EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2316

Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/81/2021/REV/1

ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2316/oj

28.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 462/1


DEĊIŻJONI (UE) 2021/2316 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Diċembru 2021

dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165(4) u 166(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 165(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata, fost oħrajn, lejn l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa.

(2)

Fil-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava tas-16 ta’ Settembru 2016, is-27 Kap ta’ Stat jew Gvern ħadu impenn sabiex “jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ”, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ mill-Unjoni lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u ta’ programmi tal-Unjoni msaħħa ddedikati liż-żgħażagħ.

(3)

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017, il-mexxejja tas-27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jaħdmu lejn “Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu”.

(4)

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2019-2027, ibbażata fuq ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 (3), tirrikonoxxi li ż-żgħażagħ jistgħu jibnu l-ħajja li jixtiequ, jikkontribwixxu għal bidla pożittiva fis-soċjetà u jarrikkixxu l-ambizzjonijiet tal-UE. Tirrikonoxxi wkoll li l-politika dwar iż-żgħażagħ tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ spazju li fih iż-żgħażagħ jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet u jirrelataw mal-valuri tal-Unjoni. Is-Snin Ewropej preċedenti, bħas-Sena Ewropea tal-Ferroviji tal-2021, is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013-2014 u s-Sena Ewropea tal-Volontarjat tal-2011, joffru esperjenza siewja li jenħtieġ li tispira l-isforzi futuri sabiex iż-żgħażagħ jiġu involuti u jingħataw is-setgħa biex isawru l-futur tagħhom u tal-futur tal-Ewropa.

(5)

NextGenerationEU, stabbilita mir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), tiżgura l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tipprovdi l-possibbiltà li b’mod kollettiv toħroġ aktar b’saħħitha mill-pandemija tal-COVID-19: NextGenerationEU tiftaħ mill-ġdid perspettivi mimlijin opportunitajiet għaż-żgħażagħ, inklużi impjiegi ta’ kwalità u adattament għall-bidla soċjali. L-Unjoni għandha l-għan li ż-żgħażagħ ikunu kompletament involuti fil-varar ta’ NextGenerationEU, u b’hekk issaħħaħ ir-rwol tagħhom fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

(6)

Il-President tal-Kummissjoni ħabbret fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-15 ta’ Settembru 2021 li l-Kummissjoni se tipproponi li tagħmel l-2022 is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (is-“Sena Ewropea”). Filwaqt li enfasizzat il-fiduċja li hija tislet għall-futur tal-Ewropa mill-ispirazzjoni pprovduta miż-żgħażagħ tal-Ewropa, il-President tal-Kummissjoni żiedet li “sabiex insawru l-Unjoni tagħna fis-sura tagħhom, iż-żgħażagħ jeħtiġilhom li jkunu jistgħu jsawru l-futur tal-Ewropa”. L-Ewropa teħtieġ il-viżjoni, l-involviment u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha sabiex jibnu futur aħjar, u l-Ewropa jeħtieġ li tagħti liż-żgħażagħ opportunitajiet għall-futur, futur li huwa aktar ekoloġiku, aktar diġitali u aktar inklużiv. Din hija r-raġuni għaliex il-President ipproponiet “sena ddedikata għall-valorizzazzjoni taż-żgħażagħ li ssagrifikaw tant għall-oħrajn”.

(7)

Is-sena Ewropea jenħtieġ li tagħti bidu għal proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-bini tal-futur tal-Ewropa. Għal dik ir-raġuni, il-politiki dwar iż-żgħażagħ jenħtieġ li jiġu integrati fil-politiki rilevanti kollha tal-Unjoni.

(8)

Il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi hija kruċjali għall-preżent u l-futur tal-Ewropa u għas-soċjetajiet demokratiċi tagħha. Għalhekk f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2020 dwar it-trawwim tal-kuxjenza demokratika u l-involviment demokratiku fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (5) u tal-21 ta’ Ġunju 2021 dwar tisħiħ tal-governanza f’diversi livelli fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet (6), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea (7),is-Sena Ewropea għandha l-għan li tagħti spinta l-involviment attiv taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa, inkluż billi tappoġġa attivitajiet ta’ parteċipazzjoni għaż-żgħażagħ minn diversi kuntesti fi proċessi bħall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, tippromwovi inizjattivi ta’ parteċipazzjoni ċivika u ta’ volontarjat, u b’hekk tqajjem kuxjenza dwar il-valuri tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali, u l-istorja u l-kultura Ewropej, it-tlaqqigħ flimkien taż-żgħażagħ u ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni u tikkontribwixxi għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea.

(9)

Ir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta’ Settembru 2015 bit-titlu “Nittrasformaw id-Dinja tagħna: Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (“l-Aġenda 2030”) irrikonoxxiet ir-rwol essenzjali taż-żgħażagħ bħala atturi ta’ bidla fix-xena internazzjonali u ddikjarat li żgħażagħ jeħtieġ li jiġu appoġġati “sabiex il-kapaċitajiet infiniti tagħhom għall-attiviżmu jiġu direzzjonati lejn il-ħolqien ta’ dinja aħjar”. Is-Sena Ewropea hija kontribut konkret għall-Aġenda 2030, li tenfasizza li “t-tfal u t-tfajliet u l-ġuvintur huma aġenti kritiċi tal-bidla”, u jenħtieġ li tingħata spinta ulterjuri lill-implimentazzjoni ta’ dik l-Aġenda 2030, lit-triq lejn l-iżvilupp sostenibbli, u lill-kapaċità taż-żgħażagħ li jsawru l-present u l-futur, mhux biss tal-Unjoni, iżda wkoll tal-pajjiżi sħab tal-UE u tal-pjaneta tagħna kollha kemm hi.

(10)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2020 dwar iż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna, li jenfasizzaw il-kontribut tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ għall-bini ta’ soċjetajiet aktar b’saħħithom, aktar leġittimi, paċifiċi u demokratiċi, jenħtieġ li s-Sena Ewropea tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-politiki kollha, għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-edukazzjoni, it-tagħlim u l-iskambji, għall-iżvilupp ta’ sħubijiet u djalogu bejn iż-żgħażagħ mill-Unjoni u mill-pajjiżi sħab, inklużi s-Sħubija tal-Lvant, il-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tan-Nofsinhar, għall-ikkapitalizzar fuq pjattaformi eżistenti għal djalogu maż-żgħażagħ u sħubiji bħaċ-Ċentru ta’ Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ UA-UE u l-Bord ta’ Evalwazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Unjoni u tkabbar ir-rwol tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-komunikazzjoni strateġika u fl-azzjoni ta’ diplomazija pubblika.

(11)

L-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, li huma parti integrali mill-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027, u li ġew żviluppati miż-żgħażagħ għall-benefiċċju ta’ żgħażagħ taħt il-proċess ta’ Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, huma xhieda tal-ħerqa ta’ ħafna żgħażagħ Ewropej sabiex jipparteċipaw fid-definizzjoni tad-direzzjoni li jenħtieġ li jieħu l-iżvilupp tal-Unjoni.

(12)

Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tagħti spinta lill-implimentazzjoni b’suċċess tal-Prinċipju 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (8), li jenfasizza li kulħadd “għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklussivi”. F’dak ir-rigward, is-Sena Ewropea jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-progress sinifikanti lejn il-ksib, sal-2025, taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li għandha l-għan li tistimola liż-żgħażagħ fil-milja personali, soċjali u professjonali tagħhom u trawwem l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza billi toħloq spazju Ewropew ġenwin ta’ apprendiment u tneħħi l-ostakoli għar-rikonoxximent reċiproku u awtomatiku ta’ lawrji, kwalifiki u perjodi ta’ tagħlim fl-Unjoni. Is-Sena Ewropea jenħtieġ li tqis is-sitwazzjoni soċjali u l-benesseri taż-żgħażagħ. Jenħtieġ lis-Sena Ewropea tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Prinċipju 3 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jenfasizza li “kulħadd għandu d-dritt għal trattament u opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, u l-aċċess għal prodotti u servizzi disponibbli għall-pubbliku”.

(13)

Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tappoġġa l-isforzi tal-Unjoni sabiex tespandi l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ bħala parti mill-pjan ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija COVID-19 kif iddikjarat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (9), li enfasizzat li l-miżuri ta’ lockdown ikkawżaw tfixkil f’daqqa fl-edukazzjoni formali u mhux formali, kif ukoll fit-tagħlim informali taż-żgħażagħ, fit-traineeships, fl-internships, fl-apprendistati, u fl-impjiegi, u li dawn affettwaw l-introjtu taż-żgħażagħ, il-potenzjal ta’ qligħ u l-benesseri tagħhom, inkluża s-saħħa tagħhom, u b’mod partikolari s-saħħa mentali tagħhom. Kemm f’dik ir-riżoluzzjoni u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b’saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti (10), il-Parlament Ewropew ikkundanna l-prattika ta’ internships mhux imħallsa meta mhux relatati mal-akkwist ta’ kwalifiki edukattivi bħala forma ta’ sfruttament ta’ ħaddiema żgħażagħ u ksur tad-drittijiet tagħhom. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni tipproponi qafas legali għal projbizzjoni effettiva u infurzabbli ta’ tali internships, traineeships u apprendistati mhux imħallsa.

(14)

Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tagħti spinta ulterjuri lill-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg taż-żgħażagħ ta’ kwalità taħt l-inizjattiva ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, inkluż permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar it-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (11) u l-inizjattiva ġdida ALMA (Mira, Tagħlima, Ħakma, Kisba) proposta mill-Kummissjoni li għandha tiġi implimentata taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Jenħtieġ li ALMA tkun skema transfruntiera ta’ mobilità taż-żgħażagħ għal persuni żvantaġġati li mhumiex f’impjieg, f’edukazzjoni jew f’taħriġ.

(15)

Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tikkontribwixxi għar-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u għall-objettivi tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-1 ta’ Diċembru 2020 dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta’ Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (13) (l-‘Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ’) u l-proċess ta’ Bonn, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istrutturi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex tagħmilhom sostenibbli u aktar reżiljenti fil-partijiet kollha tal-Unjoni, u l-kooperazzjoni transfruntiera. Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tippromwovi wkoll il-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali, inkluż permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, filwaqt li tirrikonoxxi l-valur għoli għat-tagħlim fil-ħidma fost iż-żgħażagħ flimkien mal-edukazzjoni formali u ħtieġa li tissaħħaħ is-sħubija bejn il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni formali.

(16)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2021 dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u fuq l-isport (14), il-Parlament Ewropew issottolinja l-impatt partikolarment akut li kellha l-pandemija tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ li ma humiex fl-edukazzjoni, fl-impjieg, jew fit-taħriġ u enfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ minn gruppi vulnerabbli, inklużi żgħażagħ b’diżabilità. Innota wkoll li l-qgħad u l-faqar fost iż-żgħażagħ żdiedu b’mod kostanti minn meta faqqgħet il-COVID-19 u ħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġġieldu l-effetti diżastrużi fuq l-impjieg taż-żgħażagħ. Huwa fakkar ukoll ir-rwol tal-volontarjat fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħajja u tax-xogħol għaż-żgħażagħ u qies li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), jista’ jgħin liż-żgħażagħ jespandu l-opportunitajiet tagħhom lil hinn mir-realtajiet lokali tagħhom.

(17)

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt soċjali u ekonomiku profond fuq is-soċjetà tagħna kollha kemm hi u wasslet għal żieda bla preċedent ta’ problemi tas-saħħa mentali, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Għalhekk, jenħtieġ li s-Sena Ewropea tippromwovi d-diskussjoni u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sostenibbli, inklużi miżuri preventivi, biex jgħinu biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi.

(18)

Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tappoġġa l-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar iż-Żgħażagħ u l-Futur tax-Xogħol (16), tal-10 ta’ Diċembru 2019 dwar il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ (17) u tas-7 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ (18).

(19)

Filwaqt li tirrifletti l-importanza li jiġu indirizzati l-kriżijiet klimatiċi u tan-natura f’konformità mal-impenji tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi adottat fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (19) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), u sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, jenħtieġ li s-Sena Ewropea tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet relatati mal-klima u man-natura u għall-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 bit-titlu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” b’mod ġust u inklużiv, tal-missjonijiet ta’ Orizzont Ewropa, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), u tal-pakkett Lesti għall-mira ta’ 55 %, kif stabbilit fil-Kuminikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2021 bit-titlu “Lesti għall-mira ta’ 55 %": nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika”, b’mod partikolari billi ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jfasslu inizjattivi proprji u ideat kreattivi dwar il-kisba tal-miri rilevanti, biex b’hekk tirrikonoxxi l-potenzjal u l-kapaċitajiet kreattivi u innovattivi taż-żgħażagħ.

(20)

Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tagħti spinta ulterjuri lir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2020 dwar miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (21) jsiru aktar “ħodor”, li ssottolinja li Erasmus+, permezz tal-appoġġ tiegħu għall-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ formali u mhux formali u għall-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, huwa kruċjali għas-sensibilizzazzjoni fost l-Ewropej, b’mod partikolari l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, sabiex jitħeġġew jieħdu pożizzjoni attiva u informata dwar is-sostenibbiltà u l-politiki rilevanti u sabiex isiru ċittadini futuri involuti u konxji; Il-Parlament Ewropew enfasizza wkoll, f’dik ir-riżoluzzjoni, ir-rwol ewlieni li għandhom iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dak ir-rigward fil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti li jżidu l-għarfien tal-ġenerazzjonijiet iżgħar dwar is-sostenibbiltà.

(21)

Jenħtieġ li s-sena Ewropea tfittex u tibni fuq sinerġiji ma’ avvenimenti u inizjattivi Ewropej, bħall-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, Jum l-Ewropa u l-Jiem tal-Patrimonju Ewropew u l-kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa “Żgħażagħ għad-Demokrazija, Demokrazija għaż-Żgħażagħ”.

(22)

Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni enfasizzat li “l-Ewropa għandha bżonn iż-żgħażagħ kollha tagħha”. Fl-ilħuq tal-objettivi tagħha, jenħtieġ li s-Sena Ewropea tkun kompletament inklużiva u jenħtieġ li tippromwovi b’mod attiv il-parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ minn kuntesti diversi u żgħażagħ b’anqas opportunitajiet u żgħażagħ mir-reġjuni ultraperiferiċi, f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1877 (22).

(23)

Huwa importanti li s-Sena Ewropea tikkontribwixxi biex jiżdiedu l-interess u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika u fil-proċessi elettorali, b’mod partikolari fil-livell tal-Unjoni. Skont l-Ewrobarometru ta’ Wara l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019, matul l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019, l-għadd ta’ votanti fost iż-żgħażagħ kien ħafna ogħla (42 %) meta mqabbel ma’ dak matul l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014 (28 %). Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fost iż-żgħażagħ tiġi mħeġġa aktar.

(24)

Is-Sena Ewropea hija ankrata bis-sħiħ fil-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). B’mod partikolari, is-Sena Ewropea tfittex fl-azzjonijiet u fl-attivitajiet tagħha, li tiżgura b’mod sħiħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta. L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, stabbilita fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 2021 bit-titlu “Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal” u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal, stabbilita mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 (23), jistabbilixxu standard ġdid għar-rappreżentanza tat-tfal u tal-adoloxxenti u jirrikonoxxu lit-tfal u liż-żgħażagħ bħala ċittadini attivi u aġenti tal-bidla.

(25)

Sabiex ikun żgurat li s-Sena Ewropea tiġi implimentata b’mod effiċjenti u effettiv, jenħtieġ li tagħmel użu massimu mill-mekkaniżmi eżekuttivi li diġà jinsabu fis-seħħ. Sabiex jiġi ottimizzat il-valur miżjud tas-Sena Ewropea u jinħoloq impatt pożittiv addizzjonali fuq iż-żgħażagħ, jenħtieġ li jiġu mfittxija u żviluppati sinerġiji u komplementarjetà, b’mod partikolari, bejn is-Sena Ewropea u l-programmi tal-Unjoni, inklużi programmi b’ħidma internazzjonali, biex jintlaħqu n-nies iffokata speċifikament fuq iż-żgħażagħ u programmi mingħajr karattru transnazzjonali jew internazzjonali, b’mod partikolari programmi relatati mal-edukazzjoni u mat-taħriġ, mal-isport, mal-kultura u mal-media, maż-żgħażagħ u s-saħħa tagħhom, inkluża s-saħħa mentali, kif ukollmas-solidarjetà, mal-impjiegi volontarji u mal-inklużjoni soċjali, mar-riċerka u mal-innovazzjoni, mal-industrija u mal-intrapriża, mal-politika diġitali, mal-agrikoltura u mal-iżvilupp rurali, fejn dawk il-programmi jiffokaw fuq bdiewa żgħażagħ, mal-ambjent u mal-klima, mal-politika ta’ koeżjoni, mal-migrazzjoni, mas-sigurtà u mal-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali. Jenħtieġ li s-sinerġiji u l-komplementarjetà jiġu mfittxija wkoll bejn is-Sena Ewropea u l-attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri. Is-sinerġiji u l-komplementarjetà jenħtieġ li jibnu fuq tali programmi u attivitajiet tal-Unjoni mwettqa mill-Istati Membri.

(26)

Permezz tal-ħolqien ta’ ambjent għall-promozzjoni simultanja tal-objettivi tas-Sena Ewropea fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, jistgħu jinkisbu sinerġija akbar u użu aħjar tar-riżorsi. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni f’waqtha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-korpi u lill-assoċjazzjonijiet attivi fl-oqsma relatati maż-żgħażagħ fil-livell tal-Unjoni u tikkoopera mill-qrib magħhom. Bl-għan li jiġi żgurat li l-attivitajiet żviluppati għas-Sena Ewropea jkollhom dimensjoni Ewropea, huwa importanti li l-Istati Membri jiġu mħeġġin jikkollaboraw ma’ xulxin.

(27)

Il-koordinazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li tippermetti l-kokreazzjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li torganizza laqgħat, b’mod konġunt jew separatament, mal-partijiet ikkonċernati u mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet jew tal-korpi fil-qasam taż-żgħażagħ, u mal-koordinaturi nazzjonali, sabiex tgħin fil-kokreazzjoni u fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni. Il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ jenħtieġ li jkollu rwol ewlieni f’dawk il-laqgħat u fil-komunikazzjoni mad-diversi partijiet ikkonċernati u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet jew korpi fil-qasam taż-żgħażagħ.

(28)

Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tiffoka wkoll fuq azzjonijiet u fuq attivitajiet li jippreżentaw valur miżjud Ewropew potenzjali. Il-kunċett ta’ valur miżjud Ewropew għandu jinftiehem b’mod wiesa’ u jintwera b’modi differenti, bħal fejn l-azzjonijiet jew l-attivitajiet ikollhom karattru transnazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni mmirata lejn il-kisba ta’ impatt sistemiku sostenibbli jew jikkontribwixxu għall-identità Ewropea, għas-sensibilizzazzjoni u għat-tħaddin tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni fost iż-żgħażagħ, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għall-kapaċità tagħhom li jieħdu sehem fid-demokrazija rappreżentattiva u parteċipattiva tal-Unjoni.

(29)

Is-Sena Ewropea jenħtieġ li tippromwovi t-tixrid ta’ prattika tajba, it-twettiq ta’ studji u riċerka u l-ġbir ta’ data, l-istatistika u informazzjoni kwalitattiva jew kwantitattiva oħra dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Unjoni, inkluż dwar l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, permezz tal-użu ta’ sorsi bħall-Wiki taż-Żgħażagħ, ir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u l-Indiċi tal-Progress taż-Żgħażagħ.

(30)

Fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-allokazzjoni finanzjarja neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tiġi identifikata fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027. Il-baġit operazzjonali minimu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ EUR 8 miljun. Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju addizzjonali għas-Sena Ewropea jiġi pprovdut mill-programmi u l-istrumenti rilevanti tal-Unjoni, soġġett għad-disponibbiltà ta’ finanzjament, u f’konformità mar-regoli applikabbli. Il-finanzjament tas-Sena Ewropea jenħtieġ li ma jkunx ta’ detriment għall-finanzjament ta’ proġetti fil-programmi attwali tal-Unjoni u jenħtieġ li jkollu l-għan li jiżgura legat dejjiemi għas-Sena Ewropea lil hinn mill-2022. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja u f’konformità mal-Artikolu 314 TFUE, il-finanzjament għal dak il- legat jenħtieġ li jiġi identifikat fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027.

(31)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ din l-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(32)

Fid-dawl tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u, konsegwentement, tal-ħtieġa urġenti għall-objettiv tas-Sena Ewropea li jiġu onorati, appoġġati u involuti ż-żgħażagħ f’perspettiva ta’ wara l-COVID-19, huwa meqjus bħala xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(33)

Wara l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, hija meħtieġa applikazzjoni f’waqtha ta’ din id-Deċiżjoni sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida tas-Sena Ewropea. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b’mod urġenti fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Is-sena 2022 għandha tkun deżinjata bħala “Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022” (“Is-Sena Ewropea”).

Artikolu 2

Objettivi

F’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 u tal-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, kif definit fl-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żagħżagħ 2019-2027 u fl-Anness 3 tagħha, li għandhom approċċ transsettorjali li għandu l-għan li jiżgura li jitqiesu kif xieraq l-interessi u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fl-azzjoni politika fil-livelli kollha, l-objettiv ġenerali tas-Sena Ewropea għandu jkun li tingħata spinta lill-isforzi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, flimkien mal-atturi tas-soċjetà ċivili, li jagħtu s-setgħa, jonoraw, jappoġġaw u jinvolvu liż-żgħażagħ, inklużi dawk b’inqas opportunitajiet, f’ perspettiva ta’ wara l-pandemija tal-COVID-19 bl-għan li jinkiseb impatt pożittiv fuq terminu twil għaż-żgħażagħ. B’mod partikolari, is-Sena Ewropea għandu jkollha l-għan li:

(a)

iġġedded il-perspettiva pożittiva għaż-żgħażagħ, b’enfasi partikolari fuq l-effetti negattivi li kellha fuqhom il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tisħaq fuq kif it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u politiki oħrajn tal-Unjoni joffru opportunitajiet għaż-żgħażagħ u għas-soċjetà b’mod ġenerali, billi tieħu ispirazzjoni mill-azzjonijiet, mill-viżjoni u mill-għarfien taż-żgħażagħ sabiex ikompli jissaħħaħ u tingħata spinta lill-proġett komuni Ewropej u sabiex jingħata widen liż-żgħażagħ, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet u t-tħassib tagħhom, u tappoġġ liż-żagħżagħ fl-iżvilupp ta’ opportunitajiet u riżultati konkreti u inklużivi, filwaqt li jsir użu ottimali mill-istrumenti tal-Unjoni;

(b)

tagħti s-setgħa u tappoġġa liż-żgħażagħ, inkluż permezz ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ,speċjalment iż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet, żgħażagħ minn kuntesti żvantaġġati u diversi, żgħażagħ li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli u emarġinati, żgħażagħ minn żoni rurali, remoti, periferiċi u anqas żviluppati u żgħażagħ minn reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jakkwistaw għarfien u kompetenzi rilevanti u b’hekk isiru ċittadini attivi u involuti kif ukoll atturi tal-bidla, ispirati minn sens Ewropew ta’ appartenenza, inklużi sforzi addizzjonali fil-bini tal-kapaċitajiet għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u għall-parteċipazzjoni ċivika fost iż-żgħażagħ u fost il-partijiet ikkonċernati kollha, li jaħdmu sabiex jirrappreżentaw l-interessi tagħhom u tinvolvi l-kontribut taż-żgħażagħ minn diversi kuntesti fi proċessi ewlenin ta’ konsultazzjoni, bħall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u l-proċess tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ,

(c)

tappoġġa liż-żgħażagħ biex jiksbu fehim aħjar tad-diversi opportunitajiet disponibbli għalihom mill-politiki pubbliċi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, u tippromwovihom b’mod attiv, sabiex tappoġġa l-iżvilupp personali, soċjali, ekonomiku u professjonali tagħhom f’dinja ekoloġika, diġitali u inklużiva, filwaqt li timmira li tneħħi l-ostakli li jkun fadal biex iseħħ dan;

(d)

tintegra l-politika dwar iż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha tal-Unjoni f’konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 biex tħeġġeġ l-introduzzjoni tal-perspettiva taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika fil-livelli kollha.

Artikolu 3

Tipi ta’ miżuri

1.   Il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu l-attivitajiet li ġejjin fil-livell Ewropew, u abbażi tal-possibilitajiet eżistenti, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u, fejn rilevanti, fil-pajjiżi sħab, marbutin mal-objettivi tas-Sena Ewropea:

(a)

il-konferenzi, l-avvenimenti, kemm kulturali kif ukoll oħrajn, u l-inizjattivi politiċi immirati lejn iż-żgħażagħ għall-promozzjoni ta’ dibattitu inklużiv u aċċessibbli dwar l-isfidi, inkluż l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, inklużi dawk b’anqas opportunitajiet u li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, bħas-sitwazzjoni soċjali tagħhom, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u dwar l-azzjoni li jistgħu jieħdu l-partijiet ikkonċernati f’livelli differenti;

(b)

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-użu tal-għodod, tal-kanali u tal-programmi eżistenti, ġodda u innovattivi li jippermettu liż-żgħażagħ kollha jilħqu lil dawk li jfasslu l-politika billi jidentifikaw, jiġbru u jaqsmu l-esperjenzi u l-prattika tajba u jissensibilizzaw lil dawk li jfasslu l-politika dwar dawk l-għodod, kanali u programmi;

(c)

il-ġbir ta’ ideat bl-użu ta’ metodi parteċipattivi, fi sforz ta’ kokreazzjoni u l-implimentazzjoni konġunta tas-Sena Ewropea;

(d)

kampanji ta’ informazzjoni, ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni sabiex iwasslu valuri bħar-rispett, l-ugwaljanza, il-ġustizzja, is-solidarjetà, il-volontarjat, sens ta’ appartenenza u ta’ sikurezza, sensazzjoni li ż-żgħażagħ qed jinstemgħu u jiġu rrispettati, sabiex jiġu stimolati jikkontribwixxu b’mod attiv għall-bini ta’ soċjetà li tkun aktar inklużiva, ekoloġika u diġitali;

(e)

il-ħolqien ta’ spazji u għodod għal skambji dwar it-tisrif tal-isfidi f’opportunitajiet u l-ideat f’azzjonijiet fi spirtu intraprenditorjali, filwaqt li titrawwem il-kreattività, il-komunità u l-kooperazzjoni;

(f)

it-twettiq ta’ studji u ta’ riċerka dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Unjoni, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, billi tiġi prodotta u użata statistika armonizzata Ewropea u data rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni, u billi jiġu promossi u mxerrda dawk ir-riżultati fil-livell Ewropew, nazzjonali jew reġjonali;

(g)

il-promozzjoni ta’ programmi, ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament, ta’ proġetti, ta’ azzjonijiet u ta’ networks ta’ rilevanza għaż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-media soċjali u tal-komunitajiet online;

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw attivitajiet oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi tas-Sena Ewropea u jippermettu li r-referenzi għas-Sena Ewropea jintużaw bħala tikketta fil-promozzjoni ta’ dawk l-attivitajiet sakemm dawn jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dawk l-objettivi. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw ukoll tali attivitajiet oħrajn u jissuġġeruhom lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Koordinazzjoni fil-livell nazzjonali

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jaħtru koordinaturi nazzjonali għal dak l-għan. Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali tal-attivitajiet rilevanti. Huma għandhom jiżguraw ukoll li ż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż, fejn jeżistu, il-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, ikunu involuti u b’mod attiv jinvolvu ruħhom fil-kokreazzjoni, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tas-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali.

Artikolu 5

Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali sabiex tikkoordina t-tmexxija tas-Sena Ewropea. Dawk il-laqgħat għandhom iservu wkoll bħala opportunità biex isir skambju tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali. Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jipparteċipaw bħala osservaturi u jikkontribwixxu għal dawn il-laqgħat.

2.   Il-koordinazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni għandu jkollha approċċ trasversali bil-ħsieb li jinħolqu sinerġiji bejn id-diversi programmi u inizjattivi tal-Unjoni ta’ rilevanza għaż-żgħażagħ u għandha titqies kif xieraq fil-livell nazzjonali.

3.   Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat tal-partijiet ikkonċernati u tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet jew tal-korpi fil-qasam taż-żgħażagħ, inkluż il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħrajn taż-żgħażagħ, sabiex tgħin fil-ħolqien konġunt u fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 6

Kooperazzjoni fil-livell internazzjonali

Għall-fini tas-Sena Ewropea, fejn neċessarju, il-Kummissjoni għandha tikkoopera ma’ sħab internazzjonali u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, filwaqt li tiżgura l-viżibbiltà tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tiżgura l-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż permezz tas-Sħubija għaż-Żgħażagħ bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa u billi tistabbilixxi rabtiet b’saħħithom mal-kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa ‘Żgħażagħ għad-Demokrazija, Demokrazija għaż-Żgħażagħ’ u ma’ networks u organizzazzjonijiet internazzjonali taż-żgħażagħ.

Artikolu 7

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni. Dak ir-rapport għandu jinkludi ideat għal sforzi komuni ulterjuri fil-qasam taż-żgħażagħ sabiex jinħoloq wirt dejjiemi għas-Sena Ewropea.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D.M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  Opinjoni tat-8 ta’ Diċembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2021.

(3)  ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(5)  ĠU C 415, 1.12.2020, p. 16.

(6)  ĠU C 241, 21.6.2021, p. 3.

(7)  ĠU C 366, 27.10.2017, p. 7.

(8)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(9)  ĠU C 395, 29.9.2021, p. 101.

(10)  ĠU C 445, 29.10.2021, p. 75.

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

(13)  ĠU C 415, 1.12.2020, p. 1.

(14)  ĠU C 465, 17.11.2021, p. 82.

(15)  Ir-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 u (UE) Nru 375/2014 (ĠU L 202, 8.6.2021, p. 32).

(16)  ĠU C 189, 5.6.2019, p. 28.

(17)  ĠU C 414, 10.12.2019, p. 2.

(18)  ĠU C 418, 7.12.2017, p. 2.

(19)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(20)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(21)  ĠU C 385, 22.9.2021, p. 2.

(22)  Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1877 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni tal-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021-2027 (ĠU L 378, 26.10.2021, p. 15).

(23)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).


Top