Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021H0119

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/119 tal-1 ta' Frar 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 36I, 2.2.2021, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/119/oj

    2.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 36/1


    IR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/119

    tal-1 ta' Frar 2021

    li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 168(6) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (1). Ir-Rakkomandazzjoni stabbiliet approċċ ikkoordinat dwar il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 abbażi ta’ kodiċi tal-kuluri miftiehem, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni.

    (2)

    Bl-użu tal-kriterji u l-limiti stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ilu jippubblika, darba fil-ġimgħa, mappa tal-Istati Membri, imqassma skont ir-reġjuni, sabiex jappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Istati Membri (2).

    (3)

    Kif previst fil-premessa 15 ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi, tkompli tivvaluta b’mod regolari l-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk jenħtieġ li ma jitqisux kriterji oħra jew jekk jenħtieġ li ma jiġux adattati livelli limitu, u tibgħat il-konklużjonijiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, flimkien ma’ proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni.

    (4)

    Żewġ fatturi għandhom impatt fuq l-iżvilupp attwali tal-pandemija. Minn naħa waħda, mill-bidu tal-2021, beda jiġi varat it-tilqim tal-massa, u miljuni ta’ Ewropej diġà tlaqqmu kontra l-COVID-19. Madankollu, kif innutat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar front magħqud biex tingħeleb il-COVID-19 (3), filwaqt li l-infezzjonijiet qed jiżdiedu u sakemm it-tilqim jiġi amministrat fuq l-iskala meħtieġa biex tinqaleb il-folja tal-pandemija, ser ikunu meħtieġa viġilanza kontinwa, miżuri ta’ trażżin u kontrolli tas-saħħa pubblika. B’mod partikolari, l-UE u l-Istati Membri jridu jaġixxu biex irażżnu r-riskju tal-mewġa li jmiss ta’ infezzjonijiet, li tista’ tkun aktar ħarxa, ikkaratterizzata minn varjanti tal-virus SARS-CoV-2 ġodda aktar trażmissibbli li diġà qegħdin fl-Ewropa.

    (5)

    Dan l-aħħar tfaċċaw varjanti ġodda tal-virus, u dan huwa ta’ tħassib kbir. Għalkemm bħalissa ma hemm l-ebda evidenza li dawn jikkawżaw mard aktar gravi, il-varjanti jidhru li huma mal-50–70 % aktar trażmissibbli (4). Dan ifisser li l-virus jista’ jinfirex aktar faċli u aktar malajr, u dan iżid il-piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-limiti tagħhom. Din hija probabbilment il-kawża l-għaliex żdiedu b’mod sostanzjali l-każijiet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri matul dawn l-aħħar ġimgħat.

    (6)

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, fl-aħħar valutazzjoni tar-riskju tiegħu dwar it-tixrid fl-UE/fiż-ŻEE (5) ta’ varjanti tas-SARS-CoV-2 ġodda ta’ tħassib, jiddikjara li r-riskju assoċjat mal-introduzzjoni u t-tixrid komunitarju tal-varjanti ta’ tħassib żdied għal għoli/għoli ħafna.

    (7)

    Bħala waħda mill-opzjonijiet ta’ rispons għal dan ir-riskju, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jirrakkomanda li sabiex ma jiddaħħlux u ma jinxterdux malajr il-varjanti ġodda tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib, jenħtieġ li jiġi evitat l-ivvjaġġar mhux essenzjali. Minbarra r-rakkomandazzjonijiet kontra l-ivvjaġġar mhux essenzjali, u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ta’ dawk infettati, jenħtieġ li l-miżuri tal-ivvjaġġar bħall-ittestjar u l-kwarantina tal-vjaġġaturi jinżammu, b’mod partikolari għall-vjaġġaturi minn żoni b’inċidenza ogħla ta’ varjanti ġodda. Jekk is-sekwenzjar jkun għadu insuffiċjenti biex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ inċidenza ogħla tal-varjanti l-ġodda, skont il-gwida tal-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard dwar is-sekwenzjar ġenomiku, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll miżuri proporzjonati għall-ivvjaġġar minn żoni fejn ikun hemm livell għoli kontinwu ta’ trażmissjoni komunitarja.

    (8)

    Għaldaqstant, fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

    (9)

    Sabiex jitqies il-livell ferm għoli ta’ trażmissjoni fil-komunità, possibbilment marbut maż-żieda fit-trażmissibbiltà tal-varjanti l-ġodda ta’ tħassib, jenħtieġ li jiżdied kulur ġdid, l-aħmar skur, fil-mappa ppubblikata ta’ kull ġimgħa miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Dan il-kulur jenħtieġ li jindika ż-żoni fejn il-virus qed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna, anki minħabba l-varjanti ta’ tħassib aktar infettivi.

    (10)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu kont wkoll tal-prevalenza ta’ varjanti ġodda tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib, filwaqt li jittieħed kont tal-livell tas-sekwenzjar tal-ġenomi mwettaq minn Stati Membri oħra. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar front magħqud biex tingħeleb il-COVID-19 tenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jżidu b’mod urġenti s-sekwenzjar tal-ġenomi għal 5-10 % tar-riżultati tat-testijiet pożittivi, jekk ikun meħtieġ billi jużaw il-kapaċità taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard biex jidentifikaw il-progress tal-varjanti jew biex jidentifikaw oħrajn ġodda.

    (11)

    Il-livell għoli ta’ trażmissjoni komunitarja fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jfisser li l-ivvjaġġar ser ikompli jippreżenta sfida partikolari. L-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu, speċjalment lejn u minn żoni ta’ riskju għoli, jenħtieġ li jiġi ferm skoraġġut sakemm is-sitwazzjoni epidemjoloġika titjieb b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari minħabba li faqqgħu l-varjanti l-ġodda. Minħabba li r-riskju ta’ infezzjoni jew ta’ trażmissjoni huwa simili għall-ivvjaġġar domestiku u transfruntier, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw koerenza bejn il-miżuri applikati għaż-żewġ tipi ta’ vjaġġar mhux essenzjali.

    (12)

    Fil-konklużjonijiet bil-fomm wara l-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 (6), il-President tal-Kunsill Ewropew innota li jeħtieġ li l-fruntieri jibqgħu miftuħin biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-Suq uniku, inkluż il-fluss ta’ oġġetti u servizzi essenzjali. Jenħtieġ li jiġu imposti projbizzjonijiet indiskriminati fuq l-ivvjaġġar. Madankollu, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri li jirrestrinġu l-ivvjaġġar mhux essenzjali fl-UE biex titrażżan il-firxa tal-virus. Il-Kunsill, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tiegħu, jista’ jkollu bżonn jirrevedi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-ivvjaġġar intra-UE u l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fid-dawl tar-riskji li l-varjanti l-ġodda tal-virus qed joħolqu.

    (13)

    Approċċ koordinat għandu l-għan li jipprevjeni l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. L-għeluq tal-fruntieri jew il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar b’mod ġenerali, kif ukoll is-sospensjoni tat-titjiriet, it-trasport fuq l-art u l-qsim tal-ilma, mhumiex ġustifikati, peress li miżuri aktar immirati, bħall-kwarantina obbligatorja jew l-ittestjar, għandhom impatt suffiċjenti u jikkawżaw inqas tħarbit. Is-sistema ta’ “Korsiji Ħodor” (7) jenħtieġ li żżomm il-flussi tat-trasport għaddejjin, b’mod partikolari biex tiżgura l-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi, u b’hekk jiġi evitat it-tħarbit fil-katina tal-provvista.

    (14)

    Kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni trid tkompli tiġi applikata f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni, inkluż abbażi tan-nazzjonalità. Għalhekk, jenħtieġ li kwalunkwe miżura li tittieħed ma tmurx lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika. Informazzjoni ċara, f’waqtha u komprensiva lill-pubbliku tibqa’ kruċjali sabiex jiġu żgurati l-prevedibbiltà, iċ-ċertezza legali u l-konformità miċ-ċittadini. Ir-restrizzjonijiet jenħtieġ li jiġu infurzati b’mod adegwat u kwalunkwe sanzjoni stabbilita jenħtieġ li tkun effettiva u proporzjonata.

    (15)

    Fil-11 ta’ Jannar 2021, il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa qabel dwar rakkomandazzjonijiet għal approċċ komuni tal-UE rigward il-miżuri ta’ iżolament għall-pazjenti bil-COVID-19 u l-miżuri ta’ kwarantina għal min kellu kuntatt u għall-vjaġġaturi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (8) rigward il-miżuri ta’ kwarantina għall-vjaġġaturi jenħtieġ li jiġu applikati mill-Istati Membri meta jimponu kwarantina relatata mal-ivvjaġġar. B’mod partikolari, fejn jiġu imposti rekwiżiti ta’ kwarantina għall-ivvjaġġar minn żona ta’ riskju għoli, jenħtieġ li jitqies it-tqassir tal-perjodu ta’ kwarantina meħtieġ jekk jinkiseb test negattiv wara ħamest ijiem jew sebgħa mid-dħul, dejjem jekk il-vjaġġatur ma jiżviluppax xi sintomi.

    (16)

    Minħabba ż-żieda fil-kapaċità tal-ittestjar tal-COVID-19, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 jenħtieġ li tiġi emendata biex l-Istati Membri jingħataw l-opzjoni li jobbligaw lill-vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn żoni mhux ikklassifikati bħala “ħodor” biex jagħmlu test qabel it-tluq.

    (17)

    Fid-dawl tal-livell għoli ta’ trażmissjoni komunitarja f’żoni li għadhom iridu jiġu kklassifikati bħala “ħomor skuri”, il-persuni li jivvjaġġaw minn żoni bħal dawn għal raġunijiet mhux essenzjali jenħtieġ li jiġu obbligati jagħmlu test qabel it-tluq kif ukoll kwarantina, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, wara li jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Meta l-vjaġġaturi ma jkunux fi kwarantina fil-post ta’ residenza tagħhom, jenħtieġ li jiġu żgurati kundizzjonijiet fiżiċi xierqa fil-post ta’ kwarantina kif ukoll għandhom jiġu żgurati l-protezzjoni u l-għoti ta’ kura lit-tfal f’kundizzjonijiet ta’ kwarantina, u dawn jenħtieġ li jkunu konformi mal-Linji Gwida tad-WHO (9).

    (18)

    Meta persuni li jirritornaw lejn l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom ma jkunux jistgħu jagħmlu test qabel it-tluq, jenħtieġ li jitħallew jagħmlu test wara li jaslu, sabiex jiġi evitat li jiġu impeduti milli jirritornaw lejn djarhom.

    (19)

    Minħabba l-livell għoli ta’ infezzjonijiet f’żoni “ħomor skuri”, jenħtieġ li l-vjaġġaturi essenzjali jkunu obbligati wkoll jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 u joqogħdu kwarantina, dment li dan ma jkollux impatt sproporzjonat fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet jew il-ħtiġijiet essenzjali tagħhom, pereżempju għax il-popolazzjoni ġenerali fid-destinazzjoni ser tkun esposta għall-vjaġġatur b’mod limitat ħafna. Meta Stat Membru, filwaqt li jqis is-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika, xorta jirrikjedi testijiet għall-ħaddiema tat-trasport u għall-fornituri tas-servizzi, jenħtieġ li dan ma jwassalx għal tħarbit fit-trasport (10). Biex jinżammu l-ktajjen tal-provvista, ir-rekwiżiti ta’ kwarantina jenħtieġ li ma japplikawx għall-persunal tat-trasport waqt li jkunu qed jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali.

    (20)

    Ir-restrizzjonijiet marbuta mal-ivvjaġġar transfruntier iħarbtu b’mod partikolari lill-persuni li jaqsmu l-fruntieri kuljum jew ta’ spiss biex imorru għax-xogħol jew għall-iskola, iżuru qraba stretti, għall-kura medika, jew biex jieħdu ħsieb l-għeżież tagħhom. Jenħtieġ li dawn il-persuni ma jkunux obbligati joqogħdu kwarantina meta jaqsmu l-fruntieri għal dan l-għan essenzjali, minħabba t-tħarbit sinifikanti li dan jikkawża għall-ħajja u l-għajxien tan-nies kif ukoll għall-ekonomija kollha kemm hi. Sakemm is-sitwazzjoni epidemjoloġika tkun komparabbli fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, ma jidhirx li huwa meħtieġ li dawn il-persuni jagħmlu testijiet frekwenti sempliċiment għax jaqsmu l-fruntiera. Il-koordinazzjoni mill-qrib fost l-Istati Membri u r-reġjuni transfruntieri ser tibqa’ partikolarment importanti.

    (21)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi, jenħtieġ li l-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, tkompli tivvaluta b’mod regolari l-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk jenħtieġx li jitqiesu kriterji oħra jew jekk jenħtieġ li ma jiġux adattati livelli limitu, u tibgħat il-konklużjonijiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, flimkien ma’ proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni, fejn meħtieġ,

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 hija emendata kif ġej:

    1.

    L-ittra (c) tal-punt 10 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(c)

    bl-aħmar, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tal-każijiet tal-COVID-19 innotifikati tkun bejn 50 u 150 u r-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv għall-infezzjoni tal-COVID-19 tkun ta’ 4 % jew aktar, jew jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tal-każijiet tal-COVID-19 innotifikati tkun aktar minn 150 iżda anqas minn 500,”

    2.

    Fil-punt 10 tiddaħħal l-ittra (ca) li ġejja:

    “(ca)

    bl-aħmar skur, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tal-każijiet tal-COVID-19 innotifikati tkun 500 jew aktar;”.

    3.

    L-ittra (a) tal-punt 13 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(a)

    jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw id-differenzi fis-sitwazzjoni epidemjoloġika bejn iż-żoni kklassifikati bħala “oranġjo”, “ħomor” jew “ħomor skuri” u jaġixxu b’mod proporzjonat;”.

    4.

    L-ittra (d) tal-punt 13 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(d)

    jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-istrateġiji tal-ittestjar u jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ żoni b’rati għoljin ta’ ttestjar;”.

    5.

    Fil-punt 13 tiddaħħal l-ittra (e) li ġejja:

    “(e)

    jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu kont tal-prevalenza tal-varjanti ta’ tħassib tas-SARS-CoV-2, speċjalment il-varjanti li jżidu t-trażmissibbiltà u l-fatalità, kif ukoll il-livell ta’ sekwenzjar tal-ġenomi mwettaq, irrispettivament minn kif tiġi kklassifikata ż-żona kkonċernata.”.

    6.

    Il-punt 16a li ġej jiddaħħal wara l-intestatura “Qafas komuni fir-rigward ta’ miżuri possibbli għal vjaġġaturi li ġejjin minn żoni ta’ riskju ogħla”:

    “16a.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskoraġġixxu bil-qawwa l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn u minn żoni kklassifikati bħala “ħamra skura” u jiskoraġġixxu l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn u minn żoni kklassifikati bħala “ħamra” skont il-punt 10.

    Fl-istess ħin, l-Istati Membri jenħtieġ li jfittxu li jevitaw tħarbit fl-ivvjaġġar essenzjali, u jżommu l-flussi tat-trasport mexjin f’konformità mas-sistema tal-“Korsiji Ħodor” kif ukoll jevitaw tħarbit fil-ktajjen tal-provvista u l-moviment tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom li jivvjaġġaw għal raġunijiet professjonali jew ta’ negozju.”.

    7.

    L-ittri (a) u (b) tal-punt 17 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    joqogħdu kwarantina/awtoiżolament kif rakkomandat mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (11); u/jew

    (b)

    jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 qabel ma jsiefru jew wara li jaslu. Dan jista’ jkun jew test tal-RT-PCR jew test rapidu tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 stabbilita abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (12) kif determinat mill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa.”.

    8.

    Fil-punt 17, jitħassar is-subparagrafu li ġej:

    “L-Istati Membri jistgħu joffru lill-vjaġġaturi l-għażla li jissostitwixxu t-test imsemmi fl-ittra (b) b’test għall-infezzjoni tal-COVID-19 imwettaq qabel il-wasla.”.

    9.

    Fil-punt 17, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Jenħtieġ li l-Istati Membri joffru kapaċità suffiċjenti ta’ ttestjar u jaċċettaw iċ-ċertifikati elettroniċi tat-testijiet, filwaqt li jiżguraw li dan ma jnaqqasx mill-għoti ta’ servizzi essenzjali tas-saħħa pubblika, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità tal-laboratorji.”.

    10.

    Jiddaħħal il-punt 17a li ġej:

    “17a.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li persuni li jivvjaġġaw minn żona kklassifikata bħala “ħamra skura” skont il-punt 10(ca) jagħmlu kemm test għall-infezzjoni tal-COVID-19 qabel jaslu kif ukoll joqogħdu kwarantina/awtoiżolament kif rakkomandat mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. Miżuri simili jistgħu japplikaw għal żoni bi prevalenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw, iżommu jew jirrinforzaw l-interventi mhux farmaċewtiċi, b’mod partikolari f’żoni kklassifikati bħala “ħomor skuri”, isaħħu l-isforzi tal-ittestjar u tat-traċċar tal-kuntatti u jżidu l-livell ta’ sorveljanza u ta’ sekwenzjar ta’ kampjun rappreżentattiv tal-każijiet tal-COVID-19 fil-komunità, sabiex jikkontrollaw il-firxa u l-impatt tal-varjanti emerġenti tas-SARS-CoV-2 li għandhom aktar trażmissibbiltà.”.

    11.

    Jiddaħħal il-punt 17b li ġej:

    “17b.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri joffru lill-persuni residenti fit-territorju tagħhom l-opzjoni li flok jagħmlu t-test ta’ qabel il-wasla msemmi fil-punti 17(b) u 17a, jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 wara li jaslu, flimkien ma’ kwalunkwe rekwiżit ta’ kwarantina/awtoiżolament applikabbli.”

    12.

    Jiddaħħal il-punt 19 a li ġej:

    “19a.

    Skont il-punt 17a, il-vjaġġaturi b’funzjoni essenzjali jew li jeħtieġu jivvjaġġaw minn żona “ħamra skura” jenħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ittestjar u joqogħdu kwarantina/awtoiżolament, dment li dan ma jkollux impatt sproporzjonat fuq l-eżerċizzju tal-funzjoni jew ħtiġijiethom.

    B’deroga, il-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport, skont il-punt 19(b), jenħtieġ li fil-prinċipju ma jkunux obbligati jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 f’konformità mal-punti 17(b) u 17a. Meta Stat Membru jesiġi li l-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport għandhom jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19, jenħtieġ li jintużaw it-testijiet rapidi tal-antiġeni, u dan ma għandux jwassalx għal tħarbit fit-trasport. Jekk iseħħ tħarbit fit-trasport jew fil-katina tal-provvista, l-Istati Membri jenħtieġ li jneħħu jew iħassru immedjatament kwalunkwe rekwiżit ta’ ttestjar sistematiku bħal dan sabiex jippreservaw il-funzjonament tal-“Korsiji Ħodor”. Il-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport jenħtieġ li ma jkunux obbligati joqogħdu kwarantina skont il-punti 17(a) u 17a waqt li jkunu qed jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali.”.

    13.

    Jiddaħħal il-punt 19b li ġej:

    “19b.

    Minbarra l-eżenzjonijiet fil-punt 19a, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrikjedux li persuni li jgħixu f’reġjuni mal-fruntiera u li jivvjaġġaw minn naħa għal oħra tal-fruntiera fuq bażi ta’ kuljum jew frekwenti għall-finijiet ta’ xogħol, negozju, edukazzjoni, familja, kura medika jew indukrar, jgħaddu minn test jew kwarantina/awtoiżolament , b’mod partikolari persuni li jeżerċitaw funzjonijiet kritiċi jew essenzjali għall-infrastruttura kritika. Jekk jiġi introdott rekwiżit tal-ittestjar għall-ivvjaġġar transfruntier f’dawn ir-reġjuni, jenħtieġ li tkun proporzjonata l-frekwenza ta’ testijiet fuq tali persuni. Jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera tkun komparabbli, jenħtieġ li ma jiġi impost l-ebda rekwiżit tal-ittestjar relatat mal-ivvjaġġar. Persuni li jsostnu li s-sitwazzjoni tagħhom taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-punt jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu evidenza dokumentarja jew jippreżentaw dikjarazzjoni għal dan il-għan.”.

    14.

    Il-punt 21 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “21.

    Kwalunkwe miżura applikata għall-persuni li jaslu minn żona kklassifikata bħala “ħamra skura”, “oranġjo” jew “griża” skont il-punt 10 ma tistax tkun diskriminatorja, jiġifieri jenħtieġ li tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jkunu qed jirritornaw.”.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. P. ZACARIAS


    (1)   ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.

    (2)  Disponibbli fuq: https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19/situation-updates/weekly-maps-coordinated-restriction-free-movement

    (3)  COM(2021) 35 final.

    (4)  Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECDC: Risk related to spread of new SARS-CoV-2 variants of concern in the EU/EEA (Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECDC: Ir-riskju relatat mat-tixrid fl-UE/fiż-ŻEE ta’ varjanti tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib), disponibbli fuq: https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/covid-19-risk-assessment-spread-new-sars-cov-2-variants-eueea

    (5)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Ir-Riskju marbut mat-tixrid tal-varjanti ġodda tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib, l-ewwel aġġornament – 21 ta’ Jannar 2021. ECDC: Stokkolma; 2021. Disponibbli fuq: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/COVID-19-risk-related-to-spread-of-new-SARS-CoV-2-variants-EU-EEA-first-update.pdf

    (6)  Konklużjonijiet bil-fomm mill-President Charles Michel wara l-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Jannar 2021, disponibbli fuq: https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2021/01/21/oral-conclusions-by-president-charles-michel-following-the-video-conference-of-the-members-of-the-european-council-on-21-january-2021/

    (7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar li naġġornaw il-Korsiji Ħodor tat-trasport biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja matul iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19, COM(2020) 685 final, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2243 tat-22 ta’ Diċembru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport bi tweġiba għall-varjant SARS-COV-2 osservat fir-Renju Unit (ĠU L 436, 28.12.2020, p. 72).

    (8)  Rakkomandazzjonijiet għal approċċ komuni tal-UE rigward l-iżolament tal-pazjenti bil-COVID-19 u l-kwarantina għal min kellu kuntatt u l-vjaġġaturi, maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa fil-11 ta’ Jannar 2021, https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/preparedness_response/docs/hsc_quarantine-isolation_recomm_en.pdf

    (9)  Numru ta’ referenza tad-WHO: WHO/2019-nCoV/IHR_Quarantine/2020,3. Disponibbli fuq: https://www.who.int/publications/i/item/considerations-for-quarantine-of-individuals-in-the-context-of-containment-for-coronavirus-disease-(covid-19)

    (10)  Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2243 tat-22 ta’ Diċembru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport bi tweġiba għall-varjant tas-SARS-COV-2 innutat fir-Renju Unit (ĠU L 436, 28.12.2020, p. 72).

    (11)  Rakkomandazzjonijiet għal approċċ komuni tal-UE rigward l-iżolament tal-pazjenti bil-COVID-19 u l-kwarantina għal min kellu kuntatt u l-vjaġġaturi, maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa fil-11 ta’ Jannar 2021, https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/preparedness_response/docs/hsc_quarantine-isolation_recomm_en.pdf

    (12)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5451-2021-INIT/mt/pdf


    Top