jiġi stabbilit pakkett finanzjarju għall-Programm LIFE li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fi ħdan it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

    (35)

    Ir-rati ta' kofinanzjament massimi ta' għotjiet iffinanzjati taħt il-Programm LIFE jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'livelli li jkunu meħtieġa sabiex jinżamm il-livell effettiv ta' sostenn ipprovdut mill-Programm LIFE. Sabiex titqies l-adattabbiltà meħtieġa fid-dawl tal-firxa eżistenti ta' azzjonijiet u entitajiet, rati ta' kofinanzjament speċifiċi jenħtieġ li jiffaċilitaw iċ-ċertezza, filwaqt li jżommu grad ta' flessibbiltà proporzjonat għal ħtiġijiet jew rekwiżiti speċifiċi. Ir-rati ta' kofinanzjament speċifiċi jenħtieġ li jkunu dejjem soġġetti għar-rati massimi ta' kofinanzjament rilevanti stabbiliti.

    (36)

    Ir-Regolament Finanzjarju adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 TFUE japplika għal dan ir-Regolament. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta' esperti esterni. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

    (37)

    F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) ir-Regolamentii tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (29), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (30) u (UE) 2017/1939 (31), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B'mod partikolari, f'konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32). F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

    (38)

    It-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni tal-baġit għall-Programm LIFE jenħtieġ li jintgħażlu skont l-abbiltà tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jwasslu għal riżultati, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. Għal għotjiet, l-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u skali ta' kostijiet unitarji jenħtieġ li jiġu kkunsidrati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni li tinftiehem faċilment, u tippromwovi simplifikazzjoni reali għall-iżviluppaturi tal-proġetti.

    (39)

    Fejn ikun adatt, l-objettivi ta' politika tal-Programm LIFE jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta' strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji taħt ir-Regolament (UE) 2021/523, inkluż permezz tal-ammont allokat mill-Programm LIFE, kif speċifikat fil-programmi ta' ħidma pluriennali taħt dak il-Programm.

    (40)

    Skont l-Artikolu 94 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (33), l-entitajiet stabbiliti f'pajjiżi u territorji extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-objettivi tal-Programm LIFE u għal arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu huwa marbut il-pajjiż jew it-territorju extra-Ewropew rilevanti. Il-parteċipazzjoni ta' tali entitajiet fil-Programm LIFE jenħtieġ li tiffoka primarjament fuq proġetti li jaqgħu taħt is-sottoprogramm 'Natura u Bijodiversità'.

    (41)

    L-iskema volontarja għall-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi fit-Territorji Extra-Ewropej (BEST) tippromwovi l-konservazzjoni tal-bijodiversità, inkluż l-bijodiversità tal-baħar, u l-użu sostenibbli ta' servizzi ekosistemiċi, inkluż approċċi bbażati fuq l-ekosistema għall-adattament u t-tgħaffija tat-tibdil fil-klima, fir-Reġjuni Ultraperifiċi tal-Unjoni u fil-Pajjiżi u fit-Territorji Extra-Ewropej. Permezz tal-azzjoni preparatorja BEST adottata fl-2011 u l-Programm BEST 2.0 u l-proġett BEST RUP sussegwenti, il-BEST għenet biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza ekoloġika tar-Reġjuni Ultraperiferiċi u tal-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej u r-rwol ewlieni tagħhom fil-konservazzjoni tal-bijodiversità globali. Il-Kummissjoni Ewropea tistma li l-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju għal proġetti fuq il-post f'dawk it-territorji hija ta' EUR 8 miljun fis-sena. Fid-Dikjarazzjonijiet Ministerjali tagħhom tal-2017 u l-2018, il-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej esprimew l-apprezzament tagħhom għal din l-iskema ta' għotjiet żgħar għall-bijodiversità. Huwa għaldaqstant xieraq li l-Programm LIFE jiffinanzja għotjiet żgħar għall-bijodiversità, inkluż azzjonijiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet u azzjonijiet li għandhom effett katalitiku, kemm fir-Reġjuni Ultraperiferiċi kif ukoll fil-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej.

    (42)

    Il-Programm LIFE jenħtieġ li jkun miftuħ għal pajjiżi terzi skont il-ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tagħhom.

    (43)

    Pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE) jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (34), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta' deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Il-pajjiżi terzi jistgħu wkoll jipparteċipaw fuq il-bażi ta' strumenti legali oħra. Jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika f'dan ir-Regolament li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-OLAF u lill-Qorti tal-Awdituri biex jeżerċitaw b'mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    (44)

    Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (35), jenħtieġ li l-Programm LIFE jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm LIFE fil-prattika. L-impatt sħiħ tal-Programm LIFE huwa dovut għat-totalità tal-kontributi indiretti, fit-tul u diffiċli li jitkejlu biex tinkiseb il-firxa sħiħa ta' objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni. Għall-monitoraġġ tal-Programm LIFE, l-indikaturi tal-output dirett u r-rekwiżiti ta' segwiment stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu kkomplementati minn aggregazzjoni ta' indikaturi speċifiċi fil-livell tal-proġetti li jridu jiġu deskritti fil-programmi ta' ħidma pluriennali jew is-sejħiet għal proposti, fost l-oħrajn fir-rigward ta' Natura 2000 u l-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja.

    (45)

    abiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-adozzjoni tal-programmi ta' ħidma pluriennali, jenħtieġ li setgħat ta' implimentazzjoni jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36).

    (46)

    Sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ għall-Programm LIFE u l-implimentazzjoni tiegħu huma konsistenti mal-politiki u l-prijoritajiet tal-Unjoni jenħtieġ li s-setgħa biex jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni, u dan bil-għan li temenda dan ir-Regolament billi tirrevedi jew tikkomplimenta l-indikaturi jew li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddefinixxi indikaturi speċifiċi għal kull sottoprogramm u tip ta' proġett, kif ukoll sabiex jiġi stabbilit il-qafas għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

    (47)

    Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jingħata kontribut għal livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u azzjoni ambizzjuża dwar il-klima, għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ilħuq tal-objettivi u tal-miri tal-leġiżlazzjoni, l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-impenji internazzjonali tal-Unjoni dwar l-ambjent, il-bijodiversità, il-klima, l-ekonomija ċirkolari u dawk rilevanti dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz ta' governanza tajba u approċċ b'diversi partijiet ikkonċernati, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (48)

    Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 jenħtieġ li jitħassar.

    (49)

    Huwa xieraq li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mingħajr interruzzjoni bejn il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) preċedenti u l-Programm LIFE u li l-bidu tal-Programm LIFE jiġi allinjat ma' dak tal-qafas finanzjarju pluriennali kif stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika b'effett retroattiv mill-1 ta' Jannar 2021,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE) (il-"Programm LIFE") għall-perijodu tal-qafas finanzjarju pluriennali mill-2021 sal-2027. It-tul ta' żmien tal-Programm LIFE huwa allinjat mat-tul ta' żmien tal-qafas finanzjarju pluriennali.

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll l-objettivi tal-Programm LIFE, il-baġit tiegħu għall-perijodu 2021-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    "proġetti strateġiċi dwar in-natura" tfisser proġetti li jappoġġaw l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni fir-rigward tan-natura u tal-bijodiversità billi jimplimentaw programmi ta' azzjoni koerenti fl-Istati Membri sabiex jinkludu dawk l-objettivi u l-prijoritajiet f'politiki u strumenti ta' finanzjament oħra, inkluż permezz ta' implimentazzjoni kkoordinata tal-oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati adottati skont id-Direttiva 92/43/KEE;

    (2)

    "proġetti integrati strateġiċi" tfisser proġetti li jimplimentaw, fuq skala reġjonali, multireġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali, strateġiji ambjentali jew klimatiċi jew pjanijiet ta' azzjoni żviluppati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u meħtieġa minn leġiżlazzjoni jew politika speċifika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent jew tal-klima jew waħda rilevanti fil-qasam tal-enerġija, filwaqt li jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati jkun involuti u jippromwovu l-koordinazzjoni ma' mill-inqas sors ta' finanzjament wieħed ieħor tal-Unjoni, nazzjonali jew privat u l-mobilizzazzjoni tiegħu;

    (3)

    "proġetti ta' assistenza teknika" tfisser proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp tal-kapaċità għall- parteċipazzjoni fi proġetti ta' azzjoni standard, it-tħejjija ta' proġetti strateġiċi dwar in-natura u proġetti strateġiċi integrati, it-tħejjija għall-aċċess għal strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni jew miżuri oħra meħtieġa għat-tħejjija tal-espansjoni jew tar-replikazzjoni tar-riżultati minn proġetti oħra ffinanzjati mill-Programm LIFE, mill-programmi predeċessuri tiegħu jew minn programmi oħra tal-Unjoni, bil-ħsieb li jsegwu l-objettivi tal-Programm LIFE stabbiliti fl-Artikolu 3; tali proġetti jistgħu jinkludu wkoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-parteċipazzjoni effettiva fil-Programm LIFE;

    (4)

    "proġetti ta' azzjoni standard" tfisser proġetti, għajr proġetti integrati strateġiċi, proġetti strateġiċi dwar in-natura jew proġetti ta' assistenza teknika, li jsegwu l-objettivi speċifiċi tal-Programm LIFE;

    (5)

    "operazzjonijiet ta' taħlit" tfisser azzjonijiet appoġġati mill-baġit tal-Unjoni, inkluż dawk fi ħdan faċilitajiet ta' taħlit skont il-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju, li jikkombinaw forom ta' appoġġ li mhuwiex ripagabbli, strumenti finanzjarji, jew it-tnejn, mill-baġit tal-Unjoni ma' forom ta' appoġġ ripagabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet oħra tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll minn istituzzjonijiet tal-finanzjament kummerċjali u investituri;

    (6)

    "entità ġuridika" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi nazzjonali, il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi internazzjonali, li għandha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f'isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew kwalunkwe entità mingħajr personalità ġuridika skont il-punt (c) tal-Artikolu 197(2) tar-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 3

    Objettivi

    1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm LIFE għandu jkun li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u dan sabiex jipproteġi u jirrestawra lill-ambjent u jtejjeb il-kwalità tiegħu, inkluż l-arja, l-ilma u l-ħamrija, kif ukoll biex iwaqqaf u jreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità u jindirizza d-degradazzjoni tal-ekosistemi, inkluż billi jappoġġa l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tan-Netwerk Natura 2000 u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli. Il-Programm LIFE għandu jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-programmi ta' azzjoni ġenerali adottati skont l-Artikolu 192(3) TFUE.

    2.   Il-Programm LIFE għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    li jiżviluppa, juri u jippromwovi tekniki, metodi u approċċi innovattivi biex jintlaħqu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni u tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent, inkluż in-natura u l-bijodiversità, u l-azzjoni dwar il-klima, inkluż it-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija, u li jikkontribwixxi għall-bażi tal-għarfien u għall-applikazzjoni tal-aħjar prattiki, b'mod partikolari fir-rigward tan-natura u tal-bijodiversità, inkluż permezz tal-appoġġ tan-netwerk Natura 2000;

    (b)

    li jappoġġa l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni u tal-politika rilevanti tal-Unjoni dwar l-ambjent, inkluż in-natura u l-bijodiversità, u dwar l-azzjoni dwar il-klima u t-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli jew effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija, inkluż billi jtejjeb il-governanza fil-livelli kollha, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi pubbliċi u privati u tal-involviment tas-soċjetà ċivili;

    (c)

    li jaġixxi ta' katalizzatur għall-użu fuq skala kbira ta' soluzzjonijiet tekniċi u relatati mal-politika li jirnexxu għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politika rilevanti tal-Unjoni dwar l-ambjent, inkluż in-natura u l-bijodiversità, u dwar l-azzjoni dwar il-klima, inkluża t-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli jew effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija, billi jirreplika r-riżultati, billi jintegra l-objettivi relatati f'politiki oħra u fil-prattiki tas-settur pubbliku u dak privat, billi jimmobilizza l-investiment u billi jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament.

    Artikolu 4

    Struttura

    Il-Programm LIFE għandu jkun strutturat kif ġej:

    (1)

    il-qasam tal-'Ambjent', li jinkludi:

    (a)

    is-sottoprogramm 'Natura u Bijodiversità';

    (b)

    is-sottoprogramm 'Ekonomija Ċirkolari u Kwalità tal-Ħajja';

    (2)

    il-qasam 'Azzjoni dwar il-Klima', li jinkludi:

    (a)

    is-sottoprogramm 'Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u Adattament Għalih';

    (b)

    is-sottoprogramm 'Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa'.

    Artikolu 5

    Baġit

    1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm LIFE għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta' EUR 5 432 000 000 f'termini ta' prezzijiet attwali.

    2.   Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun:

    (a)

    EUR 3 488 000 000 għall-qasam 'Ambjent', li minnhom

    (i)

    EUR 2 143 000 000 għas-sottoprogramm 'Natura u Bijodiversità', u

    (ii)

    EUR 1 345 000 000 għas-sottoprogramm 'Ekonomija Ċirkolari u Kwalità tal-Ħajja';

    (b)

    EUR 1 944 000 000 għall-qasam 'Azzjoni dwar il-Klima', li minnhom

    (i)

    EUR 947 000 000 għas-sottoprogramm 'Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u Adattament Għalih', u

    (ii)

    EUR 997 000 000 għas-sottoprogramm 'Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa'.

    3.   L-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 u fir-Regolament Finanzjarju.

    4.   Minkejja l-paragrafu 2, mill-inqas 60 % tar-riżorsi baġitarji allokati għal proġetti appoġġati permezz ta' għotjiet għal azzjoni fil-qasam 'Ambjent' imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 għandhom ikunu ddedikati għal għotjiet għal proġetti li jappoġġaw is-sottoprogramm 'Natura u Bijodiversità' msemmi fil-punt (a)(i) tal-paragrafu 2.

    5.   Il-Programm LIFE jista' jiffinanzja attivitajiet ta' assistenza teknika u amministrattiva mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tiegħu, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu u ta' evalwazzjoni, inkluż dwar sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattivi, u attivitajiet ta' netwerk li jappoġġaw il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-Programm LIFE, inkluż taħriġ, attivitajiet ta' tagħlim reċiproku u avvenimenti għall-qsim ta' esperjenza.

    6.   Il-Programm LIFE jista' jiffinanzja attivitajiet implimentati mill-Kummissjoni b'sostenn għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent jew tal-klima jew dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija bil-għan li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. Tali attivitajiet jistgħu jinkludu:

    (a)

    informazzjoni u komunikazzjoni, inklużi kampanji ta' sensibilizzazzjoni, u komunikazzjoni korporattiva fir-rigward tal-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni, kif ukoll fir-rigward tal-istatus ta' implimentazzjoni u traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent jew tal-klima jew dik rilevanti fil-qasam tal-enerġija;

    (b)

    studji, stħarriġiet, immudellar u bini ta' xenarji;

    (c)

    it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, il-verifika u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni, tal-politiki u tal-programmi, kif ukoll il-valutazzjoni u l-analiżi ta' proġetti mhux iffinanzjati mill-Programm LIFE, jekk dawn iservu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3;

    (d)

    workshops, konferenzi u laqgħat;

    (e)

    networking, u pjattaformi tal-aħjar prattiki;

    (f)

    attivitajiet oħra, bħal pereżempju l-għoti ta' premji.

    Artikolu 6

    Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm LIFE

    1.   Il-Programm LIFE għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

    (a)

    il-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea;

    (b)

    pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew fi ftehimiet simili, u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

    (c)

    pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew fi ftehimiet simili u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

    (d)

    pajjiżi terzi oħra, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li dak il-ftehim:

    (i)

    jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

    (ii)

    jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom;

    (iii)

    ma jagħtix lill-pajjiż terz is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-programm;

    (iv)

    jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

    Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-programm LIFE permezz ta' deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta' kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

    Artikolu 7

    Kooperazzjoni internazzjonali

    Matul l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, u mal-istituzzjonijiet u l-korpi tagħhom, għandha tkun possibbli fejn meħtieġ għall-fini tal-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

    Artikolu 8

    Sinerġiji ma' programmi oħra tal-Unjoni

    Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-implimentazzjoni konsistenti tal-Programm LIFE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-kisba tal-koerenza mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew+ stabbilit skont Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +) (il-'Fond Soċjali Ewropew+'), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura, Orizzont Ewropa, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa stabbilita skont Regolament (UE) 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37) u l-Programm InvestEU stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/523, sabiex jinħolqu sinerġiji, b'mod partikolari fir-rigward tal-proġetti strateġiċi dwar in-natura u tal-proġetti integrati strateġiċi u biex jiġu appoġġati l-użu u r-replikazzjoni ta' soluzzjonijiet żviluppati fl-ambitu tal-Programm LIFE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiksbu komplementarjetà fil-livelli kollha.

    Artikolu 9

    Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament tal-Unjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm LIFE b'ġestjoni diretta, jew b'ġestjoni indiretta flimkien mal-korpi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   Il-Programm LIFE jista' jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari għotjiet, premji u akkwist. Jista' jipprovdi wkoll finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji fi ħdan operazzjonijiet ta' taħlit.

    3.   Minn tal-inqas 85 % tal-baġit għall-Programm LIFE għandu jkun allokat:

    (a)

    għal għotjiet kif imsemmija fl-Artikolu 11(2) u (6);

    (b)

    għal proġetti ffinanzjati permezz ta' forom oħra ta' finanzjament sal-punt speċifikat fil-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 18; jew

    (c)

    fejn ikun xieraq u sal-punt speċifikat fil-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 18, għal finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji fi ħdan operazzjonijiet ta' taħlit kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proġetti ffinanzjati minn forom oħra ta' finanzjament ikunu konformi bis-sħiħ mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

    L-ammont massimu allokat għal għotjiet kif imsemmija fl-Artikolu 11(4) għandu jkun ta' EUR 15-il miljun.

    4.   Ir-rati massimi ta' kofinanzjament għall-azzjonijiet eliġibbli msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 11(2) ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu sa 60 % tal-kostijiet eliġibbli u sa 75 % fil-każ ta' proġetti ffinanzjati fl-ambitu tas-sottoprogramm 'Natura u Bijodiversità', b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-ħabitats jew l-ispeċijiet ta' prijorità, bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE, jew li jikkonċernaw l-ispeċijiet ta' għasafar li jitqiesu bħala prijorità għal finanzjament mill-Kumitat tal-Adattament għall-Progress Tekniku u Xjentifiku stabbilit skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/147/KE meta dan ikun meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv tal-konservazzjoni. Għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(6) ta' dan ir-Regolament, ir-rata massima ta' kofinanzjament għandha tkun ta' 70 % tal-kostijiet eliġibbli. Mingħajr preġudizzju għar-rati ta' kofinanzjament massimi rilevanti u predeterminati, ir-rati speċifiċi għandhom jiġu speċifikati ulterjorment fil-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament. Ir-rati speċifiċi jistgħu jiġu adattati skont ir-rekwiżiti ta' kull sottoprogramm, tip ta' proġett jew tip ta' għotja.

    Għal proġetti msemmija fl-Artikolu 11(4), ir-rati massimi ta' kofinanzjament ma għandhomx jaqbżu l-95 % tal-kostijiet eliġibbli matul il-perijodu tal-ewwel programm ta' ħidma pluriennali; għat-tieni programm ta' ħidma pluriennali u soġġett għal konferma f'dan il-programm ta' ħidma, ir-rata ta' kofinanzjament għandha tkun 75 % tal-kostijiet eliġibbli.

    5.   Il-kwalità għandha tkun il-kriterju li jirregola l-proċess tal-evalwazzjoni u tal-għoti tal-proġetti fil-Programm LIFE. Il-Kummissjoni għandha ssegwi fl-Unjoni kollha kopertura ġeografika effettiva abbażi tal-kwalità, inkluż billi tappoġġa lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tal-proġetti permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

    KAPITOLU II

    Eliġibbiltà

    Artikolu 10

    Għotjiet

    Għotjiet taħt il-Programm LIFE għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f'konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 11

    Azzjonijiet eliġibbli

    1.   Huma biss azzjonijiet li jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 li għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.

    2.   L-għotjiet jistgħu jiffinanzjaw it-tipi ta' azzjoni li ġejjin:

    (a)

    proġetti strateġiċi dwar in-natura taħt is-sottoprogramm imsemmi fil-punt (1)(a) tal-Artikolu 4;

    (b)

    proġetti integrati strateġiċi taħt is-sottoprogrammi msemmija fil-punti (1)(b), (2)(a) u 2(b) tal-Artikolu 4;

    (c)

    proġetti ta' assistenza teknika;

    (d)

    proġetti ta' azzjoni standard;

    (e)

    azzjonijiet oħrajn meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv ġenerali stabbilit fl-Artikolu 3(1), inkluż l-azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ immirati biex isaħħu l-kapaċitajiet, biex ixerrdu l-informazzjoni u l-għarfien, u biex iqajmu kuxjenza biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija.

    3.   Il-proġetti taħt is-sottoprogramm 'Natura u Bijodiversità' li jikkonċernaw il-ġestjoni, ir-restawr u l-monitoraġġ tas-siti ta' Natura 2000 skont id-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE għandhom iqisu l-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet, l-istrateġiji u l-politiki nazzjonali u reġjonali dwar il-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità, inkluż f'oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati adottati skont id-Direttiva 92/43/KEE.

    4.   Proġetti ta' assistenza teknika għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex itejbu l-parteċipazzjoni effettiva fil-programm LIFE għandhom jappoġġaw attivitajiet ta' dawk l-Istati Membri b'parteċipazzjoni effettiva baxxa, bil-għan li jittejbu s-servizzi tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali madwar l-Unjoni u titjieb il-kwalità ġenerali tal-proposti mressqa.

    5.   L-għotjiet jistgħu jiffinanzjaw attivitajiet barra minn Stat Membru jew pajjiż extra-Ewropew jew territorju marbut miegħu, sakemm il-proġett isegwi l-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni u dawk l-attivitajiet ikunu meħtieġa biex jiżguraw l-effettività tal-interventi mwettqa fi Stat Membru jew f'pajjiż extra-Ewropew jew territorju marbut miegħu, jew biex jappoġġaw ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni hija parti għalihom billi jipprovdu kontribuzzjoni għall-organizzazzjoni ta' konferenzi multilaterali. Il-kontribuzzjoni massima pprovduta għal ftehimiet internazzjonali għall-organizzazzjoni ta' konferenzi multilaterali għandha tkun ta' EUR 3,5 miljun għat-tul tal-Programm LIFE indikat fl-Artikolu 1, u tali għotjiet ma għandhomx jgħoddu biex jintlaħaq il-limitu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3).

    6.   L-għotjiet operattivi għandhom isostnu l-funzjonament ta' entitajiet mingħajr skop ta' qligħ li huma involuti fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni u l-politika tal-Unjoni u li huma primarjament attivi fil-qasam tal-ambjent jew tal-azzjoni dwar il-klima, inkluż it-tranżizzjoni enerġetika, skont l-objettivi tal-Programm LIFE stabbiliti fl-Artikolu 3.

    Artikolu 12

    Entitajiet eliġibbli

    1.   Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-entitajiet, flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   Għandhom ikunu eliġibbli l-entitajiet li ġejjin:

    (a)

    entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi jew it-territorji li ġejjin:

    (i)

    Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;

    (ii)

    pajjiżi terz assoċjat mal-Programm LIFE;

    (iii)

    pajjiżi terzi oħra elenkati fil-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 18, skont il-kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu;

    (b)

    kwalunkwe entità ġuridika maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.

    3.   Il-persuni fiżiċi ma għandhomx ikunu eliġibbli.

    4.   L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-Programm LIFE għandhom ikunu eċċezzjonalment eliġibbli biex jipparteċipaw fejn dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' azzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-effettività tal-interventi mwettqa fl-Unjoni.

    5.   L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-Programm LIFE għandhom, fil-prinċipju, iġarrbu l-kost tal-parteċipazzjoni tagħhom.

    Artikolu 13

    Għotjiet diretti

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 188 tar-Regolament Finanzjarju, l-għotjiet jistgħu jingħataw, mingħajr sejħa għal proposti, lill-korpi identifikati fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 14

    Speċifikazzjoni tal-kriterji għall-għoti

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kriterji għall-għoti fil-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 18 u s-sejħiet għal proposti, filwaqt li tqis il-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE għandhom ikunu ta' interess għall-Unjoni billi jagħtu kontribut sinifikanti għall-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm LIFE stabbiliti fl-Artikolu 3, u ma għandhomx idgħajfu lil dawk l-objettivi u, kull meta jkun possibbli, għandhom jippromwovu l-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku;

    (b)

    il-proġetti għandhom jiżguraw approċċ kosteffettiv, u jkunu teknikament u finanzjarjament koerenti;

    (c)

    il-proġetti bl-ogħla potenzjal li jagħtu kontribut għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 għandhom jingħataw prijorità;

    (d)

    proġetti li jipprovdu kobenefiċċji u jippromwovu sinerġiji bejn is-sottoprogrammi msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jibbenefikaw minn bonus fl-evalwazzjoni tagħhom;

    (e)

    proġetti bl-ogħla potenzjal li jiġu replikati u użati mis-settur pubbliku jew privat jew li jimmobilizzaw l-akbar investimenti jew riżorsi finanzjarji (potenzjal li jaġixxu ta' katalitiku) għandhom jibbenifikaw minn bonus fl-evalwazzjoni tagħhom;

    (f)

    għandha tiġi żgurata r-replikazzjoni tar-riżultati tal-proġett ta' azzjoni standard;

    (g)

    proġetti li jibnu fuq jew jespandu r-riżultati ta' proġetti oħra ffinanzjati mill-Programm LIFE, mill-programmi predeċessuri tiegħu jew minn fondi oħra tal-Unjoni, għandhom jibbenefikaw minn bonus fl-evalwazzjoni tagħhom;

    (h)

    fejn xieraq, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-proġetti f'żoni ġeografiċi bi bżonnijiet jew vulnerabbiltajiet speċifiċi, bħalma huma żoni bi sfidi ambjentali speċifiċi jew b'restrizzjonijiet naturali, żoni transfruntiera, żoni ta' valur naturali għoli u reġjuni ultraperiferiċi.

    Artikolu 15

    Kostijiet eliġibbli relatati max-xiri tal-art

    Minbarra l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 186 tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet relatati max-xiri ta' art għandhom jitqiesu eliġibbli, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ix-xiri jikkontribwixxi għat-titjib, iż-żamma u r-restawr tal-integrità tan-netwerk Natura 2000 stabbilit skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/43/KEE, inkluż bit-titjib fil-konnettività permezz tal-ħolqien ta' kurituri, punti ta' tranżizzjoni, jew elementi oħra ta' infrastruttura ekoloġika;

    (b)

    ix-xiri tal-art ikun l-uniku jew l-aktar mezz kosteffettiv biex jintlaħaq l-eżitu ta' konservazzjoni mixtieq;

    (c)

    l-art mixtrija tkun riżervata għal żmien twil għal użi konsistenti mal-objettivi speċifiċi tal-Programm LIFE; u

    (d)

    l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, permezz ta' trasferiment jew b'xi mod ieħor, l-assenjazzjoni fit-tul ta' tali art għall-finijiet ta' konservazzjoni tan-natura.

    Artikolu 16

    Finanzjament kumulattiv u alternattiv

    1.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni taħt il-Programm LIFE, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet u li l-azzjoni tkun maħsuba biex tilħaq l-objettivi ambjentali u klimatiċi stabbiliti fl-Artikolu 3, u ma ddgħajjef lil ebda wieħed minnhom. Ir-regoli tal-programm tal-Unjoni rilevanti għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista' jiġi kkalkolat fuq bażi prorata f'konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.

    2.   Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond Soċjali Ewropew+ jew mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika tal-Viża u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika agrikola komuni (pjanijiet strateġiċi tal-PAK) u li għandhom jiġu ffinanzjati minn mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassru r-Regolament (UE) 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jista' jingħata lil azzjonijiet li jkunu ngħataw ċertifikazzjoni tas-'Siġill ta' Eċċellenza' skont il-Programm LIFE billi jikkonformaw mal-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    ikunu ġew ivvalutati f'sejħa għal proposti fl-ambitu tal-Programm LIFE;

    (b)

    ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ dik is-sejħa għal proposti;

    (c)

    ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-qafas ta’ dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji.

    KAPITOLU III

    Operazzjonijiet ta' taħlit

    Artikolu 17

    Operazzjonijiet ta' taħlit

    L-operazzjonijiet ta' taħlit taħt il-Programm LIFE għandhom jiġu implimentati f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/523 u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju, b'attenzjoni dovuta għar-rekwiżiti ta' sostenibbiltà u ta' trasparenza.

    KAPITOLU IV

    Programmazzjoni, monitoraġġ, rappurtar u evalwazzjoni

    Artikolu 18

    Programm ta’ ħidma pluriennali

    1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta programmi ta' ħidma pluriennali għall-Programm LIFE. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

    2.   Kull programm ta' ħidma pluriennali għandu jispeċifika, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, dan li ġej:

    (a)

    ammonti li għandhom jiġu allokati l bejn il-ħtiġijiet taħt kull sottoprogramm u bejn tipi differenti ta' finanzjament, kif ukoll l-ammont totali massimu li għandu jiġi allokat għal għotjiet, kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 11(2);

    (b)

    l-ammont totali massimu għal finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji fi ħdan operazzjonijiet ta' taħlit taħt il-Programm LIFE, fejn ikun applikabbli;

    (c)

    l-ammont totali massimu għal għotjiet li għandhom jingħataw lill-korpi elenkati fl-Anness I f'konformità mal-Artikolu 13;

    (d)

    is-suġġetti tal-proġett jew il-ħtiġijiet speċifiċi li għalihom ikun hemm preallokazzjoni ta' finanzjament għall-proġetti msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 11(2);

    (e)

    l-istrateġiji u l-pjanijiet immirati mill-proġetti integrati strateġiċi li għalihom jista' jintalab il-finanzjament għall-proġetti kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 11(2);

    (f)

    il-perijodu massimu ta' eliġibbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġetti;

    (g)

    skedi ta' żmien indikattivi għas-sejħiet għal proposti għall-perijodu kopert mill-programm ta' ħidma pluriennali;

    (h)

    il-metodoloġija teknika għall-proċedura ta' preżentazzjoni u għażla ta' proġetti, u l-kriterji għall-għoti skont l-elementi msemmija fl-Artikolu 14;

    (i)

    ir-rati ta' kofinanzjament imsemmija fl-Artikolu 9(4);

    (j)

    ir-rati massimi ta' kofinanzjament għall-azzjonijiet eliġibbli msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 11(2);

    (k)

    fejn rilevanti, regoli dettaljati rigward l-applikazzjoni ta' finanzjament kumulattiv, u alternattiv;

    (l)

    parteċipazzjoni effettiva baxxa u attivitajiet eliġibbli u kriterji għall-għoti għal proġetti ta' assistenza teknika għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet b'rabta mal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-parteċipazzjoni effettiva fil-programm LIFE.

    3.   It-tul tal-ewwel programm ta' ħidma pluriennali għandu jkun ta' erba' snin u t-tul tat-tieni programm ta' ħidma pluriennali għandu jkun ta' tliet snin.

    4.   Fil-qafas tal-programmi ta' ħidma pluriennali, il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħiet għal proposti għall-perijodu kopert. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-fondi li ma jintużawx minn sejħa partikolari għal proposti partikolari jiġu riallokati bejn it-tipi differenti ta' azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(2) fl-istess qasam.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-partijiet ikkonċernati jiġu kkonsultati fl-iżvilupp tal-programmi ta' ħidma pluriennali.

    Artikolu 19

    Monitoraġġ u rappurtar

    1.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-progress tal-Programm LIFE lejn l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, abbażi tal-indikaturi stabbiliti fl-Anness II.

    2.   Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm LIFE lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 23, biex temenda l-Anness II biex tirrevedi jew tikkomplimenta l-indikaturi meta dan ikun meqjus meħtieġ, inkluż bil-għan tal-allinjament tagħhom mal-indikaturi stabbiliti għal programmi oħra tal-Unjoni, u biex tissupplimenta dan ir-Regolament b'dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddefinixxi, abbażi tal-Anness II, indikaturi speċifiċi għal kull sottoprogramm u tip ta' proġett.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv, u rapidu. Għal dak il-għan, u f'konformità mal-metodoloġiji rilevanti, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rappurtar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni biex ikun jista' jinġabar output aggregabbli fil-livell tal-proġetti u indikaturi tal-impatt għall-objettivi speċifiċi rilevanti kollha fir-rigward tal-politika ambjentali u klimatika, inkluż fir-rigward ta' Natura 2000 u l-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi atmosferiċi li jniġġsu l-arja, inkluż is-CO2.

    5.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrapporta regolarment dwar l-inklużjoni ta' objettivi klimatiċi u tal-bijodiversità, inkluż l-ammont tan-nefqa. Filwaqt li titqies in-natura ggwidata mid-domanda tal-Programm LIFE, 61 % tal-ammont globali tal-Programm LIFE kif definit fl-Artikolu 5 huwa mistenni li jikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira baġitarja li mill-inqas 30 % tan-nefqa tikkontribwixxi għal objettivi relatati mal-klima. Din il-kontribuzzjoni għandha tiġi mmonitorjata permezz tas-sistema ta' indikaturi tal-klima tal-Unjoni. Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni u għall-kisba tal-ambizzjoni ġenerali li 7,5 % tal-infiq annwali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024 u li 10 % tal-infiq annwali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2026 u fl-2027, filwaqt li jitqiesu s-sovrappożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u dawk relatati mal-bijodiversità.

    L-infiq relatat mal-bijodiversità għandu jiġi mmonitorjat bl-użu ta' metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, kif imsemmi fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda. Dawk il-metodi ta' monitoraġġ għandhom jintużaw biex jiġu kkwantifikati l-approprjazzjonijiet ta' impenn li mistennija li jikkontribwixxu rispettivament għall-objettivi klimatiċi u dawk relatati mal-bijodiversità tul il-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027 fil-livell xieraq ta' diżaggregazzjoni. L-infiq għandu jiġi ppreżentat kull sena fid-Dikjarazzjoni tal-Programm. Il-kontribut tal-Programm LIFE għall-objettivi klimatiċi u tal-bijodiversità tal-Unjoni għandu jiġi rrapportat regolarment fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u r-rapport annwali.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sinerġiji bejn il-Programm LIFE u programmi komplementari oħra tal-Unjoni, u dawk bejn is-sottoprogrammi tiegħu.

    Artikolu 20

    Evalwazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet previsti skont dan ir-Regolament fi żmien debitu sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'attenzjoni dovuta għall-koerenza, is-sinerġiji, il-valur miżjud tal-Unjoni u s-sostenibbiltà fit-tul, filwaqt li jittieħed kont tal-prijoritajiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-klima u l-ambjent.

    2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm LIFE ladarba jkun hemm disponibbli biżżejjed informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn 42 xahar wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, bl-użu tal-indikaturi kif stabbilit f'konformità mal-Anness II.

    L-evalwazzjoni għandha tkopri mill-inqas dan li ġej:

    (a)

    l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Programm LIFE;

    (b)

    l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

    (c)

    il-grad ta' kemm intlaħqu l-objettivi tal-miżuri kollha filwaqt li jiġu speċifikati, fejn ikun possibbli, ir-riżultati u l-impatti;

    (d)

    is-suċċess attwali jew mistenni tal-proġetti fl-ingranaġġ ta' fondi oħra tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, il-benefiċċji ta' aktar koerenza ma' strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

    (e)

    il-punt sa fejn jintlaħqu s-sinerġiji bejn l-objettivi u l-komplementarjetà tal-Programm LIFE ma' programmi rilevanti oħra tal-Unjoni;

    (f)

    il-valur miżjud tal-Unjoni u l-impatt fit-tul tal-Programm LIFE, bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tal-miżuri;

    (g)

    il-punt sa fejn il-partijiet ikkonċernati kienu involuti;

    (h)

    analiżi kwantitattiva u kwalitattiva tal-kontribut tal-Programm LIFE għall-istat ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċi elenkati fid-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE;

    (i)

    analiżi tal-kopertura ġeografika fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 9(5), u, jekk ma tintlaħaq l-ebda kopertura bħal din, analiżi tar-raġunijiet sottostanti għat-tali nuqqas ta' kopertura.

    3.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara t-tmiem tal-perijodu speċifikat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-Programm LIFE.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku.

    KAPITOLU V

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali

    Artikolu 21

    Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

    1.   Ir-riċevituri ta' finanzjament mill-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta' dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-proġetti u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku. Għal dan l-għan, ir-riċevituri għandhom jużaw il-logo tal-Programm LIFE, li jidher fl-Anness III. L-oġġetti dewwiema kollha miksuba fil-qafas tal-Programm LIFE għandu jkollhom il-logo tal-Programm LIFE ħlief f'każijiet speċifikati mill-Kummissjoni. Meta l-użu tal-logo tal-Programm LIFE ma jkunx fattibbli, il-Programm LIFE għandu jissemma fl-attivitajiet kollha ta' komunikazzjoni, inkluż fuq avviżieri f'postijiet strateġiċi viżibbli għall-pubbliku.

    2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Programm LIFE, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm LIFE u mar-riżultati miksuba. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm LIFE għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

    Artikolu 22

    Proċedura ta' kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Programm LIFE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Meta l-Kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Kumitat rigward il-progress globali fl-implimentazzjoni tas-sottoprogrammi tal-Programm LIFE u dwar azzjonijiet partikolari taħt il-Programm LIFE, fost l-oħrajn rigward operazzjonijiet ta' taħlit implimentati permezz ta' riżorsi baġitarji allokati mill-Programm LIFE.

    Artikolu 23

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 19(2) u (3) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2028.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 19(2) u (3) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 19(2) u (3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 24

    Tħassir

    Ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 huwa b'dan imħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.

    Artikolu 25

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38) u għar-Regolament (UE) Nru 1293/2013 li għandhom ikomplu japplikaw għall-proġetti kkonċernati sal-għeluq tagħhom.

    2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm LIFE jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm LIFE u l-miżuri adottati skont ir-Regolamenti (KE) Nru 614/2007 u (UE) Nru 1293/2013.

    3.   Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill- 2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 5(5), biex tkun tista' ssir il-ġestjoni ta' proġetti li ma jkunux tlestewi sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    4.   Riflussi minn strumenti finanzjarji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 jistgħu jiġu investiti fi strumenti finanzjarji stabbiliti fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/523.

    5.   L-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat li jirriżulta mir-ripagament tal-ammonti mħallsa skorrettament skont ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 jew (UE) Nru 1293/2013 għandhom jintużaw, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Finanzjarju, biex jiffinanzjaw il-Programm LIFE.

    Artikolu 26

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D.M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A.P. ZACARIAS


    (1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 226.

    (2)  ĠU C 461, 21.12.2018, p. 156.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-16 ta' Marzu 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ April 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).

    (6)  Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta' Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1).

    (8)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

    (9)  ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4.

    (10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

    (11)  Regolament (UE) Nru 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).

    (13)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

    (15)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275 25.10.2003, p. 32).

    (16)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

    (17)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

    (18)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).

    (19)  ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.

    (20)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

    (21)  Ir-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281).

    (22)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

    (23)  Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju li tirrigwarda l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali. (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12).

    (24)  Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).

    (25)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (26)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

    (27)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (28)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (29)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.95, p.1).

    (30)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

    (31)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

    (32)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

    (33)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

    (34)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

    (35)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (36)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill- tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (37)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

    (38)  Ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+) (ĠU L 149, 9.6.2007, p. 1).


    ANNESS I

    IL-KORPI LI LILHOM JISTGĦU JINGĦATAW L-GĦOTJIET MINGĦAJR SEJĦA GĦAL PROPOSTI

    1.   

    In-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL);

    2.   

    In-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE);

    3.   

    Il-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin għall-Ambjent (EUFJE).


    ANNESS II

    INDIKATURI

    1.   Indikaturi tal-output

    1.1.

    Għadd ta' proġetti li qed jiżviluppaw, juru u jippromwovu tekniki u approċċi innovattivi;

    1.2.

    Għadd ta' proġetti li japplikaw l-aħjar prassi f'dak li għandu x'jaqsam man-natura u mal-bijodiversità;

    1.3.

    Għadd ta' proġetti għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ jew l-infurzar tal-leġiżlazzjoni u l-politika rilevanti tal-Unjoni;

    1.4.

    Għadd ta' proġetti li jtejbu l-governanza billi jsaħħu l-kapaċitajiet tal-atturi pubbliċi u privati u l-involviment tas-soċjetà ċivili;

    1.5.

    Għadd ta' proġetti, inklużi proġetti integrati strateġiċi u proġetti strateġiċi dwar in-natura, li jimplimentaw:

    pjanijiet jew strateġiji ewlenin;

    programmi ta' azzjoni għall-inklużjoni tan-“Natura u tal-Bijodiversità”.

    2.   Indikaturi tar-riżultat

    2.1.

    Bidla netta għall-ambjent u għall-klima, ibbażata fuq l-aggregazzjoni tal-indikaturi tal-livell tal-proġett li jridu jiġu speċifikati fis-sejħa għal proposti fi ħdan is-sottoprogrammi:

    “Natura u Bijodiversità”;

    'Ekonomija Ċirkolari u Kwalità tal-Ħajja li jkopru mill-inqas dawn li ġejjin:

    kwalità tal-arja

    ħamrija

    ilma

    skart

    sustanzi kimiċi

    storbju

    użu tar-riżorsi u effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

    “Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u Adattament”;

    “Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa”;

    2.2.

    Investimenti kumulattivi ġġenerati permezz tal-proġetti jew finanzjament aċċessat (miljun EUR);

    2.3.

    Għadd ta' organizzazzjonijiet involuti fi proġetti jew li jirċievu għotjiet operattivi;

    2.4.

    Is-sehem ta' proġetti li kellhom l-effett ta' katalizzatur wara d-data ta' tmiem il-proġett.

    ANNESS III

    LOGO TAL-PROGRAMM LIFE

    Image 1

    Top